Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ajruplan Taljan

Question

Għaliex l-ajruplan Taljan involut f'inċident near missma' ajruplan lokali ġie rilaxxat daqshekk malajr meta kiser tant regolamenti, jiġifieri daħal fl-ispazju ta' l-ajru lokali bla ma identifika lilu nnifsu, qiegħed fil-periklu ajruplan tal-passiġġieri, illandja f'kundizzjonijiet meterjoloġiċi outside its limits?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mgħotija f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 26003..

Mosta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25930 u jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru mis-segretarjat għan-negozji żgħar fi Triq Nikol Muscat kantuniera ma' Triq Filippo Apap Bologna, Mosta li permess tagħhom ingħalqet it-Triq Filippo Apap Bologna inkluż speċi ta' flower pot kbir kienx kopert bil-permessi tal-MEPA meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 25930.

Valletta — Triq il-Punent

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25933 u jinvestiga għaliex trinka li nfetħet fi Triq il-Punent, il-Belt proprju quddiem d-dar fejn kien joqgħod Dun Gorġ Preca u li ilha madwar tliet xhur miftuħa, tingħalaq għax qegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li dawn ix-xogħlijiet li minnhom hija responsabbli l-Enemalta nbdew xi 5 ġimgħat ilu. L-Awtorita' għandha nformazzjoni li x-xogħlijiet ġew mwaqqfa ġimgħatejn mill-Kunsill Lokali peress li kien hemm xi ħsarat fil-culverts eżistenti. Il-kuntrattur ser ikompli bix-xogħol ta’ l-Enemalta wara li kien hemm qbil u x-xogħol hu ppjanat li jispiċċa fil-ġranet li ġejjin.

Manwel Dimech Bridge

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq il-bridge fi Triq Manwel Dimech, San Ġiljan jista' l-Ministru jgħid: Meta nbeda x-xogħol X'persentaġġ minnu tlesta s'issa Meta suppost jitlesta skond il-kuntratt Meta fil-fatt hu maħsub li jitlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq il-Pont Manwel Dimech bdew fil-10 ta’ Ottubru, 2006. Din kienet id-data meta s-Supervisor fuq dawn ix-xoghlijiet ħareġ l-“access to site” notice lil kuntrattur. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ tqegħid ta’ forom u reinforcement fuq wieħed mill-pontijiet. Il-persentaġġ ta’ xogħol li tlesta fuq ix-xogħol totali taż-żewġ karreġġjati jammonta għal madwar ħamsa u tletin fil-mija. Il-perjodu għat-tlestija tax-xogħlijiet fuq iż-żewġ pontijiet huwa ta’ sena skond il-kuntratt. L-istess kuntratt għandu klawżola fejn l-Awtorita tista' tippermetti estensjoni ta’ l-istess perjodu ladarba din l-estensjoni tkun ġustifikata. S'issa l-Awtorita' aċċettat estensjoni ta’ xahar wara li ġiet evalwata talba għall-istess estensjoni mill-kuntrattur. Għalhekk id-data meta suppost jispiċċa skond il-kuntratt, sa issa hija l-10 ta’ Novembru, 2007. Minn evalwazzjonijiet li saru mill-Awtorita' u mis- Supervisors tal-proġett, jidher illi x-xogħol fuq l-istess pont waqgħa daqsxejn lura. L-Awtorita' ordnat lill-kuntrattur biex ifassal programm ta’ xogħol biex iż-żmien li qiegħed b’lura fuq il-programm oriġinali jkun irkuprat kemm jista' jkun.

Triq il-Merkanti — Pavimentar

Question

B'referenza għax-xogħol ta' pavimentar li ser isir fi Triq il-Merkanti l-Belt, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx il-kordinament tas-servizzi qabel ma nbeda x-xogħol? Jekk fl-affermattiv liema servizzi se jinbidlu u meta hu maħsub li se jitlesta x-xogħol fuq is-servizzi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi qabel ma nbeda ix-xogħol fuq il-pavimentar illi ser isir fi Triq il-Merkanti, fil-Belt, sar ko-ordinament sħiħ mas-servizzi kollha. Se jsiru servizzi ġodda għal Melita Cable, Maltacom u Water Services Corporation u medda ġdida(extra) għal Enemalta Corporation. Dan ix-xogħol fuq is-servizzi qiegħed għaddej u għandu jitlesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena.

