Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li sal-lum huma eżentati mill-ħlas ta' CVA għad-dħul fil-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sistema tas-CVA awtomatikament teżenta l-vetturi msemmijin hawn taħt. Sal-ġurnata tat-8 ta’ Mejju 2007 dawn jammontaw għal:
Ambulanzi - 56
Vetturi tat-Trasport Pubbliku (esklużi
self-drive
) - 2,505
Vetturi Elettriċi - 17
Muturi - 12,398
Is-sistema tas-CVA ser awtomatikament teżenta lil residenti tal-Belt li l-vetturi li ser jinżammu ġol-Belt mill-inqas 15-il lejl fix-xahar, għal sagħtejn sħaħ bejn is-siegħat ta’ 01.00 u 05.00. Din ser tiġi kkalkulata bħala parti mill-proċess ta’ kif jinħadem il-kont fl-aħħar ta’ kull xahar.
L-ADT appuntat Bord bħal ma hemm stipulat fl-Avviż Legali 105/2007. Dan il-Bord bħalissa qiegħed jara l-applikazzjonijiet għal eżenżjonijiet kollha li daħlu sal-ġurnata tal-llum.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li xi partijiet jew aktar mill-Forti Sant'Iermu jgħaddu għand il-privat? Jekk iva, lil min u x'inhu l-iskop wara dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha quddiema l-ebda talba sabiex partijiet minn Sant'Iermu jgħaddu għand il-privat.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-Forti Sant'Iermu? Hemm il-ħsieb li jkun involut is-settur privat fil-pjani li l-gvern għandu? Jekk iva, min huma dawk li se jkunu nvoluti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Forti Sant'Iermu huwa wieħed mill-proġetti li l-Gvern ħejja pjan ta' azzjoni mhux biss għall-Fort Sant'Iermu iżda kif ukoll għall-inħawi tal-madwar. Il-gvern studja l-possibilitajiet tal-Brief li għandu jiġi rivedut u qed jara l-kumpless bħala sistema waħda minn strateġija integrata għall-arja tal-port kollu.
Minħabba li jidher li din it-triq hija waħda mit-toroq li hija ndikata li ser issir, jista' l-Ministru ġentilment igħid meta huwa maħsub li Triq il-Buttuniera ġewwa Wied il-Għajn jsir ix-xogħol tant meħtieġ fiha minħabba l-inkonvenjent li qed igħaddu minnu r-residenti tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jgħid min kienu l-uffiċjali kollha maħtura mill-gvern sabiex iservu fuq il-kumitat tas-SEA audit fl-2006 fl-eżerċizzju li l-gvern sejjaħ rationalisation of development boundaries? Minn meta ġie maħtur kull membru u sakemm żammew il-kariga u fuq liema kriterji ġew maħtura? Min kien jew min kienet l-uffiċjal tas-SEA audit teamli qatagħha li m'hemmx ħtieġa ta' environment impact assessment f'dan l-eżerċizzju ta' żoni ġodda ta' żvilupp, ċioe' r-rationalisation of development boundaries?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri tas-SEA Audit Team maħtura bis-saħħa ta’ l-Iskeda Sitta ta’ l-Avviż Legali Numru 418 ta’ 2005 bl-isem Regolamenti ta’ l-2005 dwar Stima Ambjentali Strateġika kienu Dr Ing. Christopher Ciantar bħala Chairman fil-kapacità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku u l-Av. Simone Borg u s-Sur Jacques Sciberras bħala membri fil-kapacità tagħhom ta’ avukat u soċjo-ekonomista rispettivament. Il-membri ġew appuntati mill-Kabinet nhar is-27 ta’ Ġunju 2006. Il-membri għadhom iservu sal-lum ħlief l-Av. Simone Borg li rriżenjat mill-Bord xi ġimgħat ilu minħabba raġunijiet personali.
