Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tara li jibda x-xogħol ta' saqaf ikkundanat ta' omm separata ta' żewġt itfal, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti biex isir ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant qed tiġi aġġudikata. Ninsab infurmata wkoll li x-xogħol meħtieġ fil-post indikat ser jingħata prijorita.

Xogħol part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li għandhom xogħol part-time barra x-xogħol prinċipali tagħhom? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 19,608 persuni li kellhom xoghol part-time barra x-xoghol prinċipali taghhom. Minn dawn 14,291 kienu irġiel u 5,317 kienu nisa. Kien hemm 3,195 persuna taħt il-25 sena.

Skejjel primarji — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klassijiet f'kull skola primarja separatament u kemm hemm studenti f'kull klassi separatament għal kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' tfal f'kull klassi ivarja skond il-bżonn u ċ-ċirkostanzi fil-parametri tal-Ftehim Kolletiv ta' l-għalliema.

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fil-livell primarju skond is-sena li qed jgħallmu fiha skola, skola? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji u jagħti din l-informazzjoni skond is-suġġetti li qed jgħallmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Sena Primarja 1 128 2 135 3 137 4 143 5 151 6 150 7 18 Nru. ta' għalliema: 862 Fil-livell sekondarju statali hemm 2,015 għalliema għad-diversi suġġetti, filwaqt li fil-livell post-sekondarju hemm 97 għalliema.

Giovanni Curmi Higher Secondary — Apparat tal-laboratorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintbagħat l-apparat tal-laboratorji tal-Bioloġija fiż-żewġ laboratorji li jinsabu fil-parti l-ġdida ta' Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar? Jista' jgħid ukoll meta ħarġet it-tender? Meta huwa maħsub li l-apparat ikun f'postu u jibda jintuża mill-istudenti u l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qed issir verifika ta' l-ispecifications ta' l-apparat konċernat bl-iskop li jsiru l-proċeduri meħtieġa ħalli l-laboratorji jkunu funzjonabbli fis-sena skolastika li jmiss.

Servizz tal-Home Start

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm familji li qegħdin jiġu megħjuna mis-Servizz tal-Home Start li twaqqaf fl-2005 mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-familji? Hemm xi familji li qegħdin jistennew li jingħataw dan is-servizz importanti? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-familji? Tista' wkoll tgħid kemm kien hemm żgħażagħ li m'għadhomx jgħixu f'xi dar residenzjali jew kienu fostered u bbenefikaw mill-proġett Head Start li kien ukoll twaqqaf fis-sena 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-servizz tal-HomeStart, li twaqqaf f’April 2006, qed jibbenefikaw minnhu 7 familji u hemm 2 familji oħra li qed jiġu mlaqqa’ mal-volontieri. Is-servizz lil dawn ta’ l-aħħar mistenni jibda f’qasir żmien. Il-familji li qed jirċievu s-servizz ġejjin mill-catchment area tal-proġett, jiġifieri mill-Fgura, l-Kottonera, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Ninsab infurmata li m’hemm ħadd minn din il-catchment area fuq il-waiting list. Ninsab infurmata wkoll li n-numru ta’ żgħażagħ li bbenefikaw mill-proġett HeadStart kien ta’ 15.

Quality Service Charter

Question

Billi kważi d-dipartimenti kollha tal-gvern għandhom Quality Service Charter, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Fondazzjoni għas-Sservizzi ta' Ħarsien Soċjali għandhiex Quality Service Charter? Jekk le, għaliex u meta se jkollha l-Fondazzjoni dan il-Quality Service Charter?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għad m’għandiex Quality Service Charter. Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, f’dawn l-aħħar snin, din il-Fondazzjoni ħadet responsabbiltajiet ġodda u għaddiet minn fażi ta’ ristrutturar u għalhekk ma kienx iż-żmien idoneju li tibda proġett biex ikollha Quality Service Charter . Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, il-Fondazzjoni bdiet tieħu passi biex tidentifika dawk is-servizzi li ser ikunu ta’ l-ewwel biex ikunu koperti minn Quality Service Charter li mistenni jiddaħħal is-sena d-dieħla.

