Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ? Tweġiba : Ninsab infurmat li d-distribuzzjoni ssir fuq il-kriterji li ġejjin. Min jikkwalifika l-ewwel ikun irid jiġbor formola apposta mill-uffiċċju distrettwali ta’ l-għajnuna soċjali. - Persuni li m’għandhomx possibbiltà li jmantnu lilhom infushom jew/u li qegħdin taħt livell ta’ għixien bażiku - Persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet mhux-governattivi bħal orfanatrofji, kenn ta’ emerġenza, eċċ - Persuni li jirċievu għajnuna ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorja inkluża dik ta’ qagħad, diżabiltà u benefiċji mediċi Fi ftit kliem ir-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 3149/92 jitkellem dwar provvista ta' ikel “lil min hu l-aktar fil-bżonn”. Il-kriterji ġew stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-għaqdiet volontarji bħala linji gwida għall-kappillani u għall-għaqdiet tal-karità. Fil-fatt it-tqassim ta' l-ikel isir mill-parroċċi u mill-għaqdiet tal-karità, fosthom il-Moviment Azzjoni Soċjali, YMCA u ARKA.

Taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jaf il-Prim Ministru li t-taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta ġejja minn wirt fuq nisa miżżewġin u li ma jaħdmux qed tkun indirizzata lill-irġiel tagħhom? Ma jidhirlux li din il-proċedura hija waħda diskriminatorja a bażi ta' sess? Ma jidhirlux li din il-proċedura m'hijiex konformi mal-prinċipju tal-liġi, fis-sens li proprjeta' li ġejja minn wirt hija meqjusa bħala parafernali u mhux parti mill-komunjoni ta' l-akkwisti u għaldaqstant, il-parti l-oħra fiż-żwieġ m'għandhiex għalfejn tkun involuta anke mil-lat ta' taxxa? X'se jsir min-naħa tad-dipartiment biex din il-proċedura tinbidel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi taħt il-liġi ta’ l-Income Tax, koppja miżżewġa li jgħixu flimkien huma meqjusa bħala taxpayer wieħed u jiġu ntaxxati flimkien fuq return waħda. Kull dħul li jkollhom, kemm jekk flimkien jew individawlment, huwa ntaxxat fuq dik ir-return. Il-koppja għandha d-dritt li tagħżel min minnhom jitqies bħala l-konjuġi responsabbli għall-finijiet tat-taxxa, u għalhekk ma hemm ebda diskriminazzjoni.

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25766, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni u fatti konkreti dwar kif il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ qed titwettaq f'kull ħidma tal-gvern fid-diversi oqsma?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inzid mat-tweġiba oroġinali.

Wied il-Għajn — Triq il-Buttuniera

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25769 dwar Triq il-Buttuniera ġewwa Wied il-Għajn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 25769.

Football nurseries — Korruzzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux qed jinvestiga dak li qed jiġi allegat fil-gazzetta The Sunday Independent bid-data 27 ta' Mejju li hemm korruzzjoni sħiħa fil-football nurseries inkluż ħlas ta' somma flus lill- coaches biex players żgħażagħ jilgħabu fit-team, issir vjolenza fiżika u anke xiri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li billi l-artikolu msemmi fih diversi assunzjonijiet ġeneriċi, il-Pulizija ma hijiex f'pożizzjoni li tibda investigazzjoni fuq dak li hemm.

Kummissarju tat-tfal — Football nurseries

Question

Tista' l-Ministru titlob lill-Kummissarju tat-Tfal biex tinvestiga dak li ġie allegat dwar każijiet serji ta' abbuż fiżiku u morali fuq it-tfal fil-Football Nurseries kif rrappurtat fis-Sunday Independent tas-27 ta' Mejju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Kummissarju għat-Tfal biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li rrefera għalihom fil-Mistoqsija.

Coaches mpjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-isport jista' jinvestiga dak li The Sunday Independent tal-Ħadd, 27 ta' Mejju, allegat dwar abbużi fuq it-tfal fil-football nurseries? Jista' jgħid kemm hemm coaches f'dawn in-nurseries li b'xi mod huma mpjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma għandiex informazzjoni dwar għalliema li huma wkoll coaches ta' football nurseries. Pero' tlabt li d-Diviżjoni taħdem mal-Kunsill Malti għall-Sport dwar l-allegazzjoni msemmija.