Id-deċiżjoni li ż-żoni ta’ żvilupp ma għandhomx jiġu suġġetti għal Stima Ambjentali Strateġika ħadha l-Audit Team skond id-deċiżjoni li ġiet ikkomunikata fil-pubbliku s-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-option ta' l-Għarbi mhux qed tingħata fil-Junior Lyceum Dun Ġużepp Zammit Brighella tal-Hamrun meta kien hemm tlett studenti li għażlu l-Għarbi mill-form 2 għall-form 3 u dan meta fi skejjel oħra anke għal numru inqas ta' studenti jkun hemm għalliem/a disponibbli għax imorru f'dawn l-iskejjel rispettivi? Jista' jgħid ukoll għaliex f'din l-istess skola meta kien hemm promotionfis-suġġetti li jistgħu jiġu magħżula, il-lingwa Għarbija ma ġietx mogħtija l-istess trattament ta' suġġetti oħrajn minkejja li kien hemm min offra li jagħmel dan, u dan fi żmien fejn qed naraw li għandna nuqqas ta' persuni kapaċi fil-lingwa Għarbija meta pajjiżna għandu kuntatti ma' numru ta' pajjiżi Għarab?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta jkun il-każ illi numru żgħir biss ta' studenti jagħżlu suġġett partikolari, l-istudenti jintalbu jagħżlu suġġett ieħor mill-lista ta' opzjonijiet. Kien hemm żewġ studenti biss li għażlu l-Għarbi fil-Liċeo konċernat u dawn ntalbu jagħżlu suġġett ieħor.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25496 li oriġinarjament kienet riferuta lill-Ministru għall-kompetittivita' u komunikazzjoni u ċioe': X'passi se tieħu l-Awtorita' Marittima Maltija biex tara li jinżammu nodfa l-inħawi fil-ponta taċ-Ċirkewwa fejn jinżlu jgħoddsu ħafna għaddasa u li bħalissa qed iservi ta' speċi latrina pubblika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25501.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25005, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa r-rendikont tal-pagi mogħti lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għas-snin 2005 u 2006 separatament? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx terminu ta' żmien għal dan il-ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont li tħallas mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni skond il-ftehim għas-sena 2005 kien ta' Lm373,707.00 u għas-sena 2006 kien ta' Lm386,566.94. Informat li skond Klawżola 8 tal-ftehim bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Eden Foundation il-ftehim jibqa' fis-seħħ sakemm wieħed mill-partijiet jinforma bil-miktub tlett xhur bil-quddiem li l-ftehim ġie terminat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta llum l-mandati tal-qbid fil-qrati tagħna naqsu bin-nofs (aktar anzi minn 50%) żdiedu 3 marixalli oħra? Fuq liema kriterju żdiedu dawn il-marixalli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-complement ta' Marixxalli Anzjani huwa ta' tmienja u d-doveri relattivi mal-grad huma l-eżekuzzjoni tal-mandati.
It-tliet Marixxalli Anzjani li żdiedu mas-sezzjoni kienu qegħdin biss jissostitwixxu tlieta oħra li kienu rtiraw bl-eta'. Tajjeb li wieħed jirrimarka li fuq kull mandat, normalment, joħorġu żewġ Marixxalli Anzjani u għalhekk effettivament hemm erba' gruppi li qegħdin fuq il-mandati.
Irid jingħad li dawn il-Marixxali ma jesegwux biss il-mandati ta' qbid, iżda wkoll mandati ta' żgumbrament, ta' deskrizzjoni etc. Il-mandati mhux kollha huma l-istess; hemm uħud li jitolbu iktar xogħol minn oħrajn minħabba n-natura ta' l-oġġetti li jkun qed jaqbdu. Il-mandati mis-sena l-oħra għal din is-sena ma naqsux bir-rata ndikata u dan kif jidher mill-istatistika li qed tiġi preżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
F'kull każ aktar veloċita' fl-esekuzzjoni hija dejjem prijorita'.
Jista' l-Ministru jagħti lista tat-toroq f'Hal Qormi, f'Hal Luqa u fis-Siġġiewi fejn l-Awtorita' dwar it-Trasport tat permessi biex isiru reserved parking bays għal persuni bi problemi ta' mobilita'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li ċ-ċentru tas-saħħa f'Raħal Ġdid jingħata tindifa, fosthom anke tibjid u jinbidlu xi siġġijiet miskura peress li wasluli kummenti li hemm bżonn xogħol f'dan is-sens?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid , bħaċ-Ċentri tas-Saħħa kollha, qed jiġi mnaddaf regolarment minn kumpanija privata u s'issa qatt ma kellna rapporti la minn naħa tal-pubbliku u l-anqas minn naħa ta' min jieħu ħsieb dan iċ-ċentru li mhux qed jiġi mnaddaf sew.
