Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kulleġġi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-koordinatur rispettiv tagħhom? Jista' jgħid ukoll kull kulleġġ x'riżorsi għandhom bħal ngħidu aħna counsellors, social workers, youth workers, psikologi etc? X'riżorsi oħra hemm speċjalment fl-uffiċċju tal-koordinatur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn 10 Kulleġġi, f’din it-tieni fażi ta’ proġett pilota hemm 7 li qegħdin jiffunzjonaw. Lista tal-Kulleġġi kif huma maqsumin u min huwa/hija l-kooridinatur rispettiv tagħhom ser titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra. L-evoluzzjoni ta’ skejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi qed isir mingħajr skossi u l-karatteristiċi u r-riżorsi qed jiġu ntroddotti b’galbu u għaqal li jagħmel il-ġid lill-istudent mingħajr ma jiddisturba r-ritmu sod ta’ l-iskola. F’dan il-mument is-servizz psiko-soċjali għadhom ċentralizzati. ‘L quddiem hemm il-ħsieb li kull Kulleġġ ikollu tim multidixxiplinarju biex nagħqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Kulleġġi. Kull Koordinatur għandu appoġġ klerikali u qegħdin ukoll nimplimentaw fuq proġett pilota r-rwol ta’ Precincts Officer. Fix-xhur li ġejjin se joħorgu l-applikazzjonijiet għall-Principali, College Administrators u College Precincts Officers u diversi rwoli oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti, inklużi youth workers.

Xogħol ta' tattooist

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex persuna tagħmel xogħol ta' tattooist tenħtieġx xi permessi mid-Dipartiment tal-Kummerċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond l-iskeda 6 tar-Regolamenti tal-Liċenzji tal-Kummerċ A.L. 1 ta' 2006, Tattoists ma jiġux liċenzjati mid-Direttorat tas-Servizzi tal-Kummerċ iżda mid-Dipartiment tas-Sanita', għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-għalliema mhux jibbenefikaw mill-iskemi ta' family friendly work practices bħal impjegati oħra fis-servizz pubbliku? Jista' jgħid għaliex l-għalliema fis-servizz pubbliku ma jistgħux jibbenefikaw mis-sistema ta' reduced hours minħabba l-familja? Jista' jgħid jekk hux ippjanat li din is-sistema u/jew sistemi oħra jiġux aċċessibbli għall-għalliema fis-servizz pubbliku bħal impjegati oħra fis-servizz?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema jgawdu minn diversi family friendly work practices bħal leave marbut ma’ maternita’ jew paternita’, leave għat-twelid, leave f’każ ta’ żwieg jew mewt, u waqfa mill-karriera. Uffiċjali fil-grad ta’ għalliem jistgħu jidħlu jaħdmu sa l-aħħar ta’ Frar jew fil-bidu tas-sena skolastika f’Settembru, anke jekk ma jkunux ħadu t-tnax-il xahar kollu tal-leave għall-ġenituri. Il-bqija tal-leave jintilef biex il-lezzjonijiet ma jiġux sfrattati. Rigward is-sistema ta’ sigħat imnaqqsa wieħed irid josserva li l-għalliema diġa’għandhom ġimgha ta’ kuntatt ma’ l-istudenti fl-iskejjel ta’ 27.5 siegħa (u waqt in-nofs ta’ nhari anke anqas minn hekk) u vaganzi fissi matul is-sena fil-Milied, l-Għid u s-Sajf. Minħabba li fl-edukazzjoni l-interess primarju hu dak tat-tfal u l-istudenti, u minħabba li ħinijiet diġa` limitati li semmejt aktar ‘l fuq kif marbut max-xogħol partikolari ta’ l-għalliema, ikun diffiċli li ġimgħa li diġa’ għandha anqas sigħat ta’ kuntatt dirett tkompli titnaqqas. Fil-livell ta’ kindergarten u primarju l-għalliema mistnenija jgħallmu l-istess klassi għal matul il-ġimgħa kollha. Fil-livell sekondarju s-sistema differenti. Tnaqqis ta’ sigħat ta’ xogħol (tagħlim) fil-livell sekondarju, jekk ma jkunx ippjanat għal matul is-sena skolastika kollha, joħloq problemi serji fit-tagħlim ta’ l-istudenti.

