Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera — Taraġ fil-bypass

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24378, 24653 u 24891 dwar talba biex jiġi rranġat t-taraġ li hemm jagħti minn Canon Road għal Santa Venera minn fuq il-bypass, jista' l-Ministru jgħid xi proġess sar sal-lum? Beda x-xogħol? Meta se jkun lest?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-imsemmi taraġ huwa kważi lest. Kulma jonqos hu li jsir tindif ta' xi' materjal.

Ħ'Attard — Reserved parking

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 19495 u 21718, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx permess biex ikun hemm reserved parking quddiem l-indirizz 1, Sqaq il-Pjazzetta Nru 2, Attard?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li r-Reserved Parking li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari mhux għal użu minn Persuni b’Diżabilita’. Minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 1998 ma nstabitx approvazzjoni għal tali Reserved Parking. Iżda t-Taqsima hi nfurmata li tali approvazzjoni nħarġet mill-pulizija.

SmartCity — Master plan

Question

Peress li l-kuntratt eżistenti bejn il-Lands Department u l-MFS jinkludi konċessjoni fuq il-Forti Santu Rokku, liema konċessjoni għandha l-permess għal żvilupp ta' attivita' kummerċjali u ta' divertiment, u peress li ż-żona ta' madwar il-forti se tkun tinkludi żona residenzjali, jista' l-Ministru jgħid x'garanzija ġab mingħand is-sid eżistenti ta' Forti Santu Rokku li mhux ser isir żvilupp li jiddisturba l-ambjent propost fil-master plan ta' SmartCity?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern m’huwa obbligat iib l-ebda garanzija li qiegħed jirreferi għaliha hu fil-mistoqsija tiegħu. Barra minn hekk m’għandix dubju li l-Onor Interpellant jaf li l-policies ta’ l-użu ta’ l-art huma determinati mill-MEPA u mhux mis-sid li jirreferi għalih hu.”

SmartCity — Master Plan

Question

Peress li l-kuntratt eżistenti bejn il-Lands Department u l-MFS jinkludi konċessjoni fuq il-Forti Santu Rokku, liema konċessjoni għandha il-permess għal żvilupp ta' attivita' kummerċjali u ta' divertiment, u peress li ż-żona ta' madwar il-forti ser tkun tinkludi żona residenzjali, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'garanzija ġab mingħand is-sid eżistenti ta' Forti Santu Rokku li mhux ser isir żvilupp li jiddisturba l-ambjent propost fil-master plan ta' SmartCity?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Single parent

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tas-single parent minn Bormla, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interepellant, li saret fit-12 ta' Marzu 2007, qed tiġi proċessata.

Awtorita' tad-Djar — Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li għamlet il-persuna Bormliża, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-inizjattiva Care and Repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-perit ta’ l-Awtorita’ tad-Djar approva l-istima tax-xogħlijiet dwar l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li permezz ta’ ittra datata 27 ta’ Marzu 2007, l-Awtorita’ infurmat lis-social worker tal-persuna konċernata b’dan kif ukoll li x-xogħol setgħa jinbeda.

Bormla — Tibjid fil-parti komuni ta' flats

Question

Tista' l-Ministru tara meta se jsir it-tibjid fil-parti komuni tal-binja Blokk 3, Bieb A, Flat 4, Triq San Ġwann t'Għuxa, Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa skond il-prioritajiet tax-xogħol li għandu d-Dipartiment.

Bormla — Bankina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bankina fi Triq Wiġi Rosato f'Bormla, bejn Triq l-Inkurunazzjoni u l-kantuniera l-oħra, togħla biex ma jitilgħux fuqha l-karozzi, u dan biex ma tibqax ta' periklu għar-residenti, partikolarment min ikun għaddej mill-viċinanzi bil-mixi? Jistgħu jsiru xi bars biex il-bankina tkun protetta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Wiġi Rosato hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.

Bormla — Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Wiġi Rosato, Bormla? X'possibbilta' hemm li jibdew jgħaddu minn triq differenti minħabba d-djuq ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn Triq Wiġi Rosato tgħaddi biss ir-Rotta 22. Din ir-rotta ċirkulari tgħaddi waħda kull siegħa u tibda mill-Isla, Gavinu Gulia, Bormla, Żabbar, Marsaskala, Bormla, Gavinu Gulia u ddur minn Triq Wiġi Rosato biex terġa tidħol l-Isla. L-uniku possibilita li hemm sabiex ir-rotta ma tgħaddix minn Triq Wiġi Rosato hija li meta din ir-rotta mill-Isla tasal Marsaskala, minn Żabbar tibqa' sejra mill-Fgura u ddur minn Għajn Dwieli. Din il-possibilta tista' tkun ta’ inkonvenjent għall-passiġġieri li jagħmlu użu llum minn din ir-rotta bejn Marsaskala u Bormla għaliex titwalilhom it-triq. Din il-proposta ser tiġi imressqa lill-ATP sabiex tiġi mplimentata fuq bażi ta’ prova ta’ tlett xhur.

Birgu — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex ma ttieħdux l-azzjonijiet meħtieġa biex tissolva mill-aktar fis possibbli l-problema ta' drenaġġ li dieħel fir-residenza fil-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma iċċekjat il-mejn tad-drenaġġ fit-triq inkwestjoni u nstab li dan huwa tajjeb. Il-problema issa qed jinvestigaha d-Dipartiment tas-Saħħa biex jinvestigaw il-lower drain tad-djar f'din it-triq.

Birkirkara — Triq Notabile

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tittaffa problema li qegħdin jiltaqgħu magħha residenti li joqogħdu fi Triq Notabile, Birkirkara u t-toroq tal-madwar, minħabba numru kbir ta' skejjel tat-tagħlim tal-karozzi li qegħdin jiġu jgħallmu l-karozza f'dik it-triq f'diversi ħinijiet tal-ġurnata? Minħabba li dawn ir-residenti, kawża ta' dan l-istess tagħlim ta' karozzi fit-triq tagħhom, qed ikollhom ħafna ħsarat speċjalment fil-vetturi tagħhom ipparkjati barra, jista' jara li jiġu stallati cameras tas-sigurta' immedjatament matul din it-triq u dawk tal-madwar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permessi lill-iskejjel tat-tagħlim tal-karozzi jinħarġu mill-Awtorita' tat-Trasport (ADT) u mhux mill-Pulizija. Madankollu tajt istruzzjonijiet lill-Pulizija biex jinvestigaw, u jekk jirriżulta xi ksur tal-liġi, jittieħdu l-passi neċessarji.

Fabbrika ta' Farsons — Ħruġ ta' duħħan

Question

Jista' l-Ministru jgħid, għal ġieħ ir-residenti li joqogħdu fi Triq Notabile u tal-madwar, jekk l-ammonti ta' duħħan iġġenerati mill-fabbrika ta' Farsons hux skond il-liġi, anke fid-dawl ta' l-obbligi li wieħed irid josserva skond liġijiet Ewropej? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid kif wasal għat-tali konklużjoni u jekk ma jafx, jista' jara li jsir studju mmedjatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din hija l-ewwel darba li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rċeviet ilmenti ta` dħaħen minn din il-fabbrika. Għaldaqstant ser issir investigazzjoni f’dan ir-rigward mill-uffiċjali ta’ l-Awtorità.

Kummissjoni Ewropea — Proċeduri legali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fir-rigward tal-proċeduri legali mressqa mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta fir-rigward ta' allegat ksur ta' artiklu 11 tad-Direttiva 96/59/EC? Jista' jispjega x'miżuri qed jittieħdu, partikolarment mill-MEPA, sabiex ir-rekwiżiti ta' din id-direttiva jkunu milħuqa kif suppost?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għall-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant jista’ jingħad li l-Gvern ħejja u bagħat ir-risposta ta’ difiża lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fir-rigward tal-proċeduri legali mressqa mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta fir-rigward ta' allegat ksur ta' Artiklu 11 tad-Direttiva 96/59/EC. Il-Gvern ħejja l-pjanijiet rikjesti mill-Artiklu 11 tad-Direttiva 96/59/EC u dawn il-pjanijiet ġew ikkommunikati lill-Kummissjoni Ewropea. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) min-naħa tagħha ħadet ħsieb it-transpozizzjoni tad-Direttiva fil-Liġi Maltija kif ukoll diġà ppreparat pjan ta’ kif għandu jiġi mmaniġġjat l-iskart in kwistjoni.

Birkirkara — Triq il-Ftieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid, billi jagħti data konkreta, meta ser tingħata t-tarmac Triq il-Ftieħ, Birkirkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija hija waħda mit-toroq fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li ħarġet l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Għaldaqstant din it-triq ser tkun lesta sa l-aħħar tas-sena 2008.

