Tista' l-Ministru tgħid x'sar mit-talba għall-istalazzjoni ta' lift fi blokka ta' appartament tal-gvern li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-istallar tal-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ġiet rakkomandata mill-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar u qed jiġu kompilati d-dokumenti biex issir l-applikazzjoni meħtieġa lill-MEPA.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26265 jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba fir-rigward tal-bozoz fid-diversi bypasses?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bozoz tat-tip 210 W SON, minn barra li meta jinbidlu jkunu waslu fl-aħħar ta' ħajjithom, huma anqas effiċjenti, juru inqas minħabba iż-żmien li għandhom, mhumiex standard u għalhekk jiswew aktar. Dawn qegħdin jinbidlu bit-tip 150 W jew 250 W SON li huma standard.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jiġu nstallati bus shelters fi Triq is-Siġġiewi f'Ħaż-Żebbuġ wara li issa ilhom li tlestew ix-xogħlijiet ta' tarmac f'din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-kuntrattur Faces Ltd qed jistenna konsenja ta’ Bus Shelters f’Ġunju. Għaldaqstant, il-Bus Shelters fi Triq is-Siġġiewi ser jiġu installati meta tasal din il-konsenja.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġi rranġat Sqaq l-Għadira fil-Wied ta' Ħal Qormi wara li issa ġiet iffurmata din it-triq ġdida?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm it-triq imsemmija ma kinetx tifforma parti mill-lista tax-xogħlijiet uffiċjali ta' l-ADT, ser tkun inkluża wara li saru l-ispezzjonijiet neċessarji. Il-lista uffiċjali tat-toroq għandhom jitlestew sa l-aħħar ta' l-2008.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 26015 jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' tat-Trasport għadha ma tatx risposta dwar il-bdil tad-drenaġġ fi Triq Anton Falzon, Luqa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni bin-numru 0760/2007 ġiet reġistrata fis-17 ta’ Mejju, 2007 u waslet l-ADT mingħand il-Water Services Corporation sabiex tiġi proċessata fit-23 ta’ Mejju, 2007. L-applikazzjoni qed tiġi proċessata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26021 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferita lilu u jgħid xi trading licences għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li jiġġestixxi negozju taħt l-isem li qiegħed jinbagħat separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bi tweġiba għall-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant, fejn id-dettaliji ntbagħtu separatament, ninsab infurmat illi hemm liċenzja ta' Snack Bar Second Class.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26266 u jieħu azzjoni biex dawk is-suldati li għalqu l-55 sena u li m'għamlux il-25 sena servizz jingħataw l-opportunita' li jkomplu s-servizz u mhux jiġi mitmum l-impjieg tagħhom minn ma' l-armata kif fil-fatt diġa' sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li t-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra fl-istess sens.
Madankollu l-Onorevoli Interpellant irid jifhem illi fid-dinja tal-lum l-ebda Armata ma żżomm nies fis-servizz ta’ eta ta’ 55 sena salv għal dawk fil-pożizzjonijiet tal-Overall Command.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26009 u jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq unpaid leave jew study leave? F'kull każ kemm ilhom fuq unpaid leave jew study leave u x'inhu l-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tkun lesta.
Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jara għala, minkejja x-xogħlijiet utili u fejjieda li qed isiru fi Triq Durrgħajsa, f'Paola, hemm familja (ta' John Bonello) fil-parti t'isfel ta' din it-triq, li ilha ma tista' toħroġ il-karozza tagħha minn ġol-garage tagħha għal iktar minn tliet xhur minħabba x-xogħlijiet quddiem dan il-garage, minkejja li jien infurmajt b'dan lill-Awtorita' dwar t-Trasport diversi drabi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ADT lestiet ix-xogħlijiet neċessarji fit-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant. L-ADT tibni t-triq skond il-livelli mogħtija mill-MEPA u hekk sar f’dan il-każ.
Il-bieb tal-garaxx ta’ din il-familja ma kienx skond il-livelli li ġew mogħtija mill-MEPA u għalhekk uffiċjali ta’ l-ADT għamlu diversi laqgħat ma’ din il-persuna u anke sarulu bosta proposti biex titaffa din il-problema u anke biex ikun jista’ juża l-garaxx.
Madankollu r-resident informa lill-uffiċjali ta’ l-ADT li ma ried li jsir xejn minn dak propost u li wara li jsir ix-xogħol “jagħmel fattih”.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26270 u jgħid kemm huwa s-salarju ta' l-uffiċjal eżekuttiv ewlieni ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? X'pakkett ta' ħlasijiet u benefiċċji oħra għandu għall-funzjoni tiegħu fl-MTA? X'ħinijiet tax-xogħol għandu? Kemm qed iżomm kuntatt kontinwu ma' l-impjegati ta' l-MTA?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi s-salarju u l-pakkett ta' ħlasijiet u benefiċċji li għandu l-uffiċjal eżekuttiv ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu huwa kif ġej:
salarju li jammonta għal Lm36,091 fis-sena
bonus tal-Gvern
Performance Bonus
ħlas tat-telefon ċelulari u tad-dar (skond il-proċedura tal-MTA)
Il-ħinijiet tax-xogħol tal-kap eżekuttiv huma dawk stipulati fil-kuntratt tax-xogħol, jiġifieri 40 siegħa fil-ġimgħa. Madankollu minħabba n-natura tal-kariga hija prassi illi l-kap eżekuttiv jaħdem siegħat li jmorru ferm 'l hinn mill-40 siegħa fil-ġimgħa, inkluż filgħaxijiet u weekends.
Ninsab infurmat illi l-kap eżekuttiv tal-MTA qiegħed iżomm kuntatt kostanti u kontinwu mal-ħaddiema kollha ta' l-Awtorita', f'kull livell, min dak maniġerjali sa dak klerikali u ta' taħtu.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm tħallas il-kumpanija lid-diviżjoni tas-saħħa li qed tmexxi is-sistema ta' parkeġġ fl-Isptar San Luqa? Min hi din il-kumpanija? Meta jsiru clamping tal-karozzi fl-Isptar kemm tieħu l-kumpanija u kemm tieħu d-diviżjoni tas-saħħa? Meta sar il-kuntratt ma' din il-kumpanija u minn min sar? Hemm perjodu taż-żmien meta dan il-kuntratt jeskadi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dħul li jirċievi l-isptar San Luqa għan-nom tad-Diviżjoni tas-Saħħa mingħand il-Kunsill Lokali tal-Pieta hu kif qed jiġi muri hawn taħt:
1. Lm16,773 fis-sena (għall-użu tal-Car Park, deprezzament tal-apparat, manutenzjoni, kif ukoll spejjeż oħra)
2. 40% share tan-Net Profit li jiġi determinat wara li jitnaqqsu l-ispejjeż min-Net Revenue (jiġifieri Gross Income less VAT).
Il-kumpanija li timmaniġġja t-traffiku fl-isptar San Luqa għan-nom tal-Kunsilli Lokali tal-Pieta hija C.T. Park Limited.
Il-flus kollha li jinġabru kif ukoll l-ispejjez kollha tal-clamping jittieħdu mill-kumpanija C.T. Park Limited.
Il-kuntratt ġie ffirmat fil-15 ta' Novembru 2004, u sar bejn il-Kunsill Lokali tal-Pieta u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Dan l-imsemmi kuntratt jiskadi fil-11 ta' Novembru 2008.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-uffiċjali tas-sigurta' li hemm fl-Isptar San Luqa hux se jmorru jaħdmu fl-isptar l-ġdid meta dan jibda jiffunzjona? Huwa vera li s-sigurta fl-isptar l-ġdid se tingħata lil privat? Jekk iva, x'se jsir mill-uffiċjali li hemm fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizz ta' sigurta' fl-isptar Mater Dei ser jingħata lill-privat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24935 (seduta 514).
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli t-taqsima inkarigata tmur tagħmel valenu fl-inħawi ta' Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn partikolarment minħabba l-ammont kbir ta' ġrieden li hemm u li qed idejjaq ir-residenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għamel trattament intensiv fl-inħawi msemmija, llum 24 ta' Mejju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt sorveljanza minn din is-sezzjoni.
