Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

MITI — Karozzi environmental friendly

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma nxtrawx karozzi tat-tip li qed jirreferi għalihom.

OPM — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu ntitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nies li huma ntitolati għal użu tal-Gazzetti ta’ kuljum huma dawk fil-gradi ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, Segretarji Permanenti, Direttur Ġenerali, Diretturi u uffiċjali oħra li minħabba l-bżonn u n-natura tax-xogħol tagħhom jirrekjedu li jagħmlu użu mill-gazzetti. In-nefqa għall-gazzetti għas-sena 2006 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet ta’ Lm11,965.

Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tara jekk il-persuna mill-Isla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tistax tibbenefika mill-inizjattiva care and repair għaliex għandha kemm l-opramorta kif ukoll il-gallerija jinsabu fi stat ta' periklu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għandha xi applikazzjoni pendenti biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Għalhekk il-persuna konċernata għandha tingħata parir li tivverifika mat-Taqsima tal-Customer Care ta' l-Awtorita' biex tara jekk tistax tibbenefika mill-imsemmija inizjattiva.

Bormla — Parti komuni f'binja

Question

Tista' l-Ministru tara li l-ispezzjoni fil-parti komuni tal-binja f'Bormla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li s-sitwazzjoni tat-tromba tat-taraġ hu allegat li ma tinsabx f'sitwazzjoni tajba? Meta se ssir l-ispezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-ispezzjoni li saret tat-tromba tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant irrizulta li ma hemm edba hsara ta' natura strutturali. Ix-xoghol mehtieg hu ta' manutenzjoni fuq skala zghira li jikkonsisti f'kisi u tibjid.

Water Services Corporation — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-familja mill-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, sarilha appuntament mill-Water Services Corporation u l-ħaddiema ma marrux? Jista' jara li jsirilha appuntament ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma marru jagħmlu l-ispezzjoni għand il-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant fis-7 ta' Mejju 2007. Instab leak fil-flushing li wara ġie rranġat. Il-file issa ser jintbgħat lil Advisory Board tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-konsiderazzjoni ta' l-istess Board dwar possibilita' ta' reviżjoni.

Bormla — Pjazza Santa Margerita

Question

Jista' l-Ministru jara li ttittieħed azzjoni biex il-periklu li jidher fir-ritratti, li qed nibgħat separatament, fil-ħajt li jinsab Pjazza Santa Margerita f'Bormla, jitneħħa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi ttieħdet azzjoni u tpoġġew barriers u hu ppjanat illi l-parti perikoluża tiġi rranġata fil-futur qarib sabiex jitneħħa kompletament l-allegat periklu.

Bormla — Skola tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser jieħu l-ministeru tiegħu biex il-pastazata li tidher fir-ritratt li qed jintbagħat separatament ta' quddiem skola tal-Gvern f'Bormla, titneħħa x-xibka, ir-railings jinżebgħu għaż-żmenijiet tal-lum u jsir ix-xogħol neċessarju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din ix-xibka saret sabiex ma jitpoġġiex boroz taz-zibel kif kien qiegħed jiġri regolarment u li m'hemm l-ebda intenzjoni li din titneħħa peress li din hija ħadra pariġġ iz-zebgħa tar-railings.

Bormla — Santa Margerita

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni f'Santa Margerita, Bormla, ħalli l-bozoz li ilhom hemm sa mis-sena 2000, jibdew jinxtegħlu għall-konvenjenza tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istreet lighting imsemmija, jaqgħu taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali. Biex jinxtegħlu dawn il-bozoz, il-Kunsill għandu jagħmel applikazzjoni formali (Applikazzjoni A) bħal kwalunkwe każ simili. Dan il-fatt ġie kkomunikat kemm il-darba lill-Kunsill.

Studenti — Visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif qed titħaddem l-visa għall-istudenti u jekk hemmx xi problemi f'dan is-sens? Kemm ingħataw visas ta' l-istudenti minn meta daħlet fis-seħħ din il-visa sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

L-istudenti li japplikaw għal visa għal Malta sabiex jiġu jistudjaw qed jingħataw visa valida sakemm idum il-kors li jkunu qed isegwu. Huma qed jiġu mgħarrfa li għandhom jirraportaw l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Immigrazzjoni kull tlett xhur. Ma jirriżultaliex li hemm xi problemi fis-sistema tal-ħruġ ta' din il-visa. Ninsab infurmat illi minn meta bdiet din is-sistema sal-15 ta' Mejju 2007 inħarġu 864 visa għall-istudenti. Nirreferi wkoll għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 24468 u Nru 25951.

FTS — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel se jsiru u/jew qed isiru xogħlijiet matul dan is-sajf mill-FTS? X'tip ta' xogħol qed isir f'kull skola skond il-każ u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol fl-iskejjel hu kontinwu u jsir skond il-bzonn fir-rispett tar-regolamenti finanzjarji.