Unpaid/Study leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? F'kull każ kemm ilhom fuq unpaid leave jew study leave u x'inhu l-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26009 ser tingħata f'xi seduta oħra.

Unpaid/Study Leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fiċ-Ċivil li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? Kemm hemm impjegati li ilhom bejn 1- 2 snin 2- 3 snin 3- 4 snin 4- 5 snin 5 snin + ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Spezzjoni fuq ajruplan Taljan

Question

Peress li l-ajruplan Taljan li reċentement kien involut f'inċident near miss ma' ajruplan lokali, il-bdot tiegħu qal li kellu nuqqas ta' fuel, saret wing inspection fuqu biex jiġi verifikat dan kienx minnu? Jekk l-ispezzjoni saret x'irriżulta? Jekk ma saritx din l-ispezzjoni, għaliex ma saritx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma saritx wing inspection biex jiġi verifikat l-ammont ta' fuel fuq l-ajruplan għar-raġuni li ma ngħatax lok ta' dubju fuq id-dikjarazzjoni ta' emerġenza, iżda d-dipartiment hu nfurmat bl-ammont ta' fuel li tgħabba fuq l-istess ajruplan.

Luqa — Triq Anton Falzon

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25928 u 25921 u r-risposta mogħtija, jista' l-Ministru jgħid x'permessi qed jistenna biex isir id-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tistenna l-permess neċessarju mill-Awtorita' tat-Trasport.

Impjegati mal-Gvern — Kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25813 u 25862 ċioe': Fl-isfond ta' l-Avviż Legali Nru. 51, Art. 7 (3) jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex min hu nkarigat mit-tiġdid jew twaqqif ta' kuntratti jinżamm responsabbli f'każ li ma jimxix mat-termini tal-kuntratti diversi, u l-klawsoli fl-avviż legali jidħlu fis-seħħ awtomatikament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25813.

Servizz Pubbliku — Kuntratt ta' servizz

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25815 u 25860, ċioe': Artiklu 3 (2) (d) ta' l-Avviż Legali 51 2007 jgħid li r-regolamenti ta' l-Avviż Legali ma japplikawx f'każ ta' kuntratti ta' servizz fis-Servizz Pubbliku jew fis-Settur Pubbliku li ma jkunux saru skond il-liġijiet applikabbli ta' Malta u partikolarment skond il-proviżjonijiet tal-Kostituzzjoni. Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ħames snin sarux kuntratti simili u jekk saru, kemm kienu, f'liema gradi saru u x'kienu l-elementi fil-kuntratt/i li kienu jiksru xi liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25815.

Ingaġġ fis-Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 25814 u 25861, ċioe': L-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku - Servizz Ġenerali - fuq bażi indefinita, sal-lum isir permezz ta' eżami fil-livell ta' clerkjew ta' principal. Jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk meta jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali 51 ta' l-2007, jiġix affettwat dan il-metodu ta' ingaġġ u jekk iva, b'liema mod? Dan se jibqa' l-unika metodu ta' ingaġġ jew se jiġu introdotti metodi ġodda? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif se jintlaqtu l-impjegati preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25814.

Mater Dei — Għoti ta' kuntratt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25810 u 25863 u jgħid f'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni u l-għoti tal-kuntratt tat-teknoloġija ta' l-IT f'Mater Dei biex jippermetti t-tmexxija minn jum għal jum ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol ta’ preparazzjoni dwar din il-materja u li l-aħħar fażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni jinsab fl-istadju fejn il-Gvern qiegħed jistenna l-proposti finali.

