Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema tas-servizzi Ingliżi — Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux l-ħsieb li titneħħa d-diskriminazzjoni fil-pensjoni għal dawk ex-ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi li minkejja l-wegħdi li saru magħhom, għadhom isofru minn tnaqqis fil-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ma teżisti ebda diskriminazzjoni kontra l-kategorija ta’ pensjonanti ndikati mill-Onor. Interpellant għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali meta persuna tkun qed tirċievi wkoll pensjoni għas-servizz li jkun ingħata lil xi prinċipal. Ninsab infurmata li dan ġie konfermat reċentement minn sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell.

Kumpaniji jagħmlu xogħol ta' tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fl-iSptar San Luqa, fl-iSptar Boffa, fl-iSptar Zammit Clapp u f'San Vincenz de Paule Residence?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fit-tabella ta' hawn taħt: Sptar San Luqa Joseph Degiorgio - Balzan Sptar Sir Paul Boffa Xejn Sptar Zammit Clapp Gafa' Saveways Ltd - B'Kara Residenza San Vinċenz de Paul Xejn

Ħaddiema tad-Dwana

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif u għaliex ttieħdet deċiżjoni li l-ħaddiema tad-Dwana li qed jaħdmu shift ta' day/night/rest u off qed jieħdu biss allowance ta' Lm100 fix-xahar u dan bla ma tingħata konsiderazzjoni li qed jaħdmu Ħdud u festi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond il-ftehim milħuq fil-5 ta’ April 2006, bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Union Ħaddiema Magħqudin, il-ħaddiema tal-Customs Class fid-dipartiment tad-Dwana huma ntitolati għall-allowance fissa fis-sena, irrispettivament jekk impjegat ikunx jaħdem bix-xift jew le. F’din l-allowance fissa, fost ammonti oħra, hemm inkluż il-ħlas tax-xift fil-Ħdud u l festi ta’ dawk il-ħaddiema li għadhom jaħdmu bix-xift.

OPM — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kiri u lease ta' karozzi fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Airmalta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24750 u jikkonferma li l-Air Malta għamlet outsourcing ta' ċertu xogħol fil-qasam ta' l-IT fix-xhur li għaddew? Dan kemm ġie jiswa? Jista' jikkonferma li dan il-kuntratt ingħata lill-kumpannija SITA aktar minn sena ilu? Liema kumpanniji oħra ġew ikkonsidrati qabel saret din l-għażla? Jista' jikkonferma jekk SITA ħadux kuntratti simili li kienu jinkludu networking, infrastructure, desktop work u applications qabel ġew magħżula għal dan il-kuntratt? X'kienu l-problemi li nqalgħu ma' SITA riċentement fl-esekuzzjoni ta' dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pilloli tal-pressjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-outpatients li jieħdu l-Lopcress għall-pressjoni u l-Bagopic iridu jmorru għalihom l-isptar u m'humiex jinqdew miċ-ċentri tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Filwaqt illi s-sistemi tal-Gvern jidentifikaw mediċini fuq bażi ta' l-isem ġeneriku u d-doża tagħhom, is-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern ma setgħux jaċċertaw liema huma l-mediċini msemmijin. Nitlob għalhekk lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku dwar liema mediċini qed jirreferi għalihom.

Konsum ta' l-ilma

Question

Tista' l-Water Services Corporation tinvestiga l-ilment tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li l-konsum ta' l-ilma tagħhom dan l-aħħar qed jiġi recorded ferm ogħla minn qabel meta skond huma l-konsum attwali baqa' l-istess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-raġuni għalfejn kien hemm żieda fil-kont hija illi d-dar tal-familja indikata mill- Onorevoli Leo Brincat, kellha l-arloġġ ta’ l-ilma wieqaf. Fil- fatt minn Ġunju 2000 sa Mejju 2005 il-qari ta’ l-arloġġ ta’ l-ilma baqa dejjem l-istess. Matul dan il-perjodu, il-kontijiet ta’ l-ilma ħarġu fuq stimi u kien hemm ukoll xi perjodi fejn il- kont kien ikopri kera ta’ l-arloġġ biss. Fl-2005 kien ġie installat arloġġ ġdid u minn dak iż-żmien il-quddiem bdew joħorġu kontijiet ibbażati fuq il- qari ta’ l-arloġġ il-ġdid. Għalhekk ma jidher li hemm l-ebda każ ta’ reviżjoni. Madankollu fil-ġranet li ġejjin il-Korporazzjoni se tibgħat l-uffiċjali tagħha sabiex jikkonfemaw li m’hemm l-ebda anomalija.

