Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kunsilli li għadhom ma ġabrux ċitazzjonijiet minn individwi wara li dawn inqagħtu kontra s-sewwieq? Liema kienu dawn il-lokalitajiet?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-Kunsilli Lokali kollha u l-ammonti ta' flus li dawn għad fadallhom jiġbru għal ċitazzjonijiet li nqatgħu matul dawn l-aħħar sitt snin kontra sewwieqa.

Kartuna r-roża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni f'Malta li għandhom il-kartuna r-roża? Kemm hawn li għandhom il-kartuna r-roża għax huma dijabetiċi? Kemm persuni inqatgħetilhom il-kartuna r-roża fis-sena 2006/2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika ta' persuni li għandhom il-Karta r-Roża, iżda l-istatistika li tinżamm hija dwar in-numru ta' familji li għandhom il-Karta r-Roża. In-numru ta' familji li kellhom il-Karta' r-Roża s-sena l-oħra kien 8035. In-numru ta' familji li kellhom il-Karta r-Roża sat-30 ta' April 2007 kien 2787. In-numru ta' familji li kellhom il-Karta r-Roża minħabba li huma dijabetiċi s-sena l-oħra (2006) kien 3076 u n-numru ta' familji li kellhom il-Karta r-Roża sa l-aħħar ta' April ta' din is-sena għax huma dijabetiċi kien 1273 (2007). In-numru ta' familji li nqatgħetilhom il-Karta r-Roża s-sena l-oħra kien 166 u din is-sena sa l-aħħar ta' April kien 32.

Appartament tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 24763 u 25209 u tgħid jekk post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex battal jew x'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-investigazzjoni li refferejt għaliha fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet indikati, għad mhiex konkluża.

Forzi Armata ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid : Kemm hemm membri tal-Forzi Armati stazzjonati f'Għawdex; Kemm hemm membri tal-Forzi Armati Għawdxin stazzjonati Malta; X'inhu l-grad tagħhom u meta daħlu fl-Armata; F'dawn l-aħħar għaxar snin kemm membri Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex u x'kienet ir-raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-preżent hemm 46 membru tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex. Hemm 48 membru li huma Għawdxin u li huma stazzjonati Malta. Il-grad ta’ dawn u s-sena li fiha daħlu fl-Armata huma kif jidher fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm 4 individwi li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex. Dawn ġew trasferiti minħabba esiġenzi tas-Servizz.

Plot tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24787 u jara li jitnaddaf plot li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li minn informazzjoni li għandi huwa tal-gvern u li dan l-aħħar ittella' ċint u anke se jitwaħħal bieb imma qabel ittella' ċ-ċint ma sarx it-tindif u allura hemm ħafna boroż u ħmieġ? Tista' tittieħed azzjoni u niġi nfurmat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fil-15 ta’ Jannar 2007, sar tindif tal-plot imsemmi kif ukoll twaqqiegħ ta’ stalel taż-żwiemel li nbnew illegalment. Wara li saru dawn ix-xogħlijiet, ittella’ ħajt madwar il-plot imsemmi kif ukoll twaħħal bieb. Barra minn hekk, ninforma lill-Onorevli interpellant li minn spezzjoni li saret fil-ġranet li għaddew minn uffiċjali fi ħdan id-dipartiment tas-servizzi ta' l-Indafa, jirriżulta li fil-plot imsemmija m'hemmx boroż u ħmieġ.

Mellieħa — Dar ta' l-Anzjani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25295 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita u issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim (kuntratt) li sar bejn il-gvern u l-privat (Care Malta) għall-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Ħaddiema tal-Maltacom — Eżami

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-pożizzjoni ta' ħaddiema tal-Maltacom li qed jiġu mitluba li jagħmlu eżami skond id-dettalji li qed jintbagħtu separatament jekk dawn ma jgħaddux?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19602.