Marsa Sports Ground

Question

Jaf il-Ministru li l-unika spazju li huwa konvenjenti biex familji li jġibu lil uliedhom b'diżabilita' ġewwa l-Marsa Sports Ground biex jagħmlu l-horse ridingfejn jipparkjaw ilu xhur twal jimtela' bl-imbarazz u l-ħmieġ? Jaf li minkejja d-diversi rapporti li saru biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf ma tnaddaf qatt, anzi fl-aħħar ġimgħa kompliet tingħalaq l-entratura bir-rimi ta' skart ta' kostruzzjoni? Għaldaqstant, jista' l-Ministru jassigura li jsir it-tindif meħtieġ ta' dan l-ispazju li tant huwa meħtieġ għall-ipparkjar minn dawn il-familji li għandhom tfal u żgħażagħ b'diżabilita' u jara li jittieħdu azzjonijiet biex ikun hemm deterrent effettiv kontra min qiegħed jagħmel dan il-post miżbla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport ħa passi neċessarji biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf kif meħtieġ.

Dħul ta' l-Ewro

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi u/jew x'se tkun is-sistema għal dawk il-Maltin li għandhom flus imġemmgħin id-dar u li issa jridu jaqilbuhom għall-Ewro? B'liema mod se jkunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Diċembru 2007, kull ċittadin se jkun jista’ jieħu l-flus imġemmgħin id-dar għand wieħed mill-banek kummerċjali. Il-banek kummerċjali, skond id-dispożizzjonijiet indikati fit-tielet aġġornament tal-Master Plan maħruġ mill-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro, se jibdew isarfu minn din id-data mil-Lira Maltija għall-ewro mingħajr ma jimponu ebda charges addizzjonali. Madankollu, għal matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan is-servizz se jkun jiddependi mid-disponsibilità ta’ flus kontanti ta’ l-ewro min-naħa tal-bank. Minn Jannar 2008 sa Marzu 2008, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jsarfu għand il-bank kummerċjali tagħhom, mingħajr limiti, u mingħajr spejjeż il-karti u l-muniti fil-Lira Maltija. L-unika ħtieġa hi li jinfurmaw lill-bank tagħhom jumejn qabel jekk ikunu fi ħsiebhom isarrfu aktar minn Lm250. Madankollu, bank għandu d-dritt li jimponi limitu ta’ Lm250, meta min ikun qed iwettaq dik it-transazzjoni ma jkunx klijent ta’ dak il-bank. Wara dawn it-tliet xhur, kulħadd se jkollu ċans isarraf il-muniti u l-karti tal-Lira Maltija f’ewro fil-Bank Ċentrali għal sentejn u għaxar snin rispettivament. Naturalment, dawn il-flus jistgħu jiġu depożitati minn issa f’kontijiet denominati fil-Lira Maltija jew f’investimenti oħra li eventwalment se jiġu mibdula f’ewro mingħajr ebda spejjeż. Dawn it-transazzjonijiet dejjem ikunu suxxettibbli għall-liġijiet attwalment fis-seħħ dwar il-ħasil ta’ flus.

