Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24998 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għaliex matul il-lejl m’hemm l-ebda dawl mal-barriers li saru biex jagħlqu parti mir-runway f’ Ta’Qali u li b’hekk huma ta’periklu għal min ma jafx bihom? Jista’ jara li din il-ħaġa tiġi rimedjata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat u ċioe' lill-Ministru għall-affarijiet Rurali u Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira mhux qed ikollhom provvisti adegwati u regolari tal-mediċina Epanutin 100mg caps.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 25694.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25008 u jikkonsidra li ċekkijiet ta’ rifużjoni mill-income tax dwar studenti li jattendu skejjel privati u li normalmaent jinħarġu fuq il-missier jibdew joħorġu kemm fuq il-missier kif ukoll fuq l-omm ħalli jkunu jistgħu jissarfu minn xi ħadd minnhom u mhux bilfors mill-missier biss u dan speċjalment fejn iż-żewġ persuni jkunu qed jaħdmu u allura jħallsu t-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Artikolu 49 (1) – Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) jagħmilha ċara li “l-income ta’ koppja miżżewġa, meta ż-żewġ konjuġi jkunu jgħixu flimkien, għandu jkun ikkuntjat f'isem il-konjuġi responsabbli hekk magħżul jew magħżula mill-konjuġi nfushom.” Artikolu 48 (1) – Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa jgħid – “… … … … .. dik il-persuna, (kif deskritta hawn fuq) ikollha l-jedd li l-Kummissarju jirrifondilha l-ammont hekk imħallas b’eċċess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkummissjonat xi studju dwar interventi meħtieġa biex iċ-Ċittadella tiġi ppreservata bl-aħjar mod? Jekk iva, meta? Lil min ġie kkummissjonat? Kemm se jiswa? Meta għandu jitlesta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid fhiex jikkonsisti l-proġett għall-iżvilupp taż-Żewwieqa? X'sar s'issa għat-twettiq ta' dan il-proġett? Kemm se jiswa? Kemm hemm flus ivvotati għalih fl-2007?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena infurmata li l-proġett għall-iżvilupp taż-Żewwieqa jikkonsisti minn upgrading ta’ din iż-żona u li sa issa ġiet imnedija kompetizzjoni għad-disinn għal dan il-proġett li qiegħda tiġi evalwata. L-istima ta’ dan il-proġett tiġi stabbilita aktar il-quddiem skond id-disinn mgħażul.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm Għawdxin fir-rank ta' surġenti u fir-rank ta' kuntistabbli stazzjonati Malta? In vista tal-fatt li riċentement ġew trasferiti 22 pulizija Għawdxin minn Malta biex jaħdmu Għawdex u in vista tal-fatt li f'dan it-trasferiment m'hemmx proporzjon bejn in-numru ta' kuntistabbli u n-numru ta' surġenti li jaħdmu f'Għawdex, jista' jgħid jekk dan il-gvern għandux il-ħsieb li jittrasferixxi surġenti Għawdex kemm bħala numru kif ukoll bħala data meta dan it-trasferiment se jseħħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament, fil-Korp tal-Pulizija, hawn għaxar (10) surġenti u erbgħa u erbgħin (44) kuntistabbli Għawdxi stazzjonati f'Malta.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, u kif diġa' kelli okkażżjoni li ngħid fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet preċedenti dwar ċaqliq ta' membri tal-Korp tal-Pulizija, tali ċaqliq isir meta u kif ikun bżonn, fl-aħjar interessi ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Tista' l-Ministru tgħid x'jonqos isir biex jitlesta l-istazzjoni għat-trasferiment ta' l-iskart f'Għawdex? Meta hu mistenni li jitlesta? Kemm se jiswa? Kemm mill-ispiża se tiġi mill-fondi Ewropej? Sa meta kellu jkun lest skond il-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea? Għaliex għas-sena 2005 kienu ġew ivvotati Lm1,671,000 u minnhom intefqu Lm280,000 biss? Għaliex għas-sena 2006 kienu ġew ivvotati Lm2,250,000 u minnhom intefqu Lm160,000 biss? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa s'issa? Għal xhiex huwa kommess dan l-ammont u meta ġie kommess? X'ammont għad irid ikun kommess? Għal xhiex għad iridu jiġu kommessi l-flus?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'jonqos isir biex titlesta l-infrastruttura fuq is-sit għat-twaqqif ta' l-impjant innifsu li se jitratta d-drenaġġ f'Għawdex? X'sar s'issa fuqu? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu fuq id-diversi strutturi fosthom it-tankijiet? X'sar s'issa biex jiġi prokurat l-apparat/makkinarju li jitratta d-drenaġġ? Meta hu mistenni li jibda jiġi nstallat? Meta hu mistennni li jiġi kkummissjonat? Meta huwa mistenni li jibda jaħdem il-proġett kollu? Sa meta għandu jibda jaħdem skond l-arranġamenti ġodda li saru mal-Kummissjoni Ewropea? X'użu se jsir mill-ilma li jipproduċi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li:
madwar sittin fil-mija tal-bini ta' strutturi u xogħlijiet fuq it-tankijiet tlestew u ser jibda jiġi stallat l-apparat dan ix-xahar.
