Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proprjeta'

Question

B'referenza għall-akkwist ta' proprjeta' għal skopijiet pubbliċi li sar fl-1991 u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li s'issa wara li għaddew 16-il sena il-kumpens għadu ma tħallasx, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li dan il-ħlas jiġi effettwat kemm jista' jkun malajr?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-akkwist li għamlet referenza għalih l-Onor. Interpellanti huwa wieħed minn numru sostanzjali ta'' akkwisti li għadhom pendenti minħabba raġunijiet varji. Il-ħidma fuq dan il-każ qegħda ssir u huwa mistenni li l-każ jingħalaq mal-ewwel possibilita'.

Gharb — Tabella

Question

Peress li fi Triq il-Knisja, Għarb ma hemm ebda tabella li turi li fil-viċinanzi hemm skola, biex is-sewwieqa speċjalment dwak mhux midħla ta' l-inħawi jkunu jafu li jridu joqogħdu aktar attenti, jista' l-Ministru jara li din it-tabella jew tabelli jsir jew isiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħlijiet fuq din it-triq qed jiġu mmaniġġjati mill-Ministeru ta' Għawdex u għalhekk nitlob li l-mistoqsija tiġi ndirizzata lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Veloċita qawwija

Question

Peress li għaddejjin xogħlijiet fit-triq li tagħti għal Għarb, Għawdex, u per konsegwenza qed jgħaddi ħafna traffiku minn Triq Dun Alwiġ Mizzi u l-vetturi qed jgħaddu minn hemm b'ċerta veloċita' li toħloq ċertu perikolu, jista' l-Ministru jara li ssir sinjaletika li tiggwida lis-sewwieqa, biex isuqu bil-mod f'dik iż-żona?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħlijiet fuq din it-triq qed jiġu mmaniġġjati mill-Ministeru ta' Għawdex u għalhekk nitlob li l-mistoqsija tiġi ndirizzata lill-Ministeru kkonċernat.

Facilitators Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm facilitators Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex f'dawn l-aħħar tliet snin u jgħid kienx hemm xi raġuni għal dan it-trasferiment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar tlett snin ġew trasferiti 46 Supply Kindergarten Assistants (Special Education) minn Malta għal Għawdex

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali — Ċertifikati tal-mewt

Question

Skond il-liġi, meta persuna tmut, il-qraba tagħha huma obbligati li jibagħtu ċertifikat tal-mewt lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali meta dawn il-persuni jkunu fuq ir-reġistru tan-National Insurance jew xi tip ta' allowance, benefiċċju, assistenza soċjali jew pensjoni. Tista' l-Ministru tgħid: a) Minn dawn iċ-ċertifikati tal-mewt kemm irriżulta li kkommettew suwiċidju fl-aħħar għaxar snin, sena b'sena separatament? b) Kemm kienu nisa jew irġiel u x'eta' kellhom (taħt is-60 sena jew 'il fuq minn 60 sena)? c) Dawn kienu joqogħdu fin-North jew is-South ta' Malta, jew kienu minn Għawdex? d) Minn dawn kemm kienu jaħdmu, kemm kienu qiegħda, kemm kienu b'diżabilita' u kemm kienu b'pensjoni ta' invalidita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jżommx statistika dwar il-kawża tal-mewt tal-benefiċjarji ħlief meta din tkun kaġun ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol.

Każi ta' suwiċidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid, tul l-aħħar għaxar snin - sena b'sena separatament kemm kien hemm klijenti ta' Appoġġ, Sedqa, Sapport jew Helpline 179 li għamlu kuntatt ma' dawn l-aġenziji għal għajnuna urġenti dwar suwiċidju premeditate? 1. Kemm għamlu attentat ta' suwiċidju u kemm traġikament irnexxielhom jagħmlu suwiċidju? 2. F'sitwazzjoni bħal din li tista' tispiċċa f'diżgrazzja traġika, hemm xi speċi ta' rapid response team biex jiffronta din iċ-ċirkostanza kritika b'mod tempestiv u ħolistiku? 3. F'kull każ u ċirkostanza kemm kienu irġiel u kemm nisa? X'eta' kellhom? 4. Kemm minn dawn il-każi kienu taħt kura psikjatrika jew ta' psikologu inkella kienu pazjenti fl-Isptar Mount Carmel? 5. Tingħata għajnuna psikoloġika lill-familja ta' dawn it-traġedji? Hemm xi tip ta' assistenza oħra jekk il-persuna nvoluta tkun il-breadwinner tal-familja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Aġenziji tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali jirreferu każijiet dwar attentati ta’ suwiċidju lill-awtoritajiet tas-saħħa jew lill-pulizija. Ninsab infurmata wkoll li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant iżda n-numru ta’ telefonati konnessi ma’ suwiċidju li rċeviet l-Aġenzija Appoġġ fuq il- Helpline 179 f’dawn l-aħħar 10 snin kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tribunal industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal industrijali, kemm ġew ippreżentati f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew deċiżi? Apparti hekk, jista' jgħid kemm hemm kawżi pendenti wara li c-chairman irriżenjat peress li ġiet elevata għall-uffiċċju ta' maġistrat?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wassallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f' xi Seduta oħra.