Persuni b'diżabilita' — Ħrieqi

Question

Tista' l-Ministru tara li l-ħrieqi li jingħataw l-persuni b'diżabilita' jkunu ta' kwalita' aħjar għax qiegħed jkollna numru ta' lmenti mingħand ġenituri li qed jixtru dawn il-ħrieqi minn kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħrieqi li jingħataw lill-persuni b'diżabilita' huma ċertifikati bil-miktub li huma konformi ma' l-International Recognised Standards l-ISO 9001 kif ukoll l-ISO 11948-1.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq f'mediċini għas-sena 2006/2007 u kemm għandu jagħti lill-aġenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa ta' mediċini ingħatat fir-risposta għal mistoqsija numru 25411. Fl-aħħar ta' Marzu 2007, l-ammont dovut lill-aġenti lokali u internazzjonali għal mediċini kien ta' Lm8,821,729.68. Jista' jkun hemm xi kontijiett oħra li għadhom qed jiġu verifikati u għaldaqstant mhux imdaħħla fis-sistema tal-Accounting tad-Dipartiment u esklużi mill-figura mgħotija.
Leg 10 PQ #25466 Sitting 523 2007-05-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew turisti mis-sena 2000 sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' turisti li ġew Malta mis-sena 2000 sa l-2006 kien kif ġej: 2000 1,215,718 2001 1,180,145 2002 1,133,814 2003 1,126,601 2004 1,156,028 2005 1,170,610 2006 1,124,233 Ta' min iżid li jekk wieħed iqabbel il-perjodu Novembru-Marzu 2006/7 ma' Novembru-Marzu 2005/6 wieħed isib żieda ta' 19,349 turist (7.1%).

Klandestini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn klandestini f'Malta u Għawdex? Kemm mietu? Biex mietu?

Response (BORG, TONIO)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal immigranti irregolari. Ninsab infurmat illi fil-preżent (27 ta' April) hawn 748 immigrant irregolari miżmuma fiċ-ċentri ta' akkomodazzjoni li jitmexxew mill-Pulizija u l-Armata. Infurmat ukoll illi mis-sena 2002 l'hawn ġew irrapurtati żewgt imwiet, wieħed kien vittma ta' omiċidju filwaqt li ieħor miet b'kawża naturali. Dwar immigranti irregolari li qed jinżammu f'ċentri oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Turisti abbużati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm turisti rrappurtaw li ġew abbużati sesswalment? Kemm kellhom eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, filwaqt li ma ġie rrapurtat ebda każ ta' stupru, il-Pulizija kellha 4 rapporti dwar każi ta' attakki sesswali, fuq barranin. L-eta' tal-vittmi kienet 14, 19, 44 u 28 sena rispettivament.

Marfa u Cirkewwa

Question

Peress li l-partijiet tat-triq bejn l-Marfa u ċ-Ċirkewwa li ma ġewx asfaltati huma fi stat ħażin ħafna, jista' l-Ministru jgħid meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-ADT ħarġet sejħa għall-offerti sabiex isiru patching works tul din it-triq. Ġew sottomessi ħames offerti li qegħdin jiġu aġġudikati mill-ADT. Hekk kif t-tender jiġi aġġudikat jinbdew ix-xogħlijiet.

Mediċini essenzjali

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk fl-aħħar ġimgħat kienx hawn nuqqas ta' mediċini essenzjali għal dawk li jbatu bl-epilessija u li huma ntitolati għalihom mis-servizz nazzjonali tas-saħħa? Meta se jerġa' jkun hawn minn dawn il-mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-aħħar ġimgħat kien hawn nuqqas tal-mediċina Phenytoin 25mg, 50mg u 100mg. Dan kien riżultat ta' bidla fil-mod kif jitqassmu l-mediċini mill-manifatturi u wholesale dealers barra minn Malta. Sakemm tiġi solvuta l-problema, dawn il-mediċini jistgħu jinġabru mill-ispiżeriji tal-gvern ta' l-isptar San Luqa u taċ-Ċentri tas-Saħħa li jinsabu l-Mosta, Floriana u Paola.

Benefiċċju soċjali

Question

Jista' jiġi verifikat jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament huwiex intitolat għal xi benefiċċji soċjali li ħadem għalihom f'Malta qabel emigra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Ilmenti minn ġenituri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni rċevitx xi lmenti minn ġenituri dwar għalliema li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti f'din is-sena skolastika? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji relevanti dwar x'kienu l-każi? X'passi ttieħdu jekk l-ilment ġie ppruvat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sezzjoni mhux statali rċeviet ilment wieħed bil-miktub minn għand iċ-Child Safety Service. Uffiċjali tad-Dipartiment talbu rapport mill-kap ta' l-iskola u l-għalliema u dawn ir-rapporti għaddew għand iċ-Child Safety Services.

Tneħħija ta' surcharge

Question

Jista' l-Ministru bħala Ministru responsabbli mill-isport jipproponi biex jitnaqqas is-surcharge fuq attivitajiet sportivi u dan biex ikompli jinkoraġixxi liż-żgħażagħ tagħna jieħu sehem fl-isport fil-għaxijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Meta jkun il-waqt ngħarraf lill-Kamra u l-pubbliku bi proposti ta' policy jew miżuri li jolqtu d-dekasteru tiegħi.

Detox

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul l-ewwel erba' xhur tas-sena x'kien in-nurmu ta' nies li talbu l-għajnuna minħabba t-teħid tad-droga mid-Detox? Tista' tagħti l-figuri bejn Jannar u April xahar b'xahar imqassma f'irġiel u nisa? Kemm minn dawn talbu l-għajnuna l-ewwel darba? Kemm kien l-iżgħar u kemm l-akbar klijent?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.