l-apparat/makkinarju huwa mixtri u mistenni jibda jasal Malta dan ix-xahar.
it-tankijiet kollha ser ikunu lesti sa Lulju 2007
l-impjant huwa ippjanat li jitlesta għal nofs Awissu 2007, jiġi kkumissjonat u jibda jopera lejn l-aħħar t'Awissu 2007.
l-arranġamenti ġodda ma' l-U.E. jestendu l-proġett sa l-aħħar ta' Settembru 2007.
rigward l-użu ta' l-ilma li ser jipproduċi l-impjant, huwa neċessarju li l-kwalita' ta' l-ilma ttrattat jilħaq livelli ta' kwalita' konsistenti. Wara li dan jintlaħaq mistenni jsiru diskussjonijiet ma' l-MRA sabiex isir l-aħjar użu minn dan ir-riżors.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li kiosks b'encroachment f'bajjiet jitrasferixxu b'bejgħ l-użu ta' dawn il-kiosks lil persuni oħra li m'humiex dawk li oriġinarjament inħarġilhom il-permess mill-ministeru?
Response (BORG, TONIO)
Trasferiment ta' kiosks privati minn persuna għal oħra, ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Jekk it-Taqsima tkun mgħarrfa b'tali trasferiment, il-permess għall-okkupazzjoni ta' art tal-Gvern, joħroġ fuq isem il-persuna kkonċernata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'April 2007 il-ministeru ħariġx kundizzjonijiet ġodda għal
1) beach concessions
2) kiosks
3) lukandi
li jużaw b'encroachmentxi parti minn xi bajja bir-ramel? Jista' jgħid f'liema bajjiet ħareġ dawn il-kundizzjonijiet? Jista' jqiegħed kopja tal-kundizzjonijiet ġodda fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mis-sajf li ġej, il-Management tal-Għadira ser isir mill-Awtorita' tat-Turiżmu. In konnessjoni ma' dan, l-operaturi tal-Beach Concessions ġew infurmati li ser jingħatalhom permess ġdid b'kundizzjonijiet ġodda li jirriflettu dan it-tibdil. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kundizzjonijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25638 u 25202 u jgħid min hu l-perit inkarigat minn kull proġett, kull proġett separatament? X'kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu dawn il-periti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-periti nkarigati mill-proġetti ta' tisbiħ separatament kien kif jidher hawn taħt:
Proġetti ta' tisbieħ tal-prodott turistiku
Id-diżinn mill-ġdid ta' Pjazza Sant' Anna f'Marsaskla - Bezzina & Cole
Ġnien Belvedere f'Pembroke viċin tlett lukandi ewlenin - Edward Bencini & Associates
Faċilita' edukattiva, ġnien promenade fil-Qawra - Grech, Cassar & Ebejer Partners
Tisbiħ ta' Triq tul il-baħar f'San Pawl il-Baħar - Design & Technical Resources Ltd (F'dan il-każ il-perit intagħżel mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl)
Żvillup ta' Bajjiet
L-iżvillup tal-bajja Ix-Xtajta tal-Qawra f'San Pawl il-Baħar; It-titjib tal-bajja f'Fond Għadir f'Tas-Sliema - Alfred Grech & Associates
Il-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu dawn il-periti li jinkludu kumpanniji huma esperjenza professjonali, riżorsi tekniċi, esperjenza fi proġetti pubbliċi u kapaċita' li jitwettaq ix-xogħol tal-proġett. L-għażla saret wara sejħa għall-periti/ditti ta' periti biex jesprimu l-interess tagħhom għal xogħol bħal dan.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25639 ċioe':
B'referenza għall-Imtarfa bypass jista' l-Ministru jgħid:
Meta se jingħalqu l-ftuħ li hemm fic-centre strip u li huma ta' periklu kbir għas-sewwieqa?
