Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidju fuq dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li qiegħed jistenna biex jirċievi l-applikazzjoni tas-sussidju fuq dawl u ilma (voucher) li minkejja li xahar u nofs ilu qalulu li ser jirċievi, dan għandu ma rċieva xejn? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Housing Authority

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' approvazzjoni mill-Housing Authority tal-persuna li d-dettalji tal-file tagħha qed jintbagħtu separatament? Tista' tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna li tirċievi d-dokumenti meħtieġa biex tkun tista’ tipproċessa l-applikazzjoni ndikata mill-Onor. Interpellant.

Sptar — Użu alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25644 u jgħid hemmx xi pjanijiet biex wara li ssir il-migrationsħiħa mill-iSptar San Luqa lejn l-iSptar Mater Dei parti minnu tiġi użata bħala residenza għall-persuni b'inkapaċita' mentali, speċjalment dawk li jkunu tilfu l-ġenituri tagħhom? Jekk le, xi pjanijiet alternattivi għandu l-gvern biex jindirizza din il-problema akuta li qed tippreokkupa lil diversi ġenituri anzjani bi tfal b'inkapaċitajiet simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25644, f’Seduta Numru 524. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern diġa’ ndirizza l-problema. Għal dan l-iskop waqqaf l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex, fost affarijiet oħra, tipprovdi servizz residenzjali fil-komunita’ għall-persuni b’diżabilita’, inkluż diżabilita’ mentali. Dan is-servizz diġa’ qed jiġi provdut f’residenzi f’Wied il-Għajn, Kirkop, Fgura u Mtarfa u qed titħejja residenza oħra f’Bormla. Barra minn dan, permezz ta’ ftehim mal-Fondazzjoni Arka u l-Knisja, il-Gvern qed jiffinanzja numru ta’ postijiet għal servizz residenzjali lil persuni b’diżabilita’ provduti f’Għajnsielem u Birkirkara rispettivament. Dan kollu hu skond il-politika tal-Gvern preżenti li jgħin persuni b’diżabilita biex, kemm jista’ jkun, jgħixu ħajja ndipendenti fil-komunita’ u mhux segregati f’post ċentralizzat.

Swieqi — Qtugħ ta' ilma

Question

X'inhi r-raġuni li kemm fi Triq Gogi u Triq Gabilott, Swieqi illum, 15/5/07, kien hemm qtugħ ta' ilma l-jum kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga wkoll l-ilment tar-residenti fi Triq Gogi, Swieqi li spiss jkollhom qtugħ simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena kien hemm 6 darbiet li l-ilma fit-triq imsemmija ġie sospiż. F’erba’ darbiet minnhom, ir-raġuni tal-egħluq kienet manutenzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u dan l-egħluq dam bejn siegħa u sagħtejn. Fid-darbtejn l-oħra, ir-raġuni kienet li marret il-provvista tal-eletriku fl-Impjant tar-RO ta’ Pembroke. Id-dewmien f’dawn id-drabi kien itwal.

Sponsorship

Question

Meta xi student jew student jirbaħ sponsorship bħal fil-każ ta' xebba li ntgħażlet għal xi żmien taħt scholarship Taljan mal-Collegio Del Mondo Unito Dell'Adriatico tal-United World Colleges, il-Gvern Malti ma jistax jħallas jew għall-inqas jissussidju parti mill-ispejjeż taż-żewġ vjaġġi bir-return li hi ntitolata li tagħmel fis-sena minn u lejn pajjizha?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li kif jaf l-Onor. Membru l-Gvern jagħti għajnuna mill-akbar lill-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom, inkluz permezz ta' scholarships, kazijiet bħal dak imqanqal mill-Onor. Membru jista' jiġi trattat biss fuq il-merti tiegħu wara li jkun konsidrat mill-Bord għall-għotjiet ta' Manteniment lil studenti kif jitolbu r-Regolamenti.

Refuġjati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn refuġjati f'Malta bħalissa mqassmin f'irġiel u nisa? Kemm minnhom huma taħt is-16-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn Jannar ta' l-2002 sa llum, in-numru ta' immigranti li ngħataw status ta' refuġjat huwa ta' 192. Minn dawn 93 huma rġiel, 49 nisa u 50 tfal taħt it-tmintax-il sena.

Status ta' refuġjati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma r-refuġjati li fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, ingħataw status uffiċjali ta' refuġjati u ġew aċċettati minn pajjiżi oħra? Jista' jgħid liema kienu l-pajjiżi u kemm ġew aċċettati sal-15 Mejju, 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-aħħar ħames snin ingħataw status ta' Refuġjat lil 186 persuni, li sena b'sena kienu hekk: 2002 - 22 persuni 2003 - 53 persuni 2004 - 49 persuni 2005 - 34 persuni 2006 - 28 persuni Ninsab infurmat ukoll illi l-pajjiżi indikati hawn taħt aċċettaw refuġjati minn Malta kif ġej: L-Olanda - 19/20 ta' Diċembru 2005 Refuġjati 20 persuna Protezzjoni Umanitarja 16-il persuna Il-Ġermanja - 6 ta' Ġunju 2006 Refuġjati 9 persuni Protezzjoni Umanitarja 11-il persuna L-iStati Uniti ta' l-Amerka - 24 ta' Jannar 2007 Protezzjoni Umanitarja 23 persuna Il-Litwanja - 30 ta' Jannar 2007 Applikanti għall-Asil 6 persuni L-Irlanda - 14 ta' Frar 2007 Refuġjati 10 persuni B'kollox ġew aċċettati total ta' 95 persuna li minnhom 39 persuna kellhom status ta' Refuġjat f'Malta.

