Legislature:
Category:
Reset
Active:

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28991 u jgħid il-Foundation for International Studies minn fejn iġġib il-finanzi tagħha? Kemm jirnexxielha tiġġenera fondi addizzjonali minbarra l-għotja li tingħata jekk inhu l-każ li tingħata fondi? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-accounts ta’ l-istess Fondazzjoni ta’ dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FOundation for International Studies ġġib il-finanzi tagħha minn sorsi mniżżlin hawn taħt : -Fondi mill-Gvern ta' Malta -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin -Programmi Internazzjonali -Konferenzi -Fondi mill-Universita' ta' Malta -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq -Korsijiet u attivitajiet oħra. Għas-snin 2004-2006: -Fondi mill-Gvern ta' Malta ammontaw għal Lm225,000. Minnbarra din l-għotja tal-Gvern ta' Malta, dħul ieħor iġġenerat tul is-snin 2004-2006 kien jammonta għal total ta' Lm2,545,702 li huwa maqsum fil-kategorija imniżżla hawn taħt : -Proġetti u attivitajiet oħra iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u istituzzjonijiet oħra barranin - Lm1,240,513 -Programm Internazzjonali - Lm541,658 -Konferenzi - Lm281,257 -Fondi mill-Universita' ta' Malta - Lm213,200 -Fondi ġġenerati minn sorsi oħra apparti minn dawn imniżżla hawn fuq - Lm160,752 -Korsijiet u attivitajiet oħra - Lm108,322. Ser ngħaddi kopji tar-rapporti finanzjarji għas-snin 2004 u 2005 lill-Onor. Membru . Ir-rapporti tas-sena 2006 qed jiġi iffinalizzat mill-awdituri u l-persuni konċernati.

Universita' — Promozzjonijiet u appointments

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28991, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-promozzjonijiet u l-appointments li huma meqjusa ta’ interess pubbliku u dan meta huwa fatt magħruf li l-Universita` hija finanzjata mill-budget tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-Universita' ta' Malta tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Wied il-Għajn — Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-trasport pubbliku fil-ħinijiet ta’ filgħodu u li jitlaq minn Wied il-Għajn għall-Junior College u għall-Universita` jkun aktar konvenjenti u tajjeb għall-istudenti li jattendu f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi, anke biex it-trasport provdut ilaħħaq mad-domanda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li s-servizz tat-Trasport Pubbliku minn Wied il-Għajn għall-Junior College u l-Universita qed ilaħħaq mad-domanda eżistenti. L-Awtorita tat-Trasport qed ikollha ilment wieħed, minħabba li l-passiġġieri qed jitolbu li dan is-servizz jsir wieħed dirett u mhux issir bidla tax-xarabanks f’ Ħaż-Żabbar iżda dan preżentament mhux possibli.

Mosta — Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29124 u jara li tiżdied is-sigurta' madwar l-iskola tal-kindergarten tal-gvern fil-Mosta peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm xi inċident ikkaġunat mill-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sitwazzjoni qed tiġi sorveljata.

Sptar Mater Dei — Haddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fl-isptar San Luqa qabel ma sar it-trasferiment għall-isptar Mater Dei fis-sezzjoni tal-kċina fis-sezzjoni tas-security fis-sezzjoni tal-maintenance nkluż inġinera?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema fl-Isptar San Luqa qabel ma sar it-trasferiment għall-Isptar Mater Dei fis-sezzjonijiet tal-kċina, security u maintenance inkluż enġiniera kien kif jidher hawn taħt: Kċina 40 Security 60 Technical staff inkluż Enġiniera 174

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28578, 28766, 28939, 29012 u 29123 u jgħid x'inhu d-dħul ta' l-Enemalta għas-sena 2006? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża totali għall-Enemalta għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena 2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Id-dħul ta l-Enemalta mid-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena finanzjarja 2005/6, skond l-accounts mhux awditjati, huwa stimat li kien ta' Euro 206 miljun. Dan id-dħul ma jinkludiex sussidji tal-gvern u dħul ieħor anċillari li daħħlet il-Korporazzjoni. Jekk wieħed jikkunsidra d-dħul totali għal Enemalta inkluż sussidji u dħul anċillari ieħor, dan jiżdied b'Euro 51.9 miljun oħra għal Euro 257.6 miljun. L-ispiża totali għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena finanzjarja 2005/6, skond l-accounts mhux awditjati, hija stimata li laħqet Euro 264.6 miljun.