Marsa — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Marsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal din is-sena ser jitkompla x-xogħol ta' kisi u tibjid fuq il-Car Park. Id-dawl artifiċjali fl-istadium Matthew Micallef St. John ġie upgraded mill-Kunsill Malti għall-iSport u jista' jospita avvenimenti filgħaxija, kif fil-fatt diġa' qed jintuza.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel u xorb

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24996 u 24463, u jgħid kemm matul din is-sena skolastika saru spezzjonijiet fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti minn uffiċjali tad-dipartiment sabiex jiżguraw li m’hemmx ikel u xorb li jista’ jkun ħażin għas-saħħa ta' l-istudenti minħabba li skond it-tweġiba ntqal li ma sarux rapporti dwar dan? Dan ifisser li d-diviżjoni timxi biss fuq rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ħidma msemmija fil-Mistoqsija hija parti mix-xogħol tal-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' l-iskola.
Leg 10 PQ #25830 Sitting 526 2007-05-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festival internazzjonali tal-films

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi problemi hemm sabiex f'pajjiżna jsir l-ewwel festival internazzjonali tal-films?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Livell akkademiku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24811, jista' l-Ministru jgħid dawk il-persuni li m'għandhomx livell akkademiku li huwa meqjus bħala bażiku u/jew xi sengħa jew oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Mogħti l-parir mill-KXT nitlob l-Onor. Membru jkun iktar preċiż fil-Mistoqsija tiegħu.

Kumpannija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-kumpannija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ġietx stralċjata mir-reġistru tal-kumpanniji meta din ilha ma tiffunzjona snin twal tant li l-aħħar darba li ġew ippreżentati xi dokumenti kien fid-29 ta' Mejju 1979?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija imsemmija reġistrat l-aħħar dokument mar-Reġistratur tal-Kumpaniji fid-29 ta’ Ottubru 1985 u mhux fid-29 ta’ Mejju 1979. L-aħħar korrispondenza dwar il-kumpanija tmur lura għal 1992 u l-kumpanija m’għamlitx compliance ma’ l-Att dwar il-Kumpaniji ta’ l-1995, liema compliance kellha ssir sa Frar 1998. Ir-Reġistratur tal-Kumpaniji matul l-aħħar snin qiegħed juża’ l-provvedimenti ta’ l-artikolu 325 ta’ l-imsemmi Att sabiex jistralċja dawk il-kumpaniji li m’għamlux compliance u/jew li jidhru li jkunu defunct. Numru sostanzjali ta’ kumpaniji diġà ġew stralċjati b’din il-proċedura li mistennija tiġi applikata wkoll għall-kumpanija in kwistjoni fiż-żmien opportun.

EU Funding

Question

X'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Travatan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kemm l-isptar u ċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta ma kellhomx provvisti f'dawn l-aħħar jiem tal-qtar għall-għajnejn Travatan li kostitwent mill-Għargħur għandu bżonn urġenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-qtar għall-għajnejn Travatan (Ref G075 Prostaglandin analogue drops) jinstabu in-stock mit-2 ta' April 2007.
Leg 10 PQ #25851 Sitting 526 2007-05-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kuntatti Diplomatiċi

Question

X'kienet ir-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż għall-proposta tal-Gvern Malti għad-djalogu strutturat bejn l-UE u l-Lega Għarbija? Saru kuntatti diplomatiċi fl-istess kuntest mal-GCC - Gulf Co-operation Council? U jekk iva, x'kien ir-rispons uffiċjali tagħhom? Min-naħa tal-pajjiżi tal-Magħreb x'kienet ir-reazzjoni uffiċjali tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inizjattiva Maltija għad-djalogu strutturat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija inlaqgħet b'interess kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Lega Għarbija. Din il-proposta issa tpoġġiet fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Ministri ta' L-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni li ser issir fit-18 ta' Ġunju li ġej. Intant saru kuntatti regolari mal-Lega Għarbija, ewlenin fosthom mas-Segretarju Ġenerali Amr Moussa, li indikaw l-appoġġ sħiħ tal-Lega għal din il-proposta. Fil-fatt f'riżoluzzjoni li ttieħdet fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Lega Għarbija li saret f'Marzu li għadda, il-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' din l-organiżżazzjoni iddeċidew li jkattru l-isforzi favur inizjattivi sabiex jissaħħu r-rabtiet bejn id-dinja Għarbija u l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-inizjattiva ta' Malta. Fil-laqgħa tal-Kapijiet ta' l-Istati tal-Lega Għarbija (Arab Summit) f'Riyadh li saret fit-28 u 29 ta' Marzu ġie wkoll emfasiżżat kemm huwa importanti li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-Lega Għarbija u l-Unjoni Ewropea. Il-ħidma favur din l-inizjattiva għada għaddejja.

