Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Triq Filippo Apap Bologna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru mis-segretarjat għan-negozji żgħar fi Triq Nikol Muscat kantuniera ma' Triq Filippo Apap Bologna, Mosta li permess tagħhom ingħalqet it-Triq Filippo Apap Bologna inkluż speċi ta' flower pot kbir kienx kopert bil-permessi tal-MEPA meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li t-triq imsemmija minn dejjem kienet magħluqa permess ta' ħajt tas-sejjieħ. Dan il-ħajt kien qed jifred parti ta' din it-triq minn oħra peress li hemm diżlivell ta' madwar metru u metru u nofs. Din iż-żona kienet ukoll post fejn ta' sikwit kien jintrema skart. Peress li inħasset il-ħtieġa li titnaddaf din l-area, waqa' dan il-hajt u tela’ ieħor minfloku li kien ukoll jinkorpora post fejn jitħawlu xi sigar. Madankollu, billi x-xogħlijiet saru fi triq li hija proġettata skond l-Iskemi ta' 1988 (Provvedimenti Temporanji) u l-Pjan Lokali rispettivament, dawn ix-xogħlijet jinħtieġu permess ta' żvilupp. Għalhekk, ser jittieħdu l-passi meħtieġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kif stabbilit mill-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp.

Marsa — Sports complex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25197 u jgħid liema xogħol huwa ppjanat li jsir fuq il-bini amministrattiv ta' l-isports fil-Marsa? Jista' jgħid ukoll jekk id-dawl artifiċjali fl-istadium Micallef St.John hux se jitjieb biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti fil-għaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 25828.

Kap ta' skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li fil-preżent m'għandhomx Kap ta' Skola? Kemm hemm skejjel li fil-preżent huma mmexxija minn Acting Head of School u liema huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 11 il-Aġent kap qed imexxu l-iskejjel Primarji ta' B'Kara, Baħrija, Mqabba, Naxxar, Paola 'A', Rabat 'B', Tarxien, Għarb, San Lawrenz, Xagħra u Żebbuġ (Għawdex), u hemm 5 Aġent kap li jmexxu l-iskejjel Sekondarji ta' Fortini BSS, Zebbug BSS, Ħandaq BJL, Verdala BJL u Corradino BJL. Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.

Skejjel — Assistent Kap

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap? Jista' jelenka liema skejjel għandhom xi Assistent Kap nieqes?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Primarji hemm 8 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Mellieħa, Mġarr, Zejtun 'B', Gzira, Dingli, Paola 'A', Sta. Venera u Victoria. Informat ukoll li fl-iskejjel Sekondarji hemm 4 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Corradino BJL, Verdala BJL, Giovanni Curmi HSS u Sir M'Ang Refalo Post-Sekondarja. Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.

Kulleġġ San Benedittu — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Kulleġġ San Benedittu u fhiex se jkun jikkonsisti x-xogħol li huwa maħsub li jsir? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jqum u meta huwa ppjanat li jkun lest?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-Kumpless Sportiv ta' ħdejn il-Kulleġġ San Benedittu diġa' beda wara proċess ta' tender pubbliku fejn intgħazel bħala kuntrattur Elbros Ltd u x-xogħol hu stmat Lm 550,000. Informat ukoll li qed tiġi proċessata t-tender għas-saqaf bi struttura tal-ħadid bi stima ta' Lm180,000. Ikun jonqos it-tender tal-finishing u l-mekkanika elettrika li qed tiġi maħduma.

Faċilitajiet tal-films

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġibdu films/dokumentarji/reklami f'Malta billi ntużaw il-faċilitajiet tal-films li jipprovdi pajjiżna u dan fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Liema kienu u kemm hu stmat li ntefqu flus f'kull wieħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Napprezza jekk l-Onor. Interpellant jispjega x'ried ifisser bil-frażi "il-faċilitajiet tal-films f'pajjiżna".

ETC — Nies reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies reġistrati ma' l-ETC li llum ix-xogħol prinċipali tagħhom huwa part-time? Kemm hemm nisa u kemm irġiel? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 9,821 irġiel u 14,728 nisa reġistrati ma' l-ETC bħala persuni li x-xogħol prinċipali tagħhom kien part-time u li 7,250 minnhom kienu taħt il-25 sena.

Hoarding tal-ġobon u z-zokkor

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24929 u jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċenat.

Air Malta — Inġiniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25016 u jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Provisional tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25017 u jgħid jekk hijiex prattika normali li persuna li tkun ħallset provisional tax żejda minflok tieħu refund tara li l-flus li tkun ħallset żejda jmorru sabiex tħallas penali dovuti lill-gvern fil-qasam tat-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond Artikolu 48 (2c) ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, Kap 372, “Il-Kummissarju jkollu jedd inaqqas minn kull ħlas lura dovut lil persuna kif dikjarat fis-subartikoli (2A) jew (2B) kull taxxa, taxxa addizzjonali jew imgħax li jista’ jkun dovut minn dik il-persuna taħt l-Atti dwar it-Taxxi.