Tfal ta' refuġjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu skejjel ta' l-Istat f'pajjiżna? F'liema skejjel qed jattendu? Hemm xi tfal li qed jattendu skejjel tal-knisja? Jekk fl-affermattiv, kemm huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 77 tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu fl-iskejjel ta' l-Istat u 4 f'dawk tal-Knisja.

Rapport tal-MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar xi proposta jew oħra li kienet saret fir-rapport fuq il-MATSEC? Jekk iva, liema kienu u meta huwa maħsub li jibda jseħħ it-tibdil?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa qed isir xogħol biex jissaħħu l-istrutturi tal-MATSEC bl-iskop li jkunu jistgħu jitwettqu Rakkomandazzjonijiet oħra li hemm fir Rapport imsemmi.

Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jseħħ inċident serju tat-traffiku hijiex regola li s-sewwieqa nvoluti jiġu eżaminati awtomatikament għall-possibilita' li kienu taħt l-effetti ta' droga u/jew alkoħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħala proċedura, meta jseħħ inċident serju tat-traffiku u l-Pulizija jkollha suspett raġonevoli li xi sewwieq jew sewwieqa jkunu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol jew droga, isiru t-testijiet kif previst fl-artikoli 15 A sa 15 I ta' l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65).

Gżira — Tibjid fi Blokk B2

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra t-talba tar-residenti ta' Block B2 Gżira HE biex issirilhom tibjida tal-common parts ta' l-appartamenti tagħhom minħabba fl-istat ħażin li jinsabu fihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ghaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.

Gżira — Art Żdingata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi kontra s-sidien ta' l-art żdingata li qed tintuża bħala rubbish dump faċċata ta' 184, Luqa Briffa Str., Gzira minħabba li skond il-liġi suppost ikun hemm boundary wall ħalli jirristrinġi l-aċċess tal-pubbliku għaliha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u ser tieħu l-passi kollha skond il-liġi.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #25130 Sitting 528 2007-05-22 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tagħha li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-impjegati kollha fil-gradi professjonali u tekniċi għandhom xi forma ta' allowance, min għal ħaġa u min għall-oħra. Dan joħroġ mill-ftehim kollettiv tad-diversi ħaddiema. Hawn allowances oħra stipulati mill-PSMC u min-natura tax-xogħol, eż. shift allowance. Ma narax ir-raġuni għalfejn l-Onor Interpellant qed jitlob din l-informazzjoni li tirrikjedi ammont kbir ta' ħin ta' xogħol biex tiġi miġbura fil-format mitlub mill-istess Interpellant.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed jieħdu dawn l-allowances kif miftiehem fil-Ftehim Kollettiv ta' valur fiss skond: · General expense allowance lil gradi A, B, C, D u E biex tikkumpensa għal spejjeż minn buthom li jagħmlu gradi professjonali · Ħlas ta’ attendenza tal-Bord ta’ l-Appell · Allowance għall-karozza biex tikkumpensa għall-użu tal-karozza privata waqt il-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali ta’ l-Awtorità · On-call allowance · Qualification allowance · Special allowance · Travel allowance għar-residenti Għawdxin li jaħdmu Malta u għar-residenti Maltin li jaħdmu Għawdex Hemm ukoll numru ta' allowances li l-valur tagħhom m'huwiex fiss, kif gej: · Rimborż ta’ spejjeż għat-telefon għall-gradi professjonali C, D u E (sa Lm200 fis-sena) · Rimborż ta’ ħlas ta’ sħubija wieħed fis-sena f’korp/soċjetà professjonali għall-gradi professjonali A, B, C, D u E (mhemmx limitu stabbilit) · Rimborż ta’ spejjeż minfuqa għal taħriġ (training) għall-gradi professjonali A u B sa Lm150 fis-sena · Fond ta’ taħriġ ta’ Lm4,000 fis-sena għall-gradi kollha tekniċi u klerikali 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 · Performance bonus għall-gradi kollha tekniċi u klerikali 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 u għall-gradi professjonali A, B, C, D u E · Travel disturbance lill-uffiċjali fil-gradi kollha tekniċi, klerikali u professjonali li jivvjaġġaw fuq xogħol uffiċjali ta’ l-Awtorità fil-weekends jew Festi Pubbliċi · Disturbance allowance għall-gradi D u E li jaħdmu barra mill-ħin kontrattwali tagħhom · Photogrammetry allowance · Mileage allowance għall-u¿u tal-karozza private Il-bqija ta’ l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.