Jista' l-Prim Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Ġustizzja u Intern — Karozzi environmentally friendly
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fond li jinsab fil-Mosta, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat jew le? Xi jrid isir biex tinħareġ id-derequisition?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant kien ġie derekwiżizzjonat fit-23 ta' April 2003.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li jinsab fil-Mosta, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament hux rekwiżizzjonat jew le? Xi jrid isir biex tinħareġ id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar liema postijiet huma rekwiżizzjonati kif ukoll il-proċess meħtieġ biex issir 'derequisition' huma responsabbilita' tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25476 u jgħid min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu mar-Roads Department li għamlu jew qed jagħmlu xogħol ta' toroq għas-snin 2005, 2006, 2007? Kemm tħallsu u kemm jonqos jitħallsu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru tara għaliex anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qed ikollu dħul ta' Lm150 fix-xahar peress li qed joħdulu mid-dħul tiegħu minħabba li għandu l-mara fir-Residenza San Vincenz de Paule u li dan anke mhux qed jieħu l-voucher dwar id-dawl u l-ilma? Jista' jiġi nvestigat dan il-każ u jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali qed jerġa jinvestiġa l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant wara li kien kitbilha fis-17 ta’ Mejju 2007.
.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru testijiet bil-breathalyser mill-1 ta' Jannar 2007 sal-15 ta' Mejju 2007? Kemm irriżultaw pożittivi? Kemm mis-sewwieqa kienu taħt il-21 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Mejju 2007, kien hemm 56 sewwieqa ta' vetturi, 5 minnhom taħt il-21 sena, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn, 38 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 18 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Dawn is-56 testijiet ma jinkludux il-ħafna testijiet preliminari li kienu negattivi u li ma tinżammx statistika dwarhom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25749, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li nfurmaw lill-Bord li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija fl-ewwel erba' xhur tas-sena? Kemm saru korsijiet fl-istess żmien u kemm kien hemm studenti f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn is-sitt skejjel li jgħallmu l-Ingliz bħala lingwa barranija, fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2007, infurmaw li saru korsijiet tat-TEFL għall-għalliema prospettivi: Bell International (Malta) Centre; European Centre (Malta); EF International School of English; Inlingua School of Languages; Institute of English Language Studies u Skylark - Mediterrenean School of English. Saru sitt korsijiet li fihom kien hemm 167 student.
Informat ukoll li b'kollox bejn l-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' April 2007, 167 student attendew għal dawn is-sitt korsijiet.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 25744 u 24803 u jagħti dettalji dwar l-assenteiżmu fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi primarji u sekondarji? Jista' jagħti wkoll informazzjoni f'liema skejjel kien hemm persentaġġ għoli ta' assenteiżmu? X'passi konkreti qed jittieħdu fil-konfront ta' studenti li qed ikunu assenti b'mod regolari?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25745 u 24672 u jgħid min huwa responsabbli minn din it-triq imsemmija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ewwel parti cioe’ Triq l-Isqof Buhagiar hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali filwaqt li l-parti ta’ ġewwa hija responsabilita’ tal-Malta Industrial Parks.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' f'kull Adult Training Centre separatament? Kemm hemm applikazzjonijiet ta' persuni mill-iskejjel speċjali sabiex persuni b'diżabilita' jibdew jattendu f'xi wieħed minn dawn iċ-ċentri? Kemm hemm ukoll applikazzjonijiet li ġejjin minn persuni b'diżabilita' li joqogħdu d-dar u allura ma jattendu fl-ebda skola speċjali? Kemm hemm postijiet fl-ATC's għall-persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll n-numru ta’ applikazzjonijiet biex jattendu ċ-Ċentri minn persuni fi skejjel speċjali u minn persuni li ma jattendu ebda skola hu 25 u 54 rispettivament.
Preżentement hemm 3 postijiet vakanti fiċ-Ċentri li mistennija jiġu mimlija f’qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-programm li kien sar fuq il-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel sekondarji li għalihom kien hemm fondi ġejjin mill-ERDF? Jista' jgħid ukoll jekk tlestiex l-audit tal-laboratorji f'Diċembru 2006 u Jannar 2007? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programm tal-fondi Ewropej 2007-2013 li jista' jkopri l-laboratorji għad iridu jsiru s-sottomessjonijiet tal-proposti la darba toħroġ is-sejħa. Bi preparazzjoni għat-tfassil tal-proġett imsemmi sar Gap Analyse mid-Dipartiment tal-Kurrikulu, liema eżerċizzju hu intern.