Tista' ssir xi tip ta' faċilita' għal qsim tal-bypass min-nies peress li huma ħafna dawk li jmorru r-Rabat bil-mixi u allura jridu jaqsmu l-bypass b'sogru kbir għalihom?
Tista' tiġi ddisinjata junction bejn il-bypass u t-toroq li tagħti access għall-Imtarfa min-naħa tan-Nigret (Rabat) peress li l-ħruġ tal-vetturi mill-Imtarfa minn dan l-aċċess u l-qsim tal-bypass hu ta' periklu kbir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ftuħ fic-centre strip hu ppjanat li jingħalqu fil-ġranet li ġejjin.
Filwaqt li għaż-żewġ proposti l-oħra l-ADT qiegħda tistudja l-importanza tagħhom u kif jistgħu jiġi mplimentati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25713 u jgħid jekk id-dħul mit-tariffa ta' CVA hux se jinqasam bejn il-kuntrattur li jipprovdi s-sistema, il-Kunsill Lokali tal-Belt u l-gvern? Min hu l-kuntrattur li qiegħed iħaddem din is-sistema? F"liema persentaġġi se jinqasam dan id-dħul?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li d-dħul kollu mis-sistema se jmur direttament għand l-Awtorità dwar it-Trasport f’isem il-Gvern. L-ADT se tħallas dritt ta’ amministrazzjoni ta’ kull xahar lill-operatur tas-sistema skond il-kuntratt li sar wara sejħa għal proposti. Dan il-ħlas isir biss jekk l-operatur iħaddem b’suċċess is-sistema skond kif meħtieġ u kemm-il darba jiġbor fil-ħin ċertu perċentaġġ ta’ dħul li jkun dovut lill-ADT minn sidien ta’ vetturi li jidħlu fiż-żona ta’ aċċess bi ħlas u li jdumu f’dik iż-żona għal aktar minn 30 minuta.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser jingħata 50% tat-tariffa tar-reġistrazzjoni sabiex ikopri l-ispejjeż aministrattivi.
Il-kumpanija li qed topera s-sistema f’isem l-ADT hi
CVA Technology Ltd
.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25709 ċioe: Issa li ġiet fis-seħħ is-sistema ta' CVA u ż-żona pedonali fil-Belt, jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li minnhom wieħed jista' jidħol u joħroġ mill-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 25709, tiegħu stess, fis-seduta tal-bieraħ.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 25701 u 25430 u jikkonferma jekk il-parti ta' Triq San Pawl fl-Imġarr li qiegħda ssir bħalissa hijiex tinbena fuq il-linja t-tajba peress li tidher li qiegħda toħroġ 'il barra mil-linja tat-triq eżistenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-triq imsemmija nbniet fuq il-livelli mogħtija mill-MEPA. Tajjeb jingħad li, peress li hemm applikazzjoni pendenti biex tinbena parti sostanzajali mill-art tul din it-triq, il-ħajt temporanju li ttella’ mill-kuntrattur inbena fil-wisa’ tal-bankina. Dan biex l-iżvilupp imsemmi jkun jista’ jsir wara dan il-ħajt u kif jitlesta, dan l-istess ħajt temporanju jkun jista jinħatt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se jingħata ċ-ċans li jifdi ċ-ċens fuq il-fond f'Tas-Sliema, li qed jiġi ndikat separatament peress li ilu jistenna minn Novembru 2004 u Lulju 2003 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika l-informazzjoni dwar il-każ in kwistjoni bl-iskop li jiffinalizza t-talba ta' l-applikant fl-inqas żmien possibli. Iċ-ċens in kwistjoni ikopri iktar minn proprjeta' waħda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal student visa għal dawk li jixtiequ jistudjaw f'pajjiżna u ġejjin minn pajjiżi mhux membri fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-viżi għall-istudenti li ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea bdew jinħarġu minn Ġunju ta' l-2006. Fejn l-istudent ġej minn pajjiż fejn Malta għandha Ambaxxata, il-visa toħroġ mill-Ambaxxata innifisha.