Swimming pools

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm swimming pools reġistrati ai termini ta' l-Avviż Legali 129/2005 kif ukoll liema huma dawk il-postijiet li ġew hekk reġistrati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba diġa ġiet mgħoddija lil din il-Kamra fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24360. Madankollu, nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li sal-lum hemm 256 swimming pool reġistrati u l-lista tagħhom tinsab għall-informazzjoni tal-pubbliku fuq il-paġna eletronika tat-Taqsima Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (http://www.health.gov.mt/dph/ehupdffiles/RegPools.pdf) skond provvediment ta' A.L. 129 ta l-2005.

Ħajt madwar sit ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jivverifika l-pożizzjoni li ħajt ta' lqugħ li nbena madwar sit ta' kostruzzjoni fit-tarf ta' Triq Birbal, Balzan/B'Kara peress li dan inbena fit-tarf tal-bankina bil-konsegwenza li llum ma fadalx bankina għan-nies li jgħaddu minn din it-triq traffikuża, b'periklu kbir għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara investigazzjoni mit-Taqsima għall-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irriżulta li f'tarf Triq Birbal, Ħal Balzan, qiegħed isir xogħol ta’ tħammil kopert b'permess PA4235/04. Kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-permess, ittella’ ħajt ta' lqugħ li però qiegħed f'tarf il-bankina. Kien ikkuntatjat il-perit responsabbli u dan ikkonferma li minħabba n-natura tal-blat u d-djuq tal-bankina eżistenti, il-ħajt ta’ lqugħ kellu jittella’ hekk. Min-naħa tiegħu l-perit kiteb lill-Awtorità dwar it-Trasport u din irrakkomandat li fiċ-ċirkostanzi għandha ssir zebra crossing temporanja. Ġie notifikat ukoll il-Kunsill Lokali u dan qabel mal-proposta u għandu jinforma lill-perit fejn tista’ ssir din iż-zebra crossing. Kemm id-Dipartiment tat-Toroq kif ukoll il-Pulizija ġew infurmati b'dan ix-xogħol.

Proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sa liema data jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għall-ħlas ta' xogħoljiet ta' proġetti permezz ta' fondi tal-Protokol Taljan u tal-pre-accession funds mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Pieta' — Sqaq id-Duluri

Question

Jista' l-Ministru b'xi mod jintervjeni sabiex fi Sqaq id-Duluri Nru. 3, Pieta' ssir rampa parzjali? Japprezza l-Ministru li n-nies li joqogħdu hemm ilhom snin sħaħ jinsistu u jitolbu li dan iseħħ għaliex qegħdin isofru preġudizzju kbir? Japprezza l-Ministru li l-kunsill lokali tal-Pieta' f'dan ir-rigward qed jiskontra diffikultajiet kbar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed jiġu investigati jekk jistgħux jiġu mwettqa x-xogħlijiet imsemmija.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Għassiesa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti kjarifika dwar is-sitwazzjoni ta' l-għassiesa (guards) ingaġġati fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin b'kuntratt ta' tliet snin, kuntratt li jgħid li dawn jitħallsu salarju ta' skala 13 iżda jekk ma jibqgħux b'dan il-kuntratt jiġu fi skala 16? X'inhi s-sitwazzjoni tagħhom rigward il-pensjoni? Il-pensjoni tkun ikkalkulata fuq skala 13 jew skala 16? Iż-żmien li jservu fi skala 16 jgħodd għal 25 sena servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta uffiċjali b'kuntratt ta' tlett snin ma jibqgħux b'dan il-kuntratt dawn jaqgħu fis-substansive grade li fil-maġġoranza huwa ta' scale 16. Dan japplika għal dawk l-uffiċjali li ġew ingaġġati wara l-1994. Fir-rigward tal-pensjoni, din ukoll tkun skond il-grad u għaldaqstant - scale 16. Iż-żmien li jservu, irrespettivament ikunux fi scale 16 jew 13, jgħodd għal 25 sena servizz.

Kura tal-cancer

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li f'ċerti każi ta' kura tal-cancer permezz ta' raġġi, parti mill-kura tingħata b'xejn filwaqt li parti oħra tal-kura l-pazjent irid iħallas għaliha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-kura tal-kanċer permezz ta' raġġi (radjuterapija) hija kollha provduta bla ħlas.

Persuni b'diżabilita' — Studji

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji tal-pjan tiegħu biex persuni li għandhom aktar minn 16-il sena u li jkollhom diżabilita' u li jkunu jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan? Il-kors ta' l-MCAST għal persuni b'diżabilita' se jkompli? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn se jsir dan it-tagħlim u jekk hux se jsir fil-mainstream ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 25821.

Ikel lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-għajnuna f'forma ta' ikel li kienet qed titqassam lill-anzjani issa twaqqfet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jíċċara għal liema forma ta’ ikel qiegħed jirreferi.

Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #26268 Sitting 527 2007-05-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Balluta — Proġett tar-ramla

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda u meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett tar-ramla fil-bajja tal-Balluta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'dan l-istadju għadu qed issiru l-evalwazjonijiet premilinarji fuq dan il-proġett flimkien ma' l-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u Ppjanar.

Riformi fil-ligi tal-kera

Question

Taf il-Ministru tindika meta se tiġi ppubblikata l-white paper dwar riformi fil-liġi tal-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24690 f’Seduta Numru 513.