Unit ta' l-EU Funding

Question

X'inhi l-istruttura preżenti tat-taqsima responsabbli għall-EU Funding fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u x'inhuma ir-reporting lines tagħha? X'taħriġ u x'esperjenza hands on għandhom il-persuni responsabbli - lil hinn mill-persuna li qed tmexxi dan il-unit - f'dan is-settur vitali u kumpless? Mingħajr ma ssemmi ismijiet tista' tindika l-job description tal-persuni nvoluti kif ukoll ta' kemm ilhom iservu f'dan il-unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li d-Diviżjoni għall-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hi responsabbli fost oħrajn għal diversi Fondi ta’ l-Ewropa, għalkemm mhux dawk settorali li jinsabu fi ħdan il-Ministeri individwali. Il-Fondi prinċipali li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta’ din id-Diviżjoni huma l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Inizjattivi Komunitarji Interreg u Equal, il-Fond ta’ Pre-Accession u l-Fond ta’ Tranżizzjoni u diversi Programmi Bilaterali. Il-Kap tad-Diviżjoni hi Direttur Ġenerali u taqa’ taħt is-superviżjoni tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Policy). Il-parti tad-Diviżjoni li hi responsabbli għall-Fondi llum għandha Assistent Direttur u numru ta’ Senior Managers fi skala 5 li jmexxu unit partikolari kull wieħed fi ħdan id-Diviżjoni. F’kull unit hemm numru ta’ Programme Managers u Fund Managers fi skala 7 li huma responsabbli mill-koordinazzjoni ta’ diversi proġetti. L-esperjenza tad-Direttur Ġenerali fil-qasam tal-politika reġjonali ta’ l-Ewropa u fuq Fondi oħra ta’ l-Ewropa twassal għal aktar minn 11-il sena, b’numru ta’ snin t’esperjenza diretta fi Brussel. Is-Senior Managers kollha għandhom masters degree u bejn tliet u sitt snin esperjenza fuq Fondi u project management fis-settur pubbliku u privat. Il-Programme Managers u Fund Managers huma gradwati u numru sostanzjali minnhom għandhom masters degree jew ekwivalenti. Huma għandhom numru ta’ snin t’esperjenza li tvarja minn ftit xhur (għal dawk li daħlu fl-aħħar sejħa t’applikazzjonijiet) sa sitt snin.

Kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-kont tad-dawl tal-familja mill-Imsida li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament huwiex korrett billi dan tela' għal Lm145.19c?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma għamlu spezzjoni fid-dar tal-persuna indikata mill- Onorevoli Interpellant fid-9 ta’ Mejju 2007. Instab leak fil-flushing u l-persuna intalbet biex tirranġa dan il-leak. Twaħħal logger biex ikun stabilit b’ċertezza li dan kien l-uniku leak fis-sistema interna tal-konsumatur. Il-każ se jgħaddi lil Advisory Board tal-Korporazzjoni biex jara jekk hemmx bażi jew le ta’ reviżjoni.

Investiment barrani

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23867 dwar investiment barrani dirett f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħidli għaliex it-tagħrif li tlabtu ma jistax jingħata minħabba raġunijiet kummerċjali meta l-gvern jippubblika regolarment din l-informazzjoni dwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika jiġbor din l-informazzjoni mingħand accountants jew awdituri ta’ kumpaniji li għalkemm jistgħu jorperaw f’Għawdex għandhom l-indirizz f’Malta. F’dawn il-każi l-investiment hu meqjus li sar f’Malta. F’Għawdex jidhru biss 3 kumpaniji li għandhom investiment barrani u għalhekk minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #25895 Sitting 526 2007-05-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

San Lawrenz — Triq Rabat

Question

Tista' l-Ministru tagħtini t-tagħrif li tlabtha f'mistoqsija parlamentari 23866 dwar l-ispejjż tat-Triq Rabat, San Lawrenz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħol fuq it-tieni parti tat-triq Victoria - San Lawrenz li qiegħed isir bħalissa hu ta 470 metri tul. Dan ix-xogħol huwa stmat li jiswa Lm 621,426 u huwa ko-finanzjat mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea. Jiena nfurmata ukoll li s'issa għadhom ma sarux pagamenti fuq di il-parti tat-triq.
Leg 10 PQ #25896 Sitting 526 2007-05-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Agrikoltura

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li hu l-bżonn ta' ilma kuljum għat-tisqija fl-agrikoltura f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li din l-istess mistoqsija Parlamentari diġa kienet saret f'seduta oħra, nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-rsiposta tal-Mistoqsija numru 23737.