Legislature:
Category:
Reset
Active:

Universita' ta' Malta — Boroż ta' studju

Question

Peress li ta' kull sena, l-Universita' ta' Malta tagħti numru ta' boroż ta' studju (scholarships) lill-impjegati tagħha, kemm fi gradi akkademiċi kif ukoll dawk mhux akkademiċi, bil-għan li dawn ikomplu jitħarrġu u jtejbu l-kwalifiki tagħhom fuq il-post tax-xogħol u peress li l-Universita' hija ffinanzjata mill-fondi ta' l-istat, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, kemm kien hemm impjegati ta' l-Universita' ta' Malta li applikaw u kemm ibbenefikaw minn din l-iskema? Jista' jagħti l-ispiża annwali ta' kull individwu, il-kriterji ta' l-għażla u tagħrif ieħor ġenerali fuq l-istudji u l-grad/post tax-xogħol ta' l-applikanti? Għaldaqstant, jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007 skond dawn id-dettalji li ġejjin? 1. X'inhuwa n-numru ta' applikanti (maskili u femminili) għall-boroż ta' studju maħruġa mill-iStaff Development & Scholarships Committee tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta' l-Universita' ta' Malta għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 2. X'inhu n-numru ta' applikanti magħżula u minn liema Dipartiment u/jew Istitut u/jew Fakulta' dawn kienu ġejjin għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 3. X'kienu ċ-ċertifikati, diploma jew degrees universitarji li ġew miksuba fi tmiem il-kors jew riċerka ta' kull applikant magħżul/a għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007? 4. X'kienu l-perijodi tal-korsijiet jew riċerka, u jekk l-istudju kienx fuq bażi full-time jew part-time għal dan l-istess perijodu? 5. Liema huma l-istituzzjonijiet (universita', kulleġġ, eċċ) fejn sar jew qed isir l-istudju? 6. Kemm mill-impjegati rnexxielhom jiggradwaw u kemm irriżenjaw matul dan il-perijodu? 7. X'kienet u/jew x'inhi l-ispiża annwali ta' kull kors (safar, tuition fees, eċċ) 8. X'kienu u x'inhuma l-kriterji li fuqhom issir l-għażla ta' l-applikanti għal dawn il-korsijiet, studju u/jew riċerka?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li x-xogħol meħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jieħu ħafna żmien, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Xogħol ta' tattooist

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex persuna tkun tista' tagħmel xogħol ta' tattooist tinħtieġx xi permessi partikolari mid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi dan ix-xogħol huwa kkontrollat permezz ta' Kap 270 (Att dwar il-Kontroll tat-Tattoo) li tistipola illi biex persuna tippratika bħala tattooist irid ikollha liċenzja maħruġa mill-Ministru tas-Saħħa.

Xogħol ta' tattooist — Permessi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk biex persuna tagħmel xogħol ta' tatooist tinħtieġx xi permessi tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tattoo tal-ġilda huwa rregolat b'Kapitolu 270 tal-Liġijiet ta' Malta. Liċenzji taħt dan l-att jinħarġu mill-Ministru responsabbli għas-saħħa pubblika u mhux meħtieġ xi permess mill-pulizija.
Leg 10 PQ #26290 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Nadur — Triq Tiġrija

Question

Tista' l-Ministru tara li l-bankina fi Triq Tiġrija Nadur senjatament il-parti tan-naħa ta' l-iskola isirulha x-xogħlijiet meħtieġa peress li fiha ħafna toqob u hija ta' periklu u inkonvenjent għat-tfal li jattendu l-iskola?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma jirriżultax li l-bankina indikata fiha ħafna toqob li huma ta periklu jew inkonvenjent għat-tfal li jattendu l-iskola.
Leg 10 PQ #26291 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-artisti/performers barranin li pparteċipaw fin-Notte Gozitana ġewx ingaġġati permezz ta' kuntratt jew le?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-parteċipanti barranin fin-Notte Gozitana kienu l-Isbandieratori Ducati Caetani minn Sirmoneta li nġiebu direttament mill-Kumitat Organizattiv ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana mingħajr ebda kuntratt formali peress li dawn ma tħallsux tal-wirjiet tagħhom. L-Isbandieratori ingħataw biss il-passaġġi ta’ l-ajru li kienu ssussidjati mill-Air Malta u l-akkomodazzjoni u l-ikliet. Il-parteċipanti l-oħra kienu t-Tenori li taw kunċert fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex u li kienu ingaġġati permezz ta’ kuntratt ma’ Stardom Promotions – l-aġenti tat-Tenori f’Malta.
Leg 10 PQ #26292 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana — Direct orders