Jarax l-Ministru li z-zebra crossing u lights li tinsab preżentement eżatt mal-kantuniera bejn Valletta Road u Triq Manwella, Mosta li qiegħda f'periklu kemm għall-pedestrians u kif ukoll għas-sewwieqa, li din għandha titla 'l fuq lejn l-ground eżatt mal-kantuniera l-oħra u dan biex jiġi evitat kull periklu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ser tinvestiga l-possibilta’ li tinsab pożizzjoni alternattiva għal din il-pelican crossing fl-isfond ta’ l-arranġamenti tat-traffiku ta’ Valletta Road.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kategoriji ta' nies li huma entitled "to a tax free car"?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat peress li “entitlement to a tax free car” hija regolata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Billi minn riċerka nstab li l-billboards huma l-aktar ħaġa li tista' tkun ta' distrazzjoni għas-sewwieqa, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha ma ħadet ebda pass f'dan ir-rigward billi tneħħi l-billborads mit-toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sar investiment kapitali mill-Armata s-sena l-oħra? Kif sar? Kemm ħarġet direct orders l-Armata s-sena l-oħra, lil min u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena il-MEPA intalbitx toħroġ permess ħalli jsir party għall-massa enormi ta' nies ġo Paradise Bay waqt l-istaġun tal-bejta ta' diversi għasafar protetti u meta dan is-sit jaqa' taħt l-iskema ta' konservazzjoni Natura 2000? Jekk iva, x'deċiżjoni ttieħdet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-talba għall-permess għall-festival mużikali ġor-Ramla taċ-Ċirkewwa (magħrufa bħala Paradise Bay) waslet għand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi Frar 2007.
Kif intqal fil-Mistoqsija Parlamentari, dan is-sit huwa protett bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni skond il-provvedimenti ta’ l-Att Legali 311 ta’ l-2006 li bih Malta timplimenta id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni ta’ Ambjenti Naturali u ta’ Fawna u Flora Selvaġġi. Is-sit huwa ukoll skedat bħala Arja ta’ Importanza Ekoloġika skond in-Notifika tal-Gvern 400 ta’ l-1996.
L-Awtorità b’hekk evalwat din it-talba fuq bażi ta’ l-impatti li din l-attività jista’ jkollha fuq l-ambjent naturali tal-madwar kif ukoll fuq speċi t’annimali, partikolarament l-għasafar, li jistgħu jinstabu f’dan is-sit jew fil-viċinanzi. Ġew meqjusa ukoll iż-Żoni Speċjali ta’ Ħarsien iddikjarati skond l-Att Legali 79 ta’ l-2006 u d-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi. Dawn iż-żoni jinstabu f’distanza ta’ iżjed minn kilometru minn dan is-sit.
F’dan ir-rigward l-Awtorità ikkonsultat ukoll mal-BirdLife Malta dwar l-ispeċi t’għasafar li jbejtu f’dan is-sit. Skond l-infomazzjoni li ġiet mogħtija, l-għasafar li jinstabu fis-sit innifsu m’humiex mniżżla fl-iskeda I tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE.
Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità, li ttieħdet anki skond l-informazzjoni li ġiet mogħtija mill-BirdLife, hija li jinħareġ il-permess iżda li dan ikun suġġett għal kundizzjonijiet stretti. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kontroll strett tan-nies li għandhom jiġu ristretti għar-ramla u l-art li hija diġà mittiefsa (bħall-parkeġġ). Kundizzjonijiet oħra jikkontrollaw l-użu tad-dawl u jipprojbixxu l-firxa ta’ dawl artifiċjali kemm fuq l-art naturali tal-madwar kif ukoll fis-sema.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-Gvern s-sena l-oħra f'pagi u benefiċċji oħra għall-eks ħaddiema tat-Tarzna u li llum qed jaħmlu mal-IPSL? Kemm hemm ħaddiema llum, xi grad għandhom u x'xogħol qed jagħmlu u fejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li:-
(i) matul is-sena 2006 il-Gvern ħallas is-somma ta’ Lm2,890,973 f’pagi u l-ammont ta’ Lm22,468 f’benefiċċji oħra.
Apparti dan intefqet is-somma ta’ Lm10,065 bħala “Service Bonus” lil dawk il-ħaddiema tat-Tarzna li għalqu “l-61 sena u rtiraw mix-xogħol skond il-“Collective Agreement” li għandhom.
(ii) in-numru ta’ eks ħaddiema tat-Tarzna fi ħdan l-IPSL illum huwa ta’ 455. Dawn il-ħaddiema żammew il-grad li kellhom mat-Tarzna u dawn qed iwettqu dmirijiet kemm jista’ jkun komparabbli mal-grad tagħhom skond l-esiġenzi tal-post tax-xogħol fejn huma sekondati.
(iii) l-eks ħaddiema tat-Tarzna preżentament huma sekondati skond il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li s-sistema tad-drenaġġ tal-Blokk F2 Housing Estate Ta' Xbiex jiġi rranġat u jew mibdul billi r-residenti qed ikollhom problemi kbar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li rriżulta li l-problema hija fil-house connection tal-blokk ta' appartamenti u mhux fil-mejn tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.