It-tieni sular ta' dan iċ-ċentru ġie refurbished u beda jopera riċentement.
L-ewwel sular kien ukoll irranġat tliet snin ilu u sal-ġimgħa l-oħra sar xogħol ta' tibjid u żebgħa fuq dan is-sular.
Ma jirriżultax li hemm xi siġġijiet miksura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda f'Malta u Għawdex, u kemm beħsiebu jagħmel iżjed matul is-sena 2007?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li għalkemm il-Bus Shelters jaqaw taħt il-kompetenza tal-Kunsilli Lokali, preżentament l-ADT tefgħat 50 applikazzjoni mall-MEPA għat-twaħħil tal-bus shelters.
Jien infurmat ukoll li l-ADT waħħlet żewġ bus shelters ħdejn l-Universtia' minbarra bus shelters oħrajn li ġew imwaħħla mill-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinvestiga kif tħallew jitwaħħlu bollards fissi fi Trejqa Gennaro Camilleri, Sliema trejqa li tagħti fuq Triq il-Kbira, Triq Borg Olivier, carpark u lukanda, u li ġo fiha hemm residenti, liema bollardstwaħħlu bla permess u issa qegħdin ostaklu għal xi tip ta' emerġenza bħal ambulanza jew nar? Ġaladarba twaħħlu bla permess, ma jaħsibx li dawn għandhom jitneħħew minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li m’hemm ebda approvazzjoni għall-bollards li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Iżda l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta għandha ġuriżdizzjoni biss fuq toroq pubbliċi għaldaqstant it-taqsima talbet lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet informazzjoni eżatta dwar it-titlu legali ta’ Trejqa Gennaro Camilleri sabiex ikun f’pożizzjoni li nieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jagħmel r-rakkmandazzjonijiet neċessarji sabiex il-każ li qed nibgħat separatament jiġi rimedjata bla aktar telf ta' żmien sia għal familjari u d-dipartiment inkwestjoni? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika d-dokumentazzjoni sottomessi mill-eredi tal-attwali kerrejja/enfitewti tal-proprjetajiet in kwistjoni u deċiżjoni definitiva mistennija tingħata lil eredi fi żmien xahar.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25812 u jgħid kemm hemm impjegati mal-gvern, maqsuma f'nisa u rġiel, li matul is-snin kienu mpjegati bħala casual, minbarra dawk li qed jissostitwixxu ħaddiema back to back? Kif se jiġu affettwati dawn il-ħaddiema meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali Nru. 51 ta' l-2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhux opportun li tingħata tali informazzjoni la darba kif, jingħad mill-Onorevoli Interpellant, l-Avviż Legali 51/2007 għadu ma daħalx fis-seħħ.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25815, ċioe': Artiklu 3 (2) (d) ta' l-Avviż Legali 51 2007 jgħid li r-regolamenti ta' l-Avviż Legali ma japplikawx f'każ ta' kuntratti ta' servizz fis-Servizz Pubbliku jew fis-Settur Pubbliku li ma jkunux saru skond il-liġijiet applikabbli ta' Malta u partikolarment skond il-proviżjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ħames snin sarux kuntratti simili u jekk saru, kemm kienu, f'liema gradi saru u x'kienu l-elementi fil-kuntratt/i li kienu jiksru xi liġi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25814, ċioe': L-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku - Servizz Ġenerali - fuq bażi indefinita, sal-lum isir permezz ta' eżami fil-livell ta' clerkjew ta' principal. Jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali 51 ta' l-2007, jiġix affettwat dan il-metodu ta' ingaġġ u jekk iva, b'liema mod? Dan se jibqa' l-unika metodu ta' ingaġġ jew se jiġu introdotti metodi ġodda? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif se jintlaqtu l-impjegati preżenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25813, ċioe': Fl-isfond ta' l-Avviż Legali Nru. 51, Art. 7 (3) jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex minh u nkarigat mit-tiġdid jew twaqqif ta' kuntratti jinżamm responsabbli f'każ li ma jimxix mat-termini tal-kuntratti diversi, u l-klawsoli fl-avviż legali jidħlu fis-seħħ awtomatikament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25810 u jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.