Gnien Qaddafi

Question

Billi f'mistoqsija parlamentari 6516 il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Ministru responsabbli mill-agrikoltura u sajd għamel talba għall-assistenza biex jiġi stabbilit ġnien klassiku Għarbi, possibilment fi Ġnien Qaddafi, f'Raħal Ġdid, kif ser jiġi effettwat dan il-proġett mill-estenzjoni ta' l-MCAST li ħabbar il-Prim Ministru il-bieraħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bank Ċentrali — Consultants

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Bank Ċentrali ta' Malta kemm ħallas lil kumpannija ta' consultants li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, għall-istudju li sar dwar job descriptions u l-ikkategorizzar tagħhom? Kemm minnu ġie mplimentat? X'kienet ir-raġuni li żewġ uffiċjali tal-Bank allegatament marru għand din il-kumpannija ta' consultantsqabel ma r-rapport ġie sottomess lill-Bank innifsu? L-impjegati tal-Bank ser ikollhom aċċess għal dik il-parti tar-rapport li tikkonċerna l-career development tagħhom fuq bażi dipartimentali? Xi kriterji sejrin jibdew jiġu applikati meta jkun hemm vacancy li timtela minn ġewwa jew minn barra? Billi l-unions kienu ġew mwiegħeda kopja ta' dan ir-rapport fil-bidu tal-proċess, jista' jgħid jekk minn meta tlesta r-rapport għaddewx kopja lilhom? Il-Bank Ċentrali għandu 3 year strategic plan kif għandhom banek ċentrali oħrajn fl-Unjoni Ewropea? Il-Bank għandu xi pjan ta' retraining għall-impjegati tiegħu? X'inhuma l-kriterji li fuqhom qed jiġu offruti early ritirement plans lil ċerti impjegati? Il-Bank minn fejn qed jixtri l-biljetti tal-ajru konness ma' safar ta' diriġenti tal-Bank? Kien hemm xi tibdil wara li spiċċa minn ministru tal-finanzi l-Onor. John Dalli? Jista' jikkonferma li d-Deputat Gvernatur qed jkun involut fl-interviewing panels kollha inklużi anke xogħol sekondarju bħal Cash Handling Trainees? Billi hemm diriġenti tal-Bank li għandhom aċċess għall-użu tal-karozzi tal-Bank jista' jgħid jekk dawn il-company cars jistgħux jintużaw wkoll minn membri tal-familji tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Bank Ċentrali, l-konsulenza u x-xogħol li sar fuq job evaluation bħala parti minn eżerċizzju ta’ ristrutturar tar-riżorsi umani tal-Bank li wassal għal benchmarking tal-jobs fil-livelli kollha sewa Lm35,800. Il-konsulenti ġew magħżula minħabba li huma rinomati internazzjonalment f’dan il-qasam, b’esperjenza twila u database mibnija fuq verifiki simili li saru f’numru ta’ banek Ċentrali oħrajn. Bħala parti mill-eżerċizzju il-Bank intalab mill-konsulenti biex waqt it-tħejjija tar-rapport issir verifika minn uffiċjali tal-Bank biex jiżguraw li fehmu sew l-istruttura tal-Bank u t-tqassim tax-xogħol (reality check). Il-konsulenti ikkonkludew li l-istruttura tal-Bank u l-livelli tal-jobs kienu korretti. Għalkemm id-dettalji tar-rapport u l-metodoloġija użata huma għodda għall-użu esklussiv tal-management tal-Bank, ir-riżultati b’mod ġenerali ġew imfissra u spjegati mill-konsulenti u mill-Bank lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Il-proċess ta’ job evaluation skond il-metodoloġija użata mill-konsulenti qiegħed jintuża mill-Bank kull meta jkun hemm sejħa għal mili ta’ vakanzi, jew għal benchmarking ta’ jobs ġodda, li jinħarġu minn żmien għal żmien. Ir-riżultati tal-konsulenza ma għandhom l’ebda sehem dirett fil-career development. Fuq il-livell personali ta’ l-impjegat, il-career development jiġi trattat mill-uffiċju tar-riżorsi umani, u fuq il-livell tal-Bank bħala istituzzjoni jiġi trattat matul l-istrategic workshop organizzat għall-impjegati kollha kull sena. F’dan il-workshop kull impjegat ikollu l-opportunità li jiddiskuti l-miri tax-xogħol (targets) għas-sena sussegwenti u jkun jista’ jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ strateġija biex jintlaħqu l-għanijiet futuri tal-Bank. L-artikolu 42 tal-ftehim kollettiv tal-Bank jelenka il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema għall-waqfien mix-xogħol volontarju. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-Bank fuq inizzjattiva tiegħu jista’ jagħmel offerta lil impjegat biex jispiċċa mill-impjieg qabel l-età ta’ l-irtirar. Offerti bħal dawn saru mill-Bank konformi ma’ dan l-artikolu. Il-proċeduri għall-akkwist ta’ prodotti u servizzi huma dokumentati fil-policies and procedures. Taħt dawn ir-regoli il-Bank perjodikament joħroġ sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ l-ivjaġġar. Bħalissa l-Bank jinqeda għand żewġ kumpaniji ta’ l-ivjaġġar. L-aħħar talba għall-offerti saret sentejn ilu. Il-Bank jikkonferma li normalment d-deputat gvernatur jippresjedi s-selection panels. Karozzi wżati minn uffiċjali għolja tal-Bank huma klassifikati bħala cars for personal use taħt l-income tax fringe benefits u għaldaqstant dawn l-uffiċjali jħallsu t-taxxi dovuti skond ir-regoli maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Hoarding tal-Ġobon u z-Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26338 u jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement għaddej eżerċizzju biex jiġu identifikati dawk l-operaturi li xtraw ammonti straordinarji ta’ ġobon immedjatament qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li dan l-eżerċizju jitlesta dalwaqt minħabba li jinvolvi ġbir ta’ informazzjoni minn numru ta’ dipartimenti biex jiġu identifikati l-importaturi kkonċernati u l-kwantitajiet ta’ prodotti li importaw tul is-snin qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Għar-rigward taz-zokkor, nixtieq niċċara li din il-kwistjoni hija kompletament differenti għax l-importazzjoni taz-zokkor hija regolata minn skema ta’ għajnuna statali. Ninsab infurmat ukoll li z-zokkor li kien importat ma kienx esportat lejn xi Stat Membru ieħor, imma kien jew użat fis-suq lokali jew maħdum fi prodotti oħrajn li kienu esportati lejn pajjiżi terzi.