Inspections f'ħwienet tad-deheb

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm l-inspections saru fil-ħwienet tad-deheb mill-ispetturi tal-konslu mill-1 ta' April 2004 sal-lum? Kemm inġabar xogħol minn dawn l-inspections? X'verifiki qegħdin isiru fuq il-kwalita' tad-deheb li jiġi mpurtat f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta’ April 2004 sas-17 ta’ Diċembru 2007, il-konslu għamel mija u tmienja u erbgħin (148) spezzjoni fil-ħwienet tad-deheb u nġabru sittin (60) oġġett tad-deheb u l-fidda. Dan minkejja li l-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 u l-ewwel ta’ April 2006 kien stipulat bħala perijodu ta’ transizzjoni li fih id-deheb imbullat skond l-ordinanza preċedenti għall-Att kienu għadu legali. F’dawn l-ispezzjonijiet oġġetti maħduma lokalment kif ukoll impurtati jiġu eżaminati bir-reqqa filwaqt li l-oġġetti miġbura għall-verifika u assaġġ jinkludu kemm oġġetti ta’ manifattura lokali u kemm oġġetti mpurtati.

Ħlas ta' bolla lura

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 29020 u 29199 u jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament u li hi armla tingħata lura l-ħlas tal-bolla għax din mhux suppost li tħallset?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-talba għall-ħlas saret fis-27 ta' Novembru, 2007 u qed tiġi kkonsidrata.

Sptar Mater Dei — Xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-iSptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew iqumu x-xogħlijiet, kull tip ta' xogħol separtament: i.e. kostruzzjoni, waterproofing, elettriku, ilma, drenaġġ, madum ta' l-art, madum tal-ħajt, sanitary set and fittings, tikħil, tibjid u bini, airconditioning, aperturi ta' barra u ta' ġewwa, irħam etc nkluż l-għamara, l-apparat mediku u l-IT equipment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #29314 Sitting 604 2008-01-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Cittadella

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 27553 dwar it-tendergħall-master plan tac-Cittadella, tista' l-Ministru issa tgħidli meta hu mistenni li joħroġ it-tender?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-tender ghall-Masterplan tac-Cittadella giet ippubblikata.
Leg 10 PQ #29315 Sitting 604 2008-01-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Biċċerija

Question

Tista' l-Ministru tgħidli kemm-il darba ħarġet t-tender għal servizzi u apparat fil-biċċerija? Meta hu mistenni li terġa' toħroġ din it-tender?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-tender ghal servizzi u apparat fil-biccerija nharget darbtejn u li bhalissa qieghda fi stadju li jigu evalwati l-offerti.

Laboratorju Forensiku — Magna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jara li l-magna SEM/EDX fil-Laboratorju Forensiku li suppost issewwiet, tissewwa? Jaf li kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, marru sine die għas-sempliċi raġuni li din il-magna ma ssewwietx?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27729.