St Lucia/Raħal Ġdid — Traffiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fejn ir-roundabout ta' Santa Lucija li tagħti għal Raħal Ġdid għad-daħla tal-Ġudja u ħruġ minn Santa Lucija jkun hemm warden jew pulizija jikkontrolla t-traffiku l-aktar bejn 7.00 a.m u 8.30 a.m. peress li f'dan il-ħin ikun diffiċli li toħroġ minn Santa Lucija? Jista' jgħid kemm saru inċidenti tat-traffiku f'dawn l-inħawi fis-sena 2004, 2005, 2006 u 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi roundabout minnha nnfisha hija sistema sabiex it-traffiku li jisporgi minn diversi toroq ikun jista' jimxi aħjar. Ir-roundabout imsemmija mill-Onorevoli Interpellant fiha mhux anqas minn sitt toroq li jisporgu ġo fiha, għaldaqstant wieħed jistenna illi fil-ħinijiet tar-rush hour ikun hemm xi ftit tal-konġestjoni. Pero' ninsab infurmat illi matul dawk il-ħinijiet ikun hemm pulizija tat-traffiku jagħmlu ronda fit-toroq prinċipali, sabiex fejn ikun hemm bżonn jikkontrollaw it-traffiku. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kif mitluba ċioe' inċidenti mar-roundabout ta' Sta. Luċija. Pero' skond statistika miżmuma l-inċidenti tat-traffiku rrapurtati lill-Pulizija li seħħew fit-toroq prinċipali li jmissu ma' din ir-roundabout, kienu kif ġej: 2004 2005 2006 2007* 30 26 20 10 *sat-30.04.07 Għal dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, dawn huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Ċimiterju — Tfiegħ ta' materjal

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kontroll peress li qiegħed jintefa' materjal minn numru ta' trakkijiet fiċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata min-naħa ta' wara ta' Luqa Rd? Jista' jsir xi rimedju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart u materjal ieħor li joħroġ miċ-ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata bħala riżultat ta' tindif ġenerali taċ-ċimiterju u ta' l-oqbra, kif ukoll minn xogħolijiet oħra fl-istess ċimiterju jiġu depożitati fi skips approvati u mikrija apposta għall-ġar u rimi ta' skart. Xi materjal li jista' jkun qed jintefa fin-naħa ta' wara, mal-konfini taċ-ċimiterju (jiġifieri lejn Luqa Road), qed jintefa b'mod illegali u għalhekk huwa suġġett għall-infurzar tal-liġi.

SVPR — Air conditioner

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir air conditioner fis-sala 7/8 ta' l-irġiel San Vincenz de Paule peress li l-anzjani qed ibatu minn sħana kbira?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li bħalisa qed isiru l-proċeduri biex tiġi nstallata sistema ġdida ta' arja kundizzjonata fis-Sala 7/8 ta' l-Irġiel fir-residenza San Vinċenz de Paul. Id-dokumenti kollha qegħdin id-Dipartiment tal-Kuntratti biex tiġi ppublikata t-tender.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25740 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim (kuntratt) li sar bejn il-gvern u l-privat (Care Malta) għall-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tac-CD bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Skejjel primarji — Studenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm tfal f'kull klassi fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhux il-kaz li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Għalliema

Question

B'referenza għal-mistoqsija parlamentari 25963, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji f'Malta u f'Għawdex skola skola? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra din l-informazzjoni? Jista' jgħid ukoll jekk id-Diviżjoni għandhiex informazzjoni dwar kemm hemm għalliema u dan skond is-suġġett li qed jgħallmu? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi din fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mument — Rapport

Question

Billi l-Ministru ġie rrapportat mill-ġurnal "Il-Mument" li qal li s-sistema ta' l-e-procurement tpoġġi lill-gvern fi żvantaġġ meta jkun qed jixtri l-I.T., jista' jelabora dwar dan billi jgħid il-gvern jew il-MITTS kemm kellhom rapporti dwar każi ta' nuqqasijiet fil-provvisti ta' computer supplies mixtrija permezz ta' din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-MITTS Ltd, tħaddem l-e-procurement system għad-dipartimenti u l-Ministeri tal-Gvern. Kemm il-darba kien hemm ilmenti mill-uffiċjali għoljin tal-Gvern li fix-xiri tal-computers ikun hemm ħsarat u li ma kienux jilħqu l-specs mitluba. Bejn Ottubru 2006 u Frar 2007 għamlet 'sample quality assurance test ' ta' 38 computers li nxtraw mill-e-procurement, li minn dawn 25 computer, jew 66% ma kienux 'compliant' għal ħaġa jew oħra.