Jista' l-Ministru jgħid liema blokki ngħataw għall-esplorazzjoni għaż-żejt madwar il-gżejjer Maltin? Lil min ingħataw u meta ngħataw?
Response (ZAMMIT, NINU)
l-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għall-website tal-Gvern: http://www.mri.gov.mt/oed.htm fejn isib id-dettalji kollha mitluba minnu dwar l-għoti ta’ blokkok li ngħataw għall-esplorazzjoni taż-żejt, lil min ingħataw u meta.
In vista ta' dak li deher f'rapporti fl-istampa lokali, jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jikkonferma li l-pulizija qed tagħmel investigazzjonijiet dwar e-mailsu ittri mibgħuta lil uffiċjali tal-Partit Laburista u li jitrattaw dwar kwestjonijiet interni tal-MLP? Jikkonferma li persuna partikolari li bagħtet e-mail kienet obbligata mill-pulizija li tmur tiffirma kuljum id-Depot tal-Pulizija mingħajr ma ġiet akkużata b'xi reat? Minn meta bdiet tkun applikata din il-proċedura u kemm kien hemm, sal-lum, każi li fihom intużat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'Diċembru 2006 il-pulizija bdiet tinvestiga każ dwar ittra anonima kif ukoll E-mail anonima li kien irċieva fl-istess żmien uffiċjal tal-Partit Laburista. Ninsab infurmat ukoll li kemm l-E-mail kif ukoll l-ittra ma kienux jittrattaw affarijiet interni tal-Partit Laburista iżda kienu jirrigwardjaw lill-istess uffiċjal minħabba l-konnessjoni tiegħu mal-partit.
Minn investigazzjoni li saret, il-pulizija rnexxielha tistabilixxi l-identita' tal-persuna li kienet bagħtet din l-E-mail anonima. Għaldaqstant, il-pulizija bagħtet għal din il-persuna sabiex tintervistah in konnessjoni ma' l-E-mail u l-ittra anonima.
Fil-kors ta' l-investigazzjoni, din il-persuna ammettiet li kienet hi li bagħtet l-E-mail anonima iżda ċaħdet li kienet responsabbli mill-ittra anonima. Sussegwentement din il-persuna ingħatat il-"Police Bail" ai termini ta' l-artikolu 355 AL tal-Kodiċi Kriminali Kap. 9 sabiex terġa' tiġi u titkompla l-intervista u dan wara li jkunu ġew konklużi l-investigazzjonijiet mis-Cyber Crime Unit. Il-"Police Bail" kien ġie mġedded għal sitt (6) darbiet u tneħħa wara li kienu ġew konklużi dawn l-investigazzjonijiet. Mhux minnu li l-persuna suspettata kienet kostretta li tiġi tiffirma ta' kuljum fid-depot tal-pulizija.
Din il-proċedura, magħrufa bħala "Police Bail" kienet ġiet fis-seħħ fid-9 ta' April ta' l-2002 bis-saħħa ta' l-Att III tal-2002 u tintuża b'mod regolari f'diversi każijiet li jkunu qed jiġu nvestigati mill-pulizija u għadhom ma ġewx akkużati quddiem il-Qorti. Fil-fatt matul 2006 intużat tlett mija u seba w għoxrin (327) darba fuq diversi reati filwaqt li din is-sena intużat mija u dsatax-il darba (119-il darba).
Fir-rigward tal-kumpens li l-gvern qiegħed jgħaddi lil min jixtri l-laħam tal-majjal imrobbi lokalment, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qiegħed iħallas dan il-kumpens minflok ma jara li jinqatel majjal lokali meta hu fatt magħruf li dan il-kumpens inħareġ sabiex jinqatel il-majjal lokali u fil-fatt mhux qed jiġri dan? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex is-suq lokali jiġi salvagwardjat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispjega eżatt xi jrid jgħid bil-Mistoqsija tiegħu.