Question

Tista' l-Ministru telenka t-tenders u d-direct ordersmaħruġa in konnessjoni man-Notte Gozitana u tindika min ħa t-tender/direct order relattiv u l-ammont involut?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija skond it-tabellla li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kanra. Inżid ukoll li dawn huma biss l-ispejjez li saru min-naħa tal-Ministeru tiegħi, peress li l-ativita' kienet imtellgħa flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu.
Leg 10 PQ #26293 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana — Spejjeż

Question

Tista' l-Ministru telenka l-ispejjeż kollha relatati man-Notte Gozitana?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Inżid ukoll li dawn huma biss l-ispejjes li saru minn naħa tal-Ministeru tiegħi, peress li l-attivita kienet imtellgħa flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu.
Leg 10 PQ #26294 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kunċert

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern weħilx xi panali kuntrattwali jew tilifx xi depożitu jew ammont ieħor minħabba l-fatt li ġie kkanċellat il-kunċert ta' Bobby Solo?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Fir-rigward tal-kunċert ta’ Bobby Solo, il-Gvern ma’ seta’ weħel ebda penali għaliex ma kellu x’jaqsam xejn ma’ l-organizazzjoni ta’ dan il-kunċert. Il-kunċert ta’ Bobby Solo kien kollu kemm hu organizzat minn kumpanija privata fuq inizjattiva privata.

Ikel lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26264 fir-rigward ta' l-ikel li jaqa' taħt sostenn mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jekk l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi ghall-provvista ta' l-ikel mill-Unjoni Ewropea għal dawk l-aktar fil-bżonn (mhux għall-anzjani biss) nixtieq ninfurmah li l-Gvern Malti għadu jipparteċipa minn din il-miżura anki fil-programm tas-sena kurrenti 2007.

Passaporti ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jsemmi liema huma l-parametri biometriċi li sejrin jitniżżlu fil-passaporti ġodda? Xi protezzjoni se jkollu ċ-ċittadin li dawn il-parametri biometriċi ma jiġux abbużati minn xi awtorita' u tintilef il-protezzjoni mogħija mid-Data Protection Act

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tħejjijiet għad-dħul tal-parametri biometriċi fil-passaport għadhom għaddejjin u qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ma tintilef xejn mill-protezzjoni mogħtija taħt id-Data Protection Act.

Kaxxa u insib — Kundizzjonijiet

Question

Billi hemm naqra taħwid f'moħħ ċerti nies fuq il-kundizzjonijiet tal-kaċċa, jista' l-Ministru jelenka x'inhuma l-kundizzjonijiet għall-kaċċa u l-insib għal żmien il-ħarifa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fi żmien il-ħarifa il-kaċċa se tkun tista’ ssir fuq l-ispeċi mniżżlin fl-iskeda II ta’ l-Avviż Legali 79 ta’ l-2006 kif emendat bl-Avviż Legali 39 ta’ l-2007. Id-dati ta’ dan l-istaġun għandhom jiġu rrakkomandati mill-Kumitat Ornis lill-Ministru u d-deċiżjoni aħħarija tkun tal-Ministru. Rigward l-insib, fil-ħarifa li jmiss se jinfetaħ l-istaġun ta’ l-insib fuq is-seba’ speċi ta’ għasafar ta’ l-għana skond it-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Malta. Bħal kull sena, se jinfetaħ ukoll l-insib fuq dawn l-erba’ speċi ta’ għasafar: il-gamiema, s-summiena, il-malvizz u l-pluviera. Il-Kumitat Ornis għandu jirrakkomanda lill-Ministru d-dati ta’ meta l-istaġun ta’ l-insib fil-ħarifa għandu jinfetaħ kemm għall-għasafar ta’ l-għana kif ukoll għall-erba’ speċi l-oħra. Dwar l-infurzar tal-liġijiet, il-Gvern se jkompli jiżgura ruħu li kemm il-kaċċaturi kif ukoll in-nassaba jkomplu jsegwu ir-regolamenti u l-Gvern m’hu se jittollera l-ebda abbużi jew ksur tal-liġijiet tal-kaċċa.

Cruiseliners

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'garanzija se tingħata l-kumpannija Taljana tal-cruiseliners li meta l-vapuri tagħha jidħlu fil-Port il-Kbir f'Ġunju u Lulju 2007 jkunu jistgħu jitrakkaw mad-deep water quay bla problemi bla ma jsibu containers jimblukkaw il-moll?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dejjem ittieħdu l-passi neċessarji sabiex jiġi assigurat li kull vapur tal-passiġġieri, u mhux biss dawk Taljani, ikollu moll adekwat fejn isorġi. L-Awtorita’ Marittima dejjem rat li kull meta jintrabat bastiment tal-passiġġieri mad-DWQ ikun żgurat li jittieħdu l-prekawzzjonijiet kollha meħtieġa għas-sigurta` tal-bastiment u tal-passiġġieri. Infurmat ukoll li l-Awtorita` Marittima qedgħa fil-fażi li tistabilixxi pjani sabiex tiżdied il-kapaċita’ tad-Deep Water Quay u b'hekk ikunu jistgħu isorġu vapuri tal-passiġġieri akbar u li ta' spiss iżuru l-Port il-Kbir. Dan flimkien ma’ studji u pjani oħra sabiex jiżdiedu n-numru ta' mollijiet, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, sabiex inkunu nistgħu nkabbru din l-industrija tant importanti għal pajjizna.
Leg 10 PQ #26299 Sitting 530 2007-05-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Balluta — Proġett tar-ramla