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħidli: x'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni mitluba lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-Kumpanija Degremont Spa u mill-Kumpanija C & F Building Contractors Ltd in solidum/rispettivament fuq il-proġett għat-tisfija għad-drenaġġ f'Għawdex; X'inhuma x-xogħlijiet jew is-servizzi li dwarhom intalbu dawn il-varjazzjonijiet u kemm hija l-istima ta' kull item ta' dawn is-servizzi u xogħlijiet; X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ġew deċiżi s'issa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u x'inhuma l-items rispettivi; X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ġew aċċettati s'issa u għal liema items; X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li ma ġewx aċċettati s'issa u għal liema items; X'inhu l-valur totali tal-varjazzjoni li għadhom ma ġewx deċiżi s'issa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u x'inhuma l-items rispettivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ilma mill-impjant tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li qed jiġi ġġenerat mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex hux tajjeb għat-tisqija u għal applikazzjonijiet magħżula ta' ri-użu industrijali u kummerċjali kif il-Gvern intrabat li jkun fil-kuntratt li għamel mal-Kummissjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv meta se jibda isir użu minnu għal dawn l-iskopjiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux marbut li l-ilma irid jinbiegħ u mhux jingħata b'xejn lill-bdiewa u lill-industrija kif jingħad fil-Project Fiche miftiehem bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġett? Jekk inhu marbut li l-ilma jinbiegħ, kemm se jkun il-prezz ta' l-ilma għall-bdiewa u l-industrija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjonijiet għas-Servizzi ta' l-Ilma kenitx taf bil-varjazzjonijiet kollha ta' xogħol u apparat/makkinarju li saru fuq l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex u li t-talba tal-kuntratturi għal ħlas tagħhom ma ġietx aċċettata mill-Korporazzjoni? Jekk dan il-varjazzjonijiet saru mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaliex tħallew isiru? Jekk dawn il-varjazzjonijiet saru bl-approvazzjoni minn qabel tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għaliex ma aċċettatx li jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-varjazzjonijiet li ntalbu in konnessjoni mal-kuntratt ta’ l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex u li ma ġiex aċċetatti huma kollha relatati ma’ xogħolijiet strutturali. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma issostni li dawn ix-xogħolijiet kellhom isiru mill-kuntrattur skond it-termini oriġinali tal-kuntratt mingħajr kumpens finanzjarju oltre’ dak previst fil-kuntratt. Dan għax ix-xogħolijiet li għalihom il-kuntrattur talab varjazzjoni, kienu fil-fatt xogħolijiet li jaqgħu taħt l-iskop oriġinali tal-kuntratt u b’hekk ma kien hemm ebda każ ta’ varjazzjoni. Barra minn hekk, tajjeb wieħed jgħid li il-kuntrattur huwa obligat taħt il-kuntratt (FIDIC ‘Plant & Design-Build’ Conditions of Contract - Klawżola 20.1) li jinnotifika lill-klijent fi żmien 28 ġurnata li jsir jaf jew kellu jsir jaf li xi avveniment seta’ jwassal għal bżonn ta’ varjazzjoni. Skond din il-kondizzjoni, jekk in-notifikazzjoni ma ssirx fi-terminu ta’ żmien imsemmi, ma jkun hemm l-ebda lok għall-konsiderazzjoni ta’ varjazzjoni li toriġina mill-istess avveniment. Il-kuntrattur qatt ma kien għamel tali notifiki, minkejja li r-rappreżentanti tal-KSI għal aktar min-sena sħiħa kienu jttennu dan il-punt fil-laqgħat li kien ikollha regolarment mal-kuntrattur. Il-KSI kienet ripetutement taċċenna għal din il-klawżola fil-kuntratt sabiex il-kuntrattur jinnotifikaha b’xi varjazzjonijiet li seta’ kellu l-ħsieb jissottometti għal-konsiderazzjoni tal-KSI. L-iskop ta’ din il-klawżola hu li tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ varjazzjonijiet li jkunu sottomessi kollettivament fl-aħħar stadji tal-kuntratt mingħajr l-iċken ħjiel jew prenotifikazzjoni minn naħa tal-kuntrattur.

Atti immorali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jwettqu att immorali fil-pubbliku din is-sena u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 106 persuna li nqabdu jwettqu atti immorali fil-pubbliku f'diversi lokalitajiet fosthom Valletta, Floriana, Fgura, M'Scala, Żurrieq, Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Hamrun, St Venera, Ta' Xbiex, Gżira, Msida, B'Buġia, Ħal Far u l-Marsa.

Nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nurses illum? X'tip ta' grad għandhom? Kemm hu n-numru illum u kemm hu maħsub li għandu ikun il-full complement li l-gvern għandu bżonn illum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tinġabar.

Nurses Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nurses barranin jaħdmu Malta illum? Minn fejn huma? Kemm hu n-numru li applikaw biex jiġu jaħdmu Malta wara s-sejħa li saret dan l-aħħar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' Nurses ta' nazzjonalita' barranija li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa ta' 29. In-nazzjonalita' ta' dawn in-Nurses huma elenkati hawn taħt: Serbia & Montenegro 3 Philippines 3 Poland 3 Albania 2 Bosnia 2 Nigeria 4 Germany 2 United Kingdom 2 India 1 Pakistan 2 Bulgaria 1 Russia 1 Slovak Republic 1 Finland 1 Greece 1

Angiograms

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-ewwel angiograms ġo l-iSptar Mater Dei? Kemm saru dakinhar? L-ITU tal-iSptar Mater Dei kien jiffunzjona dakinhar u jekk le, meta beda jiffunzjona?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ewwel Angiograms ġo l-isptar Mater Dei saru fil-5 ta' Novembru 2007. It-total kien ta' 4. Ma hemm l-ebda bżonn ta' ITU Coverage għal Angiograms. L-ITU beda jiffunzjona fl-14 ta' Novembru 2007.

Konsulenti u speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti u speċjalisti li aċċettaw jaħdmu fulltimemal-gvern illum? Kemm hemm part time? Kemm minn dawn aċċettaw jaħdmu wara nofs inhar? F'liema qasam mediku huma speċjalisti dawk li aċċettaw jaħdmu fulltime?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-ftehim bejn il-Gvern u l-MAM jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008. Fl-istess ftehim hemm stipulati li t-tobba għandhom żmien sat-30 ta' Ġunju 2008 sabiex jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom.