Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija jieħdu azzjoni fuq il-mistoqsija parlamentari 25343 għaliex s'issa ma sar xejn? Is-sidien ikunu hemm bejn l-10.30 - 11.00 a.m.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saru diversi spezzjonijiet fl-inħawi msemmija bħala tal-Ħotob, u anke fl-akwati magħrufa bħala it-Tumbata, pero' ma ġew osservati l-ebda klieb jiġru barra.
F'dawk l-inħawi hemm ħafna rziezet u għelieqi, pero' s'issa ħadd għadu ma ta informazzjoni dwar xi individwu jew post partikolari fejn jinstabu dawn il-klieb.
Diversi kostitwenti fid-distrett tiegħi li għandhom qraba fis-sala 5/6 tan-nisa (St Francis Ward) fir-residenza San Vincenz de Paule, ilmentaw min-nuqass ta' kura u traskuraġni fil-konfront ta' l-anzjani min-naħa ta' l-istaff. Fost l-oħrajn semmewli każijiet ta' pazjenti li ma jitniżżlux mis-sodod, kif ukoll każijiet fejn il-qanpiena tal-pazjent tinqala' mis-sodda biex il-pazjent ma jkunx jista' jsejjaħ lin-nurse u meta l-kostitwenti tiegħi ilmentaw fuq dan it-tip ta' trattament qalulhom li fis-sala hemm nuqqas kbir ta' staff u dak kien l-aħjar li jistgħu jagħmlu mal-pazjenti anzjani. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li f'din is-sala hemm nuqqas ta' staff? Jekk huwa minnu, x'qed isir mid-dipartiment fuq din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid jekk waslulux ilmenti simili?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istaff fl-imsemmija sala dejjem taw l-aqwa kura possibli. Xhieda ta' dan huwa l-fatt li għalkemm il-maġġoranza tar-residenti huma bed ridden, il-pressure sores huma ineżistenti.
F'każijiet eċċezjonali jista' jirriżulta li r-residenti ma jitniżżlux kollha mis-sodda. Rigward in-nurse call, minn investigazzjoni li għamel il-management, ma jirriżultax li jinqalgħu xi qniepen tar-residenti. Jekk kien hemm xi qanpiena bil-ħsara, dejjem inġibdet l-attenzjoni biex din titranġa.
Ir-residenza ta' San Vinċenz hi istituzzjoni ta' aktar minn elf ruħ fejn ir-rata ta' dipendenza qiegħda dejjem tikber. Fil-fatt in-nefqa tad-Dipartiment fit-taqsima tal-kura dejjem jiżdied u fi żmien qasir ser toħroġ tender għal servizz ta' aktar carers biex jiżdied il-complement fis-swali tan-nisa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir pelican light f'Birkirkara bypass ħdejn ir-roundabout li tagħti għal Triq Tumas Fenech, għaliex qed jaqsmu ħafna nies u sejjer iweġġa' xi ħadd?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli iNterpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tipprepara l-proposti għal din il-pelican crossing.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25771 u 25539 u jgħid x'irriżulta mit-testijiet li saru fuq il-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Hal Luqa? Jista' jgħid jekk dan il-main hux se jinbidel qabel ma jsiru x-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għandu jinbidel parti mill-main tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa. Dan ser isir fil-futur qarib meta jkunu nħarġu l-permessi neċessarji.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25784 u 25071 u jgħid kemm hu n-numru ta' persuni/kumpanniji/households/intraprendituri (separatament) li fil-preżent għandhom arranġament sabiex iħallsu l-arretrati tal-kontijiet pendenti għat-taxxa ta' l-income?
Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Għal kemm snin imur lura l-aħħar pagament dovut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10661 li ġiet risposta fl-14 ta' Frar, 2005 u kienet titratta dwar Triq Sannat, Sannat, peress li fit-tweġiba li ngħatat il-Ministru qalet li x-xogħolijiet kienu pjanati li jsiru s-sena d-dieħla, jiġifieri fl-2006; peress li diġa' qegħdin f'Mejju 2007 u għadu ma sar xejn tista' l-Ministru tispjega għaliex għadu ma sar xejn u tgħid meta ser isir ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li nħarġet u ngħatat tender għax-xogħol fi Triq Sannat, Sannat u li x-xogħol sejjer isir aktar tard matul is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' parkeġġ għar-residenti tal-Belt kenitx koperta bil-permessi ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li din toħloq preċedent għal talbiet għal skemi simili f'lokalitajiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-iskema ta' parkeġġ li hemm fil-Belt Valletta ġiet approvata mill-Awtorita' dwar it-Trasport bħala parti mill-miżuri ta' kontroll ta' trafiku li l-Gvern implimenta f'dawn l-aħħar xhur fil-Belt.
Dawn l-iskemi ta' parkeġġ huma relatati ma' dawn il-miżuri speċifiċi. L-Awtorita' dwar it-Trasport tevalwa talbiet għal skemi ta' parkeġġ simili skond iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru mis-segretarjat għan-negozji żgħar fi Triq Nikol Muscat kantuniera ma' Triq Filippo Apap Bologna, Mosta li permess tagħhom ingħalqet it-Triq Filippo Apap Bologna inkluż speċi ta' flower pot kbir kienx kopert bil-permessi tal-MEPA meħtieġa?
Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni għaliex blokk ġdid ta' appartamenti fi Triq l-Argotti, Floriana ġie dikjarat li hu fi stat strutturali perikoluż?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma jirriżultalix li saret xi dikjarazzjoni li l-blokk indikat mill-Onor. Interpellant hu fi stat perikoluż. Iżda ninsab infurmata li qed isiru investigazzjonijiet dwar xi materjal li ntuża.
Jista' l-Ministru jara li ma jsirx parking fiż-żona pedonali tal-Belt b'mod partikolari quddiem l-Embassy Complex fi Triq Santa Luċija għax inkella l-iskop taż-żona pedonali se jintilef?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser ngħaddi din l-informazzjoni lill-Awtorita' tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali biex jieħdu l-miżuri neċessarji.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex trinka li nfetħet fi Triq il-Punent, il-Belt proprju quddiem d-dar fejn kien joqgħod Dun Gorġ Preca u li ilha madwar tliet xhur miftuħa, tingħalaq għax qegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tag ta' security ma nħarġitx lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minkejja li dan għandu l-liċenzja ta' security?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija inħarġitilha l-Liċenzja ta' Gwardjan Privat filwaqt li l-Identification Tag ser tinħareġ dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru road emission tests fuq vetturi minn Ġunju 2006 sa April 2006 mill-gwardjani lokali bl-apparat misluf lilhom mill-Awtorita' dwar it-Trasport?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2006 sa April 2007 saru 4,786 road emission tests fuq vetturi mill-gwardjani lokali bl-apparat misluf lilhom mill-Awtorita' dwar it-Transport.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu x-xogħlijiet biex titranġa l-klinika ta' H'Attard? Jista' jgħid meta hu mistenni li x-xogħol ikun komplut? Kemm hi l-ispiża u x'tip ta' xogħlijiet saru u x'baqa' jsir? X'servizzi hu mistenni li toffri din il-klinika wara li jitlesta x-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħolijiet konnessi mar-refurbishment tal-Berġa ta' H'Attard kważi lesti. Peres li ser isir pavimentar fuq il-biċċa ta' barra, id-data finali ma tistax tiġi ffissata għal issa.
L-ispiża totali mistennija tlaħħaq Lm10,500.
Ix-xogħolijiet li saru huma:
1. xogħolijiet strutturali
2. tikħil, tibjid u żebgħa tal-post
3. stallazzjoni ta' sistema ġdida ta' l-elettriku
4. sistema ta' l-ilma ġdida
5. sistema ta' drenaġġ ġdida
6. pavimentar tal-post kollu
7. stallazzjoni ta' toilets għall-pubbliku, staff u persuni bi bżonnijiet speċjali
8. bibien u twieqi ġodda kemm interni u esterni
Ix-xogħolijiet li għad iridu jsiru huma:
1. bieb li jifred il-berġa minn mal-war rooms
2. bieb / grada ta' barra
3. pavimentar ta' spazju apert bejn il-berġa propja u l-ħajt ta' barra
Is-servizzi li mistennija jingħataw minn din il-berġa huma:
1. servizz bażiku ta' tabib
2. servizz ta' infermiera
3. tqassim ta' mediċini kull xahar fuq preskrizzjoni ta' tabib
4. servizz ta' Speech Therapy
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23027, jista' l-Ministru jgħid x'fadal xogħol xi jsir u meta hu mistenni jitlesta x-xogħol fi Triq il-Ġonna, Dingli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħlijiet fi Triq il-Ġnien Dingli jibdew hekk kif it-tender għall-istess xogħlijiet tkun mgħotija. L-ewwel grupp ta' toroq li se jsiru din is-sena f'Had-Dingli huma dawn li ġejjin:-
Triq Daħlet is-Sienja - Bonnici Bros. ltd
Triq Dun Karm Azzopardi - Philip Agius & Sons Ltd
Triq l-Irdum - Philip Agius & Sons Ltd
Ix-Xogħlijiet fi Triq Daħlet is-SIenja tlestew filwaqt li x-xogħol fi Triq Dun Karm Azzopardi u Triq l-Irdum huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25844 u jgħid jekk arblu tad-dawl fi Mdina Road, Żebbuġ - ftit l-isfel mill-iskola St Dorothy, jistax jitranġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirrefri l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk hux possibbli l-waste serve tara tistax tbiddel il-post tal-bring-in sites li hemm fi Triq il-Qalliet, Wied il-Għajn u issibilhom post ieħor għax jinsabu viċin ferm ta' residenti u minħabba l-fatt li hemm nies irresponsabbli li qed iħallu l-imbarazz mal-art ħdejn il-bins tal-bring-in sitesdawn qed ikunu ta' inkonvinjent għar-residenti u eye soregħal għadd kbir ta' nies u turisti li jgħaddu minn din it-triq?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.