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 26268, peress li jiena ma staqsejtx f'liema stadju waslu l-preparazzjonijiet ta' dan il-proġett (Bajja tal-Balluta) imma meta huwa mistenni li jinbeda u jitlesta, jista' l-Ministru jwieġeb dik il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi f'dan l-istadju mhemmx dati previsti rigward dak li qed isaqsi l-Onor Interpellant.

Immigranti illegali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25870 u jgħid kemm huwa l-ammont totali mill-armata li tħallas għall-immigranti illegali fl-aħħar 10 snin sena b'sena? Kemm qed jiswa lill-gvern kull immigrant fid-detention centres?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nefqa kull sena li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu fuq l-immigranti rregolari tul dawn l-aħħar seba’ snin minn mindu bdew jinżammu fil-barracks ta’ l-Armata, kienet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. In-nefqa fuq kull immigrant irregolari hija medja ta’ Lm13 kuljum. Din in-nefqa ġiet ikkalkulata fuq is-sena bażi 2006 li hija l-aktar sena riċenti li wieħed jista’ jikkalkula bħala sena sħiħa ta’ spejjeż mill-Forzi Armati fuq l-immigranti rregolari.

Appartament tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsijiet parlamentari 25684, 24763 u 25209 u tgħid jekk post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex battal jew x'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dan l-istadju m’għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25684 f’Seduta Numru 526.

Air Malta — Inġiniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25970 u 25016 u jgħid fuq liema kriterji l-Air Malta għażlet li tingaġġa inġinier barrani fl-istess taqsima fejn telqu inġiniera Maltin bi skemi ta' early retirement? Tagħmel sens li l-ewwel tinkoraġixxi lin-nies jitilqu biex imbagħad tpoġġi ħaddiem barrani minflokhom?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ma' ngaġġat l-ebda inġinier barrani. Jiena nfurmat li minn żmien għal żmien l-Air Malta ikollha bżonn is-servizzi ta' inġiniera temporanji li minħabba n-nuqqas tagħhom fis-suq lokali, dawn ikollhom jinġiebu minn kumpaniji barranin.

Income Tax fuq manteniment

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-artikolu 12(1)(t) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jeżenta mit-taxxa kull assistenza finanzjarja, kif stabbilita mill-Qrati ta’ Malta jew kif miftiehem b’att pubbliku ta’ separazzjoni personali taħt l-awtorità tal-Qrati ta’ Malta, riċevuta minn xi individwu mingħand il-konjuġi relattiv mifrud jew mifruda għar-rigward tal-manteniment ta’ xi wild.

Sptar Mater Dei — Sistemi ta' l-IT

Question

Jista' l-Prim Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tas-sistemi ta' l-IT ta' Mater Dei li kienu oriġinarjament koperti mit-tender li ġie miżmum wara allegazzjonijiet ta' abbużi u ħruġ ta' tagħrif kunfidenzjali? Tista' tikkonferma jekk il-hardware huwiex issa qed jinxtara b'direct order u jekk iva mingħand min u b'liema prezz? X'inhi l-pożizzjoni fir-rigward tax-xiri tas-software għall-istess għan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Tnaqqis mill-pensjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jara għaliex anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed inaqqsulu Lm78 fix-xahar mill-pensjoni tat-teżor? Jista' jiġi nfurmat għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Artiġjanat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex konxju li s-sistema preżenti tippermetti li prodotti tal-filugranu u tal-fidda manifatturati barra minn Malta jingħataw boll lokalment u jinbiegħu daqs li kieku huma prodotti lokali? X'jista' jagħmel il-gvern biex ineħħi dan ir-riskju ta' kompetizzjoni inġusta kontra l-artiġjanat lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-boll li l-Konslu jistampa fuq oġġetti prezzjużi m’huwiex ċertifikat jew indikazzjoni ta’ oriġini iżda biss garanzija ta’ l-istandard tal-metall prezzjuż ta’ l-oġġett tad-deheb jew tal-fidda. Għaldaqstant kemm xogħol Ewropew li jaqa’ taħt kummerċ ħieles kif ukoll xogħol ta’ oriġini extra-komunitarju hu ntitolat għal dan il-boll. Il-kwistjoni ta’ riskju ta’ kompetizzjoni nġusta hi kwistjoni purament kummerċjali.