APS Bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-iskema ta' self ma' l-APS Bank mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum kemm flus tħallsu lura lill-istess bank? Kemm huwa l-ammont li ġie konvertit f'loan? Kemm ġew meħuda flus s'issa mill-istess ftehim sabiex jintużaw għal xogħlijiet meħtieġa fl-iskejjel minn meta dan il-ftehim daħal għall-ewwel darba s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-2006 l-hawn tħallsu Lm1,055,129.84 f‘loan repayments’. Fl-2007 l-ammont li ġie konvertit f’loan kien ta’ Lm2,502,606.00. Mill bidu ta’ l-‘agreement’ ma l-APS b’kollox ġew ikkonvertiti Lm10,198,647.00 f’loans. Kien hemm ukoll bilanċ ta’ Lm605,579.33 fl-‘overdraft’ sal-31/03/07.

Zabbar — Isem ta' triq ġdida

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24364 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura dwar isem ta' triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Haz-Zabbar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi isem għat-triq ġdida fi Triq Ħadd in-Nies jew fi Triq Villa Abate ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fit-23 ta' Marzu, 2007 permezz ta' Avviż Nru. 276 f'paġna 3268. Din it-triq issemmiet kif ġej: Triq Dun Ġwann Debono Qassis Qalbieni tat-Tieni Gwerra 1912 - 1971

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25023 li saret oriġinarjament lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslu l-konsiderazzjonijiet tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-Att dwar l-Isports Kapitolu 455 l-għotja ta' proprjeta' lill-Assoċjazzjonijiet Sportivi taqa' fir-responsabbilita' tal-Kunsill Malti għall-Isport, liema Kunsill qiegħed jiġi avżat li l-post fejn l-istess għaqda trid tibni l-premises tagħha huwa proprjeta' tal-Gvern.

Tneħħija ta' surcharge

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25761 dwar it-tneħħija tas-surcharge jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hux għaddejjin bi proposti ta' policy jew miżuri f'dan is-sens?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għal PQ 25761.

Data Protection

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk Malta ingħaqditx ma' pajjiżi oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea fejn diversi data protection chiefs għamlu rappreżentazzjonijiet mas-search engine company ta' l-internet google fejn talbuhom jiġġustifikaw il-policy tagħhom ta' data retention dwar internet addresses u search habits individwali għall-massimu ta' sentejn li ħafna jqisu li jmorru kontra l-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea dwar ħażna ta' data li tikkonċerna internet users?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Article 29 Data Protection Working Party, li l-Kummissarju għall-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data ta’ Malta jagħmel parti minnu, qed jieħu passi dwar il-kwistjoni li ntalbet f’din il-mistoqsija fir-rigward tal-privacy policy tas-search engine company ta’ l-Internet, Google, dwar il-perjodu ta’ żamma tas-server logs. Il-perjodu ta’ żamma indikat minn Google, ta’ bejn 18 u 24 xahar, hu meqjus mill-membri kollha tal-Working Party bħala li jmur oltre il-qafas legali tad-Direttiva dwar il-Privatezza tad-Data. Għaldaqstant dan il-Working Party awtoriżża liċ-chairman sabiex jikteb lill-Google, u dan sar b’ittra datata 16 ta’ Mejju 2007. Ġie mitlub li r-risposta ta’ Google tingħata sa l-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju sabiex tali risposta tkun tista tiġi diskussa f’aktar dettall minn dan il-Working Party fil-laqgħa li jmiss tad-19 ta’ Ġunju 2007.

Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni sa mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri ta' din il-Kummissjoni sa mill-bidu tas-sena 2006 sal-lum kienu l-Imħallef Albert Manche', il-Kurunell John Harison (Irt.) B.E.M. u l-Avukat Raymond Zammit LL.D.
Leg 10 PQ #26422 Sitting 534 2007-06-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xagħra l-Ħamra — Korsa tal-Golf

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-EIA parzjali li ħejjiet l-MTA dwar il-proposta oriġinali tal-Prim Ministru Gonzi biex issir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra? Qabel ma l-Prim Ministru ħabbar dan is-sit prospettiv xi sentejn ilu l-MTA kienet ġiet ikkonsultata dwar din l-għażla? F'dak l-istadju l-MTA kienet taqbel mal-proposta li saret mill-Prim Ministru biex tinbena golf course fix-Xagħra l-Ħamra? Meta ġie kkummissjonat l-EIA min-naħa tagħkom? Minn min sar? Sar fuq inizjattiva tal-Ministru jew fuq struzzjonijiet tal-Kabinett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub mill-Onor. interpellant. Hekk kif l-Awtorita' tat-Turiżmu ġiet mitluba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex tinvestiga is-sit tax-Xagħra l- Ħamra, qabdet numru ta' konsulenti sabiex tkun f'pożizzjoni tagħti l-parir mitlub. Kif jixhed dan ir-rapport, saret evalwazzjoni profonda u dettaljata ta' l-impatt kemm pożittiv u negattiv ta' dan il-proġett. L-Awtorita' tat-Turiżmu ikkummissjonat l-EIA fil-15 ta' Settembru. Il-koordinament u l-preparamenti saru minn ADI Associates.

Sussidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament m'għadhiex tieħu s-sussidju fuq is-surcharge tad-dawl u ilma kif kienet tieħu qabel meta ma kienx hemm bidla fid-dħul tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Talba għal Għajnuna Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jinvestiga l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandu wġiegħ kbir f'dahru, ma jistax jaħdem u ma jistax jirreġistra, biex tinħariġlu għajnuna soċjali biex ikun jista' jgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.