Residents parking scheme

Question

Jista' l-Ministru jara li jitfassal pjan mill-Gvern ċentrali flimkien mal-kunsill lokali konċernat biex titfassal residents parking scheme fl-inħawi ta' l-Universita' minħabba d-diversi ħwienet li hemm, minħabba ż-żieda fit-traffiku lejn l-Universita' u kif ukoll l-impatt fuq il-parking li r-residenti qed jibżgħu li se jkollu fuqhom il-ftuħ ta' l-Isptar Mater Dei? Qed nirreferi b'mod partikolari għal Triq Esperanto u oħrajn fl-inħawi ġewwa l-Msida.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li t-talba tal-Kunsill Lokali kienet għal skema residenzjali fi Triq Imħallef Debono biss u sal-lum it-Taqsima għadha qed tistenna nformazzjoni li ntalbet mill-Kunsill rigward din il-proposta. Ma kienx hemm talbiet għal Skemi Residenzjali f'toroq oħra.

Msida — Triq il-Ġostra

Question

Billi r-residenti saru jafu li l-bankini fi Triq il-Ġostra, l-Msida ma sarux mill-kunsill lokali, jista' l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol fuq dawn il-bankini mill-Gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fit-triq imsemmija hemm xi plots li għandhom mhux mibnija. Għaldaqstant il-bankina ta' quddiemhom jidher li għadha ma saritx. Huwa obligu tas-sid ta' dawn il- plots li jagħlqu l- plot bi tmien filati skond il-liġi. Fil-kas li dan ma jsirx il-Kunsill għandu jidħol biex jagħmel dawn il-ħitan. Hekk kif dan isir il-bankini jitkomplew.

Schengen Agreement — Working permit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dettall kif tiġi phased in is-sistema Schengen f'pajjiżna kif ukoll it-tħejjiet li qegħdin isiru billi ħafna barranin b'residence permit jew working permit f'Malta qed iħossu inċertezza kbira? X'inhu l-action plan tal-Gvern? X'liaison qed isir mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fl-implimentazzjoni ta' dan l-arranġament? Se jkun hemm xi special unit li tieħu ħsieb problem areas u trobleshooting ta' xi problemi kumplessi li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni tal-ftehim? Kif ser jiġu pproċessati l-ħruġ ta' Schengen u national territorial visas? Huwa minnu li d-dewmien fil-ħruġ tal-visasjista' jitwal milli hu llum? Huwa minnu li fl-Immigration Control fl-ajruport mhix issir distinzjoni bejn barranin bil-permess li jaħdmu Malta jew residenti Malta u barranin li jkunu biss viżitaturi? Ma jaħsibx li billi l-introduzzjoni tas-Schengen qegħda biss sena 'l bogħod għandhom jiġu organizzati briefings u jinħarġu leaflets dettaljati bħala gwida għal dawk kollha li jistgħu b'xi mod dirett jew indirett jiġu effettwati mis-Schengen Agreement?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema tas-Schengen hija mistennija tidħol fażi fażi bit-tneħħija tal-fruntiera bil-baħar ma' l-Italja fl-ewwel ta' Jannar 2008 u t-tneħħija tal-fruntieri mill-ajru mal-bqija taż-żona tax-Schengen sa l-aħħar ta' Marzu 2008. Hemm numru ta' tħejjijiet għaddejjin sabiex ikun assigurat li Malta, bħal pajjizi applikanti l-oħra, tkun tista' tassumi r- responsabbiltajiet għall-fruntiera tan-Nofsinhar t’isfel taż-Żona tax-Schengen u għalhekk tassigura l-moviment ħieles tal-persuni u ta' l-affarijiet f’din iż-Żona. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern huwa li jassigura li l-infrastrutturi, is-sistemi, il-proċeduri, il-proċessi u l-istrutturi kollha meħtieġa jkunu fis-seħħ, sa nofs Settembru 2007 sabiex ikun assigurat li Malta tista' tgħaddi b'suċċess mill-evalwazzjonijiet stretti neċessarji tal-Kummissjoni ta' l-UE, tal-Kunsill tal-UE u ta' l-istat membri sħab flimkien mat-tmien stati membri l-oħra li daħlu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Fil-fatt, Ċipru kienet l-uniku Stat Membru li pposponiet bi ftit id-dħul tagħha fix-Schengen. Hemm komunikazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u koordinazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fis-sens li t-timijiet ta’ dawn il-Ministeri jaħdmu mill-qrib ma’ xulxin, mhux biss fl-iskambju ta’ informazzjoni, iżda wkoll billi jipparteċipaw f’laqgħat u fl-attivitajiet u fit-tħejjijiet għall-evalwazzjonijiet tax-Schengen u fl-implimentazzjoni tal-bidliet meħtieġa. Se titwaqqaf unita speċjali, magħrufa bħala s-Central Visa Unit, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, li se tieħu ħsieb issolvi l-problemi u dawk marbuta ma’ ħsarat tekniċi li jistgħu jinqalgħu. Viżas se jkunu pproċessati prattikament bl-istess mod kif qed isiru bħalissa, jiġifieri permezz ta’ applikazzjoni fil-konsolati ta’ Malta u f’dawk ta’ pajjiżi oħra fejn jeżisti ftehim ta’ rappreżentazzjoni. L-applikazzjoni se tiġi eżaminata fuq numru ta’ kriterji standard fosthom jekk wieħed għandux passaport validu, mezzi biex jirritorna lejn pajjiżu, sussistenza biżżejjed, kondotta tajba u raġunijiet validi biex jidħol Malta, u aktar tard fiż-Żona kollha tax-Schengen, kif ukoll li ma jkunx ta’ theddida għall-immigrazzjoni illegali, is-saħħa pubblika u s-sigurta'. Jista’ jkun hemm każijiet izolati fl-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tal-viżaż ta' ċerti nazzjonalitajiet fejn ikun hemm bżonn ta' konsultazzjoni ma' Stati Membri oħra ta' l-UE taħt l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni ta' l-UE u l-Kodiċi Komunitarju ta' l-UE. F’każijiet bħal dawn, peress li mhux taħt il-kontroll dirett ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, jista’ jkun hemm xi titwil fil-ħin biex tinħareġ il-viża. Pero’ dawn mistennija jkunu każi ta’ eċċezzjoni u mhux ta’ regola. Meta Malta tissieħeb fiż-Żona Schengen, id-distinzjoni prinċipali tkun fil-punt tat-tluq tal-passiġġier qabel ma jasal Malta. F'każ li dan ikun minn pajjiż ieħor tax-Schengen, ma jsiru l-ebda spezzjonijiet. Meta dan ikun minn pajjiż barra x-Schengen, isiru spezzjonijiet ta' malajr fuq ċittadini ta' l-UE filwaqt li fuq ċittadini li m'humiex mill-UE, l-ispezzjonijiet jibqgħu jsiru bħal fil-preżent iżda flimkien ma' spezzjonijiet fid-database tas-Sistema ta’ l-Informazzjoni tax-Schengen. Laqgħat informattivi u t-tqassim ta’ fuljetti se jigu ippreparati pero’ ovvjament dawn jistgħu jsiru biss la darba Malta tgħaddi mill-evalwazzjonijiet kollha tax-Schengen u għalhekk tkun tista’ tissieheb f’din is-sistema.