Medical Council

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu biex is-sejħa għall-ħatra ta' Reġistratur tal-Kunsill Mediku, tieħu daqshekk fit-tul? Jaf li l-Kunsill Mediku ma jistax jiffunzjona b'Agent Reġistratur għal tul ta' żmien, meta l-istess Agent Reġistratur huwa Reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti? Jaf li dan l-Agent Reġistratur jista' jkollu konflitt ta' interess? Skond il-website ta' l-Istatutory Council fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, il-ħatra tal-Kunsill Mediku jidher li ilha li spiċċat minn nofs April. Jista' jgħid min ġie nnominat, kemm minnu bħala Ministru, kemm mill-Universita', kif ukoll min ġie elett min-naħa tat-tobba kif ukoll mid-dentisti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa ħadet il-passi meħtieġa minnufih biex timtela l-pożizzjoni ta' reġistratur tal-Kunsill Mediku. Is-sejħa qed tiġi pproċessata mill Kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku li hija responsabli għal dan il-proċess. L-Aġent Reġistratur qiegħed jokkupa din il-kariga b'ittra speċifika mid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa wara li kient irriżenjat ir-Reġistratur fis-7 ta' Frar 2007. ma jirriżultax li hemm konflitt ta' interess bejn il-kariga ta' Reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti ma dik ta' Reġistratur tal-Kunsill Mediku. Ir-reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti jipproċessa applikazzjonijiet ta' tobba u dentisti ġaladarba jiġi ċċertifikat mal-Kunsill Mediku li dawn ikollhom reġistrazzjoni sħiħa fir-reġistru mediku. Mill-banda l-oħra ir-Reġistratur tal-Kunisll Mediku ma jistax jinkludi fir-reġistru ta' l-Ispeċjalisti dawk it-tobba u dentisti kemm il-darba ma jkunx hemm iċ-ċertifikat maħruġ mill-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti. In-nomini ta' karigi fuq il-Kunsill Mediku tbiddlu minn fuq il-website wara li l-Kunsill il-ġdid ġie ffurmat kollu kemm hu (kien hemm żewġ elezzjonijiet) u wara li l-lista ġiet ippublikata uffiċjalment fil-gażżetta tal-Gvern.

Trading Licences

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi trading licences għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li jiġġestixxi negozju taħt l-isem li qiegħed jinbagħat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-liċenzji tal-ħwienet bħal bars u restaurants ma jaqawx taħt id-dipartiment tal-liċenzji fid-Diviżjoni tal-Kummerċ imma taħt l-Awtorita' tat-turiżmu. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Appartament tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra, meta inkwilin ta' appartament li kien tal-Gvern u li jkun xtrah u għamlu tiegħu fl-1980, jekk ibiegħu lil terzi fil-preżent ikunx irid iħallas xi multa lill-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bejgħ ta’ postijiet mill-Awtorita’ tad-Djar hu regolat skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt u ta’ l-iskema relattiva li taħtha jkun sar il-bejgħ. Peress li l-Onor. Interpellant ma ndikax l-iskema li taħtha nxtara l-post, jew id-dettalji tal-persuna konċernata, mhux possibbli li tingħata tweġiba preċiża.

B'Kara — Ħajt

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħajt li hemm f'St Joseph Street, B'Kara wara l-għassa tal-pulizija jitneħħa għaliex qed jagħmel inkonvenjent lill-ġara? Jista' jiġi msewwi l-ħajt ta' wara ta' l-għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-preparamenti meħtieġa sabiex jissewwa dan il-ħajt jinsabu fi stat avvanzat u dalwaqt toħroġ il-call for quotations.

Settur pubbliku — Għalliema

Question

Fiċ-ċirkostani fejn il-politika tal-gvern qed tħeġġeġ biex aktar nisa jkunu attivi fis-suq tax-xogħol, jista' l-Ministru jgħid meta l-għalliema fis-settur pubbliku se jingħataw il-faċilitajiet li diġa' jeżistu għal ħaddiema klerikali fis-settur pubbliku bħal reduced hours?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru taf li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema huma regolati b'mod differenti minn dawk ta' ħaddiema klerikali b'ħinijiet u ġranet ta' xogħol adatti għas-sistema edukattiv.

Zebbuġ — Mdina Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk arblu tad-dawl fi Mdina Road, Zebbuġ - ftit l-isfel mill-iskola St Dorothy - jistax jitranġa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur gie nfurmat biex jirranga din il-hsara immedjament. Ix-xoghol gie spezzjonat u se jitranga fil-granet li gejjin.

Facilitator

Question

B'referenza għat-talba għal facilitator tat-tifla li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, peress li din it-talba ilha li saret iktar minn sena u t-tifla sejra lura, jista' l-Ministru jara li din it-tifla tingħata l-għajnuna meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni tat-tifla msemmija qiegħdha tiġi proċessata mill-iStatementing Moderating Panel skond il-proċeduri normali.