Flats tal-gvern — Forma ta' sussidju

Question

Tista' l-Ministru tagħti xi forma ta' sussidju fuq ir-running costs tal-lift lil dawk il-familji li joqogħdu fil-flats tal-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern ikopri l-ispejjeż kapitali kollha għall-istallar ta’ lifts fi blokki tal-Gvern fejn l-appartamenti jkunu mikrija. Dawn l-ispejjeż jammontaw għal eluf ta’ liri. Il-medja tar-running costs tal-lift għal kull appartament tammonta għal madwar Lm5 fix-xahar. S'issa m'hemmx il-ħsieb li l-Awtorita tad-Djar tissussidja dawn l-ispejjez.

Malta u l-Awstralja — Sistema tal-Medicare

Question

Jista' l-Ministru jirranġa s-sistema tal-Medicare li hi reċiprokata bejn Malta u l-Awstralja sabiex minn sitt xhur żmien issir bla limitu bħalma għandha l-Awstralja ma' pajjiżi oħra?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Kummissjoni Għolja ta' Malta fl-Awstralja qed tiddiskuti din il-materja ma' l-awtoritajiet Awstraljani bil-ħsieb li jiġu evalwati l-implikazzjonijiet ta' l-estensjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Msida — Triq il-Makna tas-Serrar

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman fl-inħawi ta' 49, Triq il-Makna tas-Serrar, Msida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma saret l-ebda talba għal round topped road hump fi Triq il-Makna tas-Serrar. It-Taqsima ser tikkuntattja lill-Kunsill Lokali rigward dan is-suġġeriment.
Leg 10 PQ #25039 Sitting 523 2007-05-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

OECD — Applikazzjoni Maltija

Question

Fid-dawl ta' rapporti li dehru f'sezzjoni ta' l-istampa lokali, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra fhiex waslet l-applikazzjoni Maltija sabiex pajjiżna jissieħeb fl-OECD?

Response (FRENDO, MICHAEL)

F'Mejju 2006, il-Kunsill ta' l-OECD qabel li jinbeda proċess li jidentifika pajjiżi li setgħu jsiru membri ġodda u li magħhom setgħu jissaħħu r-relazzjonijiet. Fl-aħħar tlett xhur tas-sena l-oħra, il-Kunsill ta' l-OECD iddiskuta b'mod preliminarju t-talba għas-sħubija tat-8 membri ġodda ta' l-Unjoni Ewropea li mhumiex membri ta' l-OECD (jiġifieri, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, is-Slovenja, ir-Rumanija u l-Bulgarija). It-talba ta' Malta ġiet diskussa f'Diċembru 2006. S'issa, l-OECD għadha qed tistudja dawn it-talbiet għas-sħubija. Fit-3 ta' April 2007, l-Unjoni Ewropean ħadet deċiżjoni fuq livell ta' Rappreżentanti Permanenti biex tgħin lill-Membri kollha tagħha jissieħbu fl-OECD. Sadattant, intlaħaq ukoll ftehim biex Malta, flimkien mas-seba' pajjii l-oħra, tieħu sehem fl-Economic and Development Review Committee (EDRC) ta' l-OECD bħala parti mid-Delegazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

Xiri ta' appliances — Refunds

Question

Peress li l-gvern qed jagħti refund għal min jixtri/fridge freezer li taqa' fi klassi "A", issa fl-avviż legali li ħareġ, dan ir-refund qed jingħata lil dawk li jaqgħu fi klassi Tropical jew ST/A+, x'inhi r-raġuni wara din il-bidla, meta dawn iż-żewġ tipi huma ħafna ogħla fil-prezz u jaħlu aktar dawl u dan meta r-room temperature tagħhom tvarja bejn 18°C u 38°C u 43°C?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li qatt ma saret xi bidla fir-rekwiżiti għall-għotja. Wieħed jistenna li fridges ST u T huma aktar għolja fil-prezz minn dawn N jew SN. Dan għaliex fridges ST u T għandhom insulation aħjar u għandhom kumpressur akbar biex ilaħħqu jkessħu kif suppost meta t-temperatura togħla. Minkejja dan, skond id-database ta’ l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Ma jirriżultax li appliances ST huma aktar għolja minn appliances SN. Ovvjament, hemm fatturi oħra li jiddeterminaw il-prezz barra il-climate class. Ma jirriżultax, l-anqas, li appliances SN jew N huma, bħala regola ġenerali, aktar effiċjenti minn dawk ST jew T.