Sistema Pisces

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji sħaħ dwar kif qed taħdem is-sistema Pisces? X'inhuma r-reporting lines tagħha u lil min? Min huma l-partijiet jew pajjiżi li huma nvoluti fl-information sharing? Liema huma dawk il-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea li daħħlu sistema simili?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20824.

Lukanda Windsor — Ħlas ta' pagi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li hemm ħaddiema tal-lukanda Windsor f'Tas-Sliema li wara li damu sa tmiem April biex tħallsu l-pagi ta' Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra, sad-data li fiha qed nagħmel din il-mistoqsiha għadhom ma tħallsu ebda salarju għax-xogħol kollu li għamlu din is-sena? Fi kliem ieħor, sa nofs Mejju għadhom lanqas biss ħadu l-paga ta' Jannar 2007? Jekk din l-allegazzjoni hija fl-affermattiv x'passi konkreti ser jieħu l-Ministeru tiegħu u d-dipartiment tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg jaf b’dan il-kaz u l-investigazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Ser tittieħed kwalunkwe azzjoni necessarja bil-Qorti.

Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25643 u jagħti r-raġuni għaliex il-mediċini Priadel, Lexomil, Oxectin, Xanax u Axura (għad-dementia) m'humiex availablegħaċ-ċittadini Maltin mill-isptar u miċ-ċentri tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċini msemmija jintużaw għal trattament ta' mard li ma jaqax taħt l-iskeda V tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali.
Leg 10 PQ #26270 Sitting 528 2007-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Uffiċjal Eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa s-salarju ta' l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? X'pakkett ta' ħlasijiet u benefiċċji oħra għandu għall-funzjoni tiegħu fl-MTA? X'ħinijiet tax-xogħol għandu? Kemm qed iżomm kuntatt kontinwu ma' l-impjegati ta' l-MTA?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra

San Gwann — Ġnien G. Camilleri

Question

Ġaladarba wara 6 xhur il-ġnien G. Camilleri f'San Gwann baqa' fi stat dilapidat u l-kunsill lokali ta' San Gwann mhux qed jinfunzjona kif suppost, jista' l-Gvern ċentrali jieħu lura dan il-ġnien bil-flus allokati biex ir-residenti tal-inħawi jistgħu jerġgħu jgawdu l-ġnien kif suppost?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b'referenza għall-istat ta' l-imsemmi ġnien, uffiċjali tal-Field Services Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali reġgħu spezzjonaw dan il-ġnien fit-22 ta' Mejju 2007 u r-rimarki huma kif indikat fir-rapport li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Abbażi kemm tal-Mistoqsija Parlamentari mill-Onor. Interpellant kif ukoll mir-rapport ta' spezzjoni, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali beħsiebu jiltaqa' mal-Kunsill Lokali San Ġwann biex jiddiskuti kif il-Kunsill jista' jtejjeb il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward. Dwar il-fatt li l-Kunsill Lokali San Ġwann "mhux qed jiffunzjoni kif suppost", dan il-Ministeru hu konxju mill-fatt li l-imsemmi Kunsill ilu mingħajr Segretarju Eżekuttiv sa mill-4 ta' Mejju 2007 meta l-istess Segretarju Eżekuttiv irriżenja mill-kariga. Peress li l-Kunsill ma setax jaħtar Deputat Segretarju Eżekuttiv (għaliex il-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv kienet vakanti u għalhekk ma setgħetx issir laqgħa tal-Kunsill), inħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv biex jassumi din il-kariga sakemm timtela l-kariga ta' Segretarju Eżekuttiv.

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-9 ta' Mejju, 2007 kemm-il persuna ġiet irrappurtata li kisret il-liġi dwar il-kaċċa u l-insib? F'kull każ x'kienet l-akkuża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 5 persuni li nqabdu jiksru r-regolamenti tal-kaċċa u l-insib nhar id-9 ta' Mejju 2007. Tlieta nħarġitilhom ċitazzjoni li sparaw jew ippruvaw jisparaw fuq tajr protett u/jew li aġixxew bi ksur tar-regolamenti tal-kaċċa u l-insib, kif ukoll li fixklu l-uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom fost l-oħrajn. Filwaqt li tnejn oħra nħarġitilhom ċitazzjoni li kienu għall-kaċċa b'arma tan-nar li kellha kompartiment li jista' jieħu aktar minn (2) skrataċċ fl-istess ħin.

Santa Tereza Junior Lyceum — Ġografija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għalfejn studenti tal-Ġografija li waslu fis-sena finali tal-Form 5 fil-Junior Lyceum Santa Tereża fl-Imrieħel, kienu mgħallma minn għalliema li s-suġġett prinċipali tagħha mhux il-Ġografija u m'għandhiex degreefis-suġġett, meta fl-istess skola hemm għalliema oħra li għandhom kwalifiċi u esperjenza fis-suġġett ħafna aqwa? X'impatt se jkollu dan l-użu ħażin mir-riżorsi umani mill-amministrazzjoni ta' l-iskola fuq l-eżami, jiġifieri l-proġett jiġi mmarkat mill-għalliem tagħhom, li f'dan il-każ m'għandhiex il-kompetenza meħtieġa f'dan il-livell? Jista' jserraħ ras il-ġenituri li għandhom it-tfal fil-Junior Lyceum Santa Tereża li fis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti tal-Ġografija kemm ta' l-options u tal-form 5 ikollhom għalliema bl-aqwa kwalifiki u esperjenza li għandha l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema li tgħallem lill-istudenti tal-Form 5 hija gradwata bil-B.ED (Hons) speċjalizzata fil-Ġografija u ilha tgħallem għal dawn l-aħħar ħames snin.
Leg 10 PQ #24977 Sitting 527 2007-05-21 Oral · Final From: JOSEPH DEBONO GRECH To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Telefonati minn linji fissi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-nefqa fuq telefonati minn linji fissi fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 globalment, kienet kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.