Jista' l-Ministru jara li abbuż li qed isir fit-tuck shop ta' l-iskola Sir Adrian Dingli f"Pembroke ma jibqax isir fejn jinbiġħu prodotti skaduti u anke qed titneħħa l-expiry date minn fuqhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-Tuck Shop imsemmi saret spezzjoni mill-amministrazzjoni ta' l-iskola. Kien hemm prodott wieħed biss li ma kellux data fuqu u dan ġie mneħħi minnufih.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25849 u jgħid x'persentaġġ ta' EU Funding utilizzat Malta s'issa minn dak li ġie allokat lilha? Kif jipparaguna ma' l-uptake tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea li ssieħbu magħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25849.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-isptar Mater Dei dan l-aħħar xtraw għadd kbir ta' computer PCs? Jekk iva, kemm inxtraw? X'kien it-total tal-valur tagħhom? Mingħand min inxtraw? Inxtrawx b'direct orderu/jew inħarġitx xi tender għalihom? X'inhu l-iskop li ser ikunu qegħdin iservu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma x-xiri ta’ dawn il-PC’s liema
computer
kienu parti mit-
tender
ta’ l-apparat mediku li kienet ġiet mogħtija lil Inso SpA.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25646 dwar Triq Mons Gerald Frendo, jista' l-Ministru jgħid jekk in vista tat-tagħrif li ta jfissirx li minħabba l-iżvilupp privat ir-residenti humiex se jibqgħu jbatu l-konsegwenzi tat-twaqqif tax-xogħol in kwestjoni għal perjodu in definit? Jista' jgħid jekk għallinqas, jistax jitkompla x-xogħol fuq il-bankini li huma diġa' ffurmati permezz tal-kurduna ta' barra u tista' għallinqas titwitta t-triq u titlesta fil-maġġor parti tagħha fejn l-iżvilupp in kwestjoni ma jaffettwax, biex il-problema li llum teżisti u li qed tolqot lil kulħadd, tittaffa'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntlaħaq ftehim ma' terzi persuni li għandhom żvilupp privat f'din it-triq biex ilestu xogħlijiet neċessarji ta' ħajt ta' lqugħ ta' triq kemm jista' jkun malajr. B'hekk it-triq tkun tista' titlesta fi ftit ġimgħat oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin mwielda barra minn Malta minn ġenituri Maltin u li ġew imġiegħla jneħħu ċ-ċittadinanza barranija minħabba ċirkostanzi tagħhom qabel il-liġi tas-sena 2000 dwar iċ-ċittadinanza doppja?
Kemm minnhom huma mill-Istati Uniti, Kanada, Awstralja, Ingilterra u pajjiżi oħra?
X'qed jagħmel jew x'jista' jagħmel il-gvern Malti biex dawk li kienu mġiegħla jiċħdu d-drittijiet ta' art twelidhom minħabba ċirkostanzi tagħhom, jgħinhom jerġgħu jiksbu d-drittijiet ta' art twelidhom bl-għajnuna ta' l-ambaxxaturi Maltin jew Konsli mill-pajjiżi rispettivi tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ebda Gvern Malti ma “ġiegħel” lil xi persuni mwielda barra minn Malta biex ineħħu ċ-ċittadinanza tal-pajjiżi fejn twieldu.
F’dan ir-rigward infakkar lill-Onor. Interpellant li meta Malta saret Stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, kienet għażlet li żżomm ċittadinanza waħda għaċ-ċittadini Maltin. Għalhekk dawk il-persuni li kienu twieldu barra minn Malta, li kellhom żewġ ċittadinanzi u li xtaqu jibqgħu Malta u jgawdu benefiċċji mogħtija mill-Istat Malti liċ-ċittadini Maltin, kellhom jagħżlu ċ-ċittadinanza Maltija. Kif taf tajjeb l-Onor. Interpellant il-Gvern, kemm fis-sena 1989, u kemm fis-sena 2000, għamel ħafna tibdil fil-liġi taċ-ċittadinanza sabiex ċittadini Maltin ikollhom żewġ ċittadinanzi u l-problemi li semmiet setgħu jiġu megħluba.
Dwar dak li qed titlob l-Onor. Interpellanti ninsab infurmat li ma teżistix statistika dwar din l-informazzjoni, għalkemm in-numru konċernat huwa ta’ xi ftit eluf.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha, ninforma lill-Onor. Interpellanti li dan m’huwiex il-kompitu tal-Gvern Malti. Fejn, iżda, il-Gvern Malti ġie mitlub xi għajnuna simili minn għaqdiet ta’ Maltin f’dawn il-pajjiżi, kemm ukoll f’Malta, sa fejn kien possibbli, din l-għajnuna ngħatat, u bid-dovuta kawtela saru sottomissjonijiet lill-Gvernijiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-46,000 testijiet li saru għal verifika dwar il-marda ta' l-AIDS, bejn is-sena 2000 u 2007 nstabu pożittivi għal virus ta' l-HIV?
Jista' jagħti sena b'sena, mis-sena 2000 sa 2007, kemm-il test sar kull sena u kemm instabu minn dawn it-test pożittiv għall-virus ta' l-HIV?
Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni kurrenti, i.e. kemm persuni qed jiġu nfettati kull sena u x'inhuwa t-total ta' dawk il-pazjenti li llum qed isofru mill-marda ta' l-HIV jew l-AIDS?
Response (DEGUARA, LOUIS)
nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' AIDS u HIV bejn l-2000 u April 2007 huwa kif ġej
SENA
AIDS
HIV
2000
3
-
2001
1
-
2002
4
-
2003
4
-
2004
2
15
2005
3
16
2006
6
23
2007 (sa 30 ta' April 2007)
-
8