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24750 u 25344 u jikkonferma li l-Air Malta għamlet outsourcing ta' ċertu xogħol fil-qasam ta' l-IT fix-xhur li għaddew? Dan kemm ġie jiswa? Jista' jikkonferma li dan il-kuntratt ingħata lill-kumpannija SITA aktar minn sena ilu? Liema kumpanniji oħra ġew ikkonsidrati qabel saret din l-għażla? Jista' jikkonferma jekk SITA ħadux kuntratti simili li kienu jinkludu networking, infrastructure, desktop work u applications qabel ġew magħżula għal dan il-kuntratt? X'kienu l-problemi li nqalgħu ma' SITA riċentement fl-esekuzzjoni ta' dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Air Malta għamlet outsourcing ta’ ċertu xogħol fil-qasam ta’ l-I.T. li ingħata lill-Kumpanija S.I.T.A. L-ammont tal-kuntratt huwa ta’ natura kummerċjali. Nikkonferma wkoll s-S.I.T.A. ħadu kuntratti simili qabel ġew magħżula għal dan il-kuntratt. Dwar l-aħħar mistoqsija ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda problema ma S.I.T.A. li setgħet affetwat l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Bħal f’kull arranġament formali bejn żewġ kumpaniji, dejjem jibqa’ lok għal diskussjonijiet u qbil fuq kif is-servizz għandu dejjem jitjieb u fil-fatt ġew krejati strutturi ta’ ‘governance’ interni biex jassiguraw dan. L-Air Malta tista’ tikkonferma li l-iskopijiet li għalih ġie konkluż dan il-ftehim qegħdin jiġu realiżżati b’mod kontinwu.

San Ġwann — Triq Salvu Busuttil

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman jew tiġi kkunsidrata li ssir one way għat-traffiku Triq Salvu Busuttil, San Ġwann, speċjalment minħabba s-sewqan esaġerat li jkun hemm fiha u d-diversi inċidenti tat-traffiku li spiss isiru qrib l-uffiċċju tal-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali għal road hump ġiet approvata fis-26 ta' Marzu, 2007. Rigward it-talba għal one way, it-taqsima għadha qed tistenna nformazzjoni addizzjonali mill-Kunsill. Din l-informazzjoni ntalbet fis-26 ta' Marzu, 2007.

Income and living conditions

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-lokalitajiet li minnhom ġejjin id-59,315 persuni (in-numru ta' persuni u minn liema lokal) li huma ndikati permezz tas-survey on income and living conditions 2005 u li qed jgħixu taħt is-60% tal-median equivalised income u għaldaqstant taħt il-poverty line?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Art esproprjata

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet 25801 u 25802 jista' l-Ministru jgħid xi ħsebijiet għandu l-gvern dwar art esproprjata snin ilu u sal-lum baqgħet ma ntużatx għall-iskop li ġiet esproprjata għalih u li hi proprjeta' tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jipprovdi l-pjanta fejn turi preċiżament l-art in kwistjoni sabiex ikun jista’ jsir l-istħarriġ neċessarju dwar dan il-każ.

Mard terminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-etika stabbilita mill-professjonisti mediċi, bħal tobba u konsulenti dwar meta jkunu jinħtieġu jagħtu tagħrif dwar mard serju lill-pazjenti tagħhom, bħal meta jkunu jinħtieġu jinfurmaw li l-persuna għandha xi marda terminali? It-tobba u l-konsulenti huma marbutin li jgħidu direttament lill-pazjent tagħhom meta tiġi stabbilita l-qagħda serja tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma jirriżultax li hemm xi regola speċifika li tapplika għall-każ, u għalhekk il-professjonist mediku jrid jaġixxi skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-pazjent involut.

Mġarr — Ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħix x'sejjer isir mill-ħwienet li kien hemm fil-port tax-xatt ta' l-Imġarr, Għawdex u li kienu mikrija mill-Lands lil terzi? Jista' jgħid jekk dawn it-terzi humiex sejrin jinstabulhom ħwienet alternattivi jew jekk huma humiex se jingħataw xi forma ta' kumpens?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Inċident tal-avjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena (1 Jannar 2007 - 14 Mejju 2007) kemm jirriżulta li kellna inċidenti tal-avjazzjoni "near miss" meta ajruplani kienu se jaħbtu fl-ispazju ta' l-ajru tagħna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm incident wiehed biss tat-tip near miss.

Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili (DCA) matul din is-sena awtorizzax ajruplan żgħir Taljan jagħmel inżul ta' emerġenza? Id-DCA assigura ruħu jekk dan l-ajruplan kienx familjari mar-rekwiżiti u standards lokali biex jagħmel dan l-inżul?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'każ ta' emerġenza ajruplan m'għandux bżonn ta' awtoriżżazzjoni ta' nżul f'Malta mid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili. Iċ-ċirkostanzi ta' emerġenza anzi tiddetta li tingħata kull għajnuna possibli bla dewmien.

BAAI — Investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-inċident near miss meta ajruplan Taljan kien se jaħbat ma' ajruplan lokali fil-ġimgħat li għaddew hux qed jiġi nvestigat mill-Bureau of Air Accidents Investigation, meta każi inqas serji ġew investigati mill-BAAI?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mg]otija f'Mistoqsija Parlamentari nru. 25975

Inċident fl-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ajruplan Taljan li reċentement kien involut f'inċident near miss ma' ajruplan lokali kienx visibbli fuq radar screens għal għadd ta' mili iżda mhux fuq l-iscreen tal-kontrolluri tal-ajru? Għaliex? Kif se jiġi żgurat li dan ma jerġax jiġri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-punti li semma l-Onor. Interpellant huma nklużi fl-investigazzjoni qegħda ssir. Ir-rapport ta' din l-investigazzjoni għadu mhux finaliżżat u għaldaqstant m'hinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba għal din il-mistoqsija.