Forzi Armati — Membri li jgħalqu l-55 sena

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx jekk dawk il-membri tal-Forzi Armati li jagħlqu l-55 sena qed jintbagħtu jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC u qed jintqal lilhom li mhux se jkun possibbli li jinstabilhom xogħol full time, iżda xogħol part-time? Ma jidhirlux li dawk li jifilħu jaħdmu u jixtiequ jaħdmu għandhom jingħataw xogħol full time? Ma jidhirlux li għal persuni ta' 55 sena qed ikun diffiċli li jinstab ix-xogħol għalihom? Ma jidhirlux li fiċ-ċirkostanzi dawn il-membri tal-Forzi Armati għandhom jingħatalhom xogħol fl-armata li jkun addattat għalihom skond iċ-ċirkostanzi u dan sabiex ma tintilifx l-esperjenza u s-snajja li dawn għandhom? Jista' jgħid kif fiċ-ċirkostanzi li dawn il-membri ma jinstabilhomx xogħol, se jkunu effettwati fir-rigward tal-pensjoni kontributorja tagħhom ma' l-għeluq taż-żmien biex jirtiraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Hoarding tal-Ġobon u z-Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Tfal jittellgħu l-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sa llum ittellgħu b'kollox 48 tfal (taħt is-16-il sena) quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta. Minn dawn, 10 tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) flimkien ma' persuni maġġorenni fejn 9 każi kienu dwar serq u każ minnhom kien dwar falsifikazzjoni ta' dokumenti. Fil-Qorti tal-Minorenni ttellgħu 38 u ċioe`:- Pussess ta' droga 1 Ksur ta' buon ordni, ġlied u theddid 24 Tlajjar għal prostituzzjoni 2 Ħsara f'vettura u ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 1 Ta' dettalji foloz 1 Serq 6 Użu ta' telecom ħażin 1 Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2 L-informazzjoni dwar Għawdex hija s-segwenti:- Sewqan ta' karozzi mingħajr liċenzja u ħbit 1 Ġlied u ksur tal-paċi pubblika 3

Gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-petitions boardtaċ-ċitazzjonijiet maħruġa mill-gwardjani lokali sa issa? Kemm minn dawn ġew milqugħa? Fejn saru l-allegati kontravvenzjonijiet? X'tip ta' kontravvenzjonijiet allegatament kienu? Kemm-il persuna li ħadet il-maħfra ħaditha aktar minn darba u kemm-il darba? Minn liema lokalitajiet kienu dawn il-persuni?

Response (BORG, TONIO)

Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Bord tal-Petizzjonijiet f'Jannar 2006 sat-28 ta' Mejju 2007 daħlu 12,278 petizzjoni. Minn dawn ġew ipproċessati 7,289, li minnhom 4,464 (61.2%) ġew milqugħa jew għal kollox jew in parti. Peress li biex tinġabar l-istatistika għall-mistoqsijiet l-oħra tal-Onor. Interpellant dan jinvolvi aktar ħin, tingħata risposta f'xi seduta oħra.

Sussidji lit-tarzna

Question

Fl-eventwalita' li wara li jispiċċaw is-sussidji lit-tarzna din ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux, jew hux qed ifassal, pjan għall-futur ta' dawn il-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħidli x'inhuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant hija waħda ipotetika. L-uniku pjan tal-Gvern hu dak maqbul mall-Management, il-Union u l-Unjoni Ewropeja li t-tarzna tnaqqas it-telf u ma jkolliex bżonn ta’ aktar sussidji wara l-aħħar tal-2008. L-enerġija ta’ kull min huwa nvolut għandha tkun iffukata fuq dak il-pjan u dak il-pjan biss. Wara li jispiċċaw is-sussidji, u f’eventwalita’ li t-tarzna ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, il-Gvern ma jkunx jista’ jkompli jissusidja lit-tarzna.