Ibraġġ — Għalqa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26387 u cioe' : Għandi rapporti li fi Triq is-Siegħ, l-Ibraġġ hemm għalqa li tinfed għal Triq il-Miżieb li qed tintuża bħala rubbish dump u li minkejja li skond il-mapep tal-MEPA hija pproġettata li trid issir Triq il-Wejba, għandha bini fuq art li n-nies ingħataw x'tifhem li hi art tal-gvern. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hiex se ssir din it-triq kif indikat fil-website tal-MEPA? U jekk iva, jista' jikkonferma wkoll jekk xi bini mbarrat li hemm fl-inħawi ħdejn Triq il-Miżieb li jinfed għal Triq is-Siegħ inbeniex bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Forzi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26366 u jgħid mill-1 ta' Jannar sal-20 ta' Mejju, 2007 kemm ħarġu sejħiet għall-offerti mill-Armata? Kemm tefgħu l-offerti, x'kienet kull offerta u min kienu f'kull każ? Min rebaħ dawn l-offerti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Gzira — Sliema Road

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir zebra crossing oħra fi Sliema Road, Gzira faċċata ta' Luqa Briffa Street, Gzira billi hemmhekk hemm l-akbar konċentrament ta' ħwienet u twassal biex ħafna nies speċjalment anzjani jkollhom jaqsmu f'dik il-parti tat-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li hemm pelican crossing fi Sliema Road li hi mija u sbatax (117) metru bogħod minn kantuniera ma’ Triq Briffa. Għaldaqstant iż-zebra crossing proposta mill-Onorevoli Interpellant tiġi viċin wisq ta’ tali pelican crossing eżistenti. Hemm ukoll traffic lights junction kantuniera ma’ Triq D’Argens li huma tlieta u sittin (63) metru bogħod minn kantuniera ma’ Triq Luqa Briffa. Għaldaqstant, pedestrian crossing kantuniera ma’ Triq Luqa Briffa tkun viċin wisq tat- traffic lights bil-konsegwenza l- capacity ta’ tali traffic light junction tista’ tkun kompromessa.

Anzjan — Reviżjoni tal-każ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26023, jista' l-Ministru jirrevedi l-każ peress li dan is-sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għalkemm għandu dħul ta' Lm3452 bejn il-koppja peress li l-mara tiegħu tinsab f'San Vincenz de Paule Residence u allura parti minn din il-pensjoni tmur għall-miżata tagħha f'San Vincenz de Paule Residence u d-dħul reali tiegħu mhux qed ikun ta' Lm3,452 imma anqas? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Tarzna — Ħaddiema Barranin

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26390 u 25877 u jgħid: Kemm ħaddiema barranin ħadmu fit-Tarzna fl-2005 u 2006? Kemm kienu bħala esperti u kemm bħala ħaddiema? X'kien l-ammont li tħallas lil dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema fit-Tarzna li għandhom bejn 17-19-il sena, bejn 20-30 sena, bejn 41-50 sena u 'l fuq minn 50 sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sinemet — 110

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-mediċina Sinemet - 110 li hi tant importanti għal dawk il-pazjenti li għandhom bżonnha m'għadhiex tingħata mill-isptar u lanqas ma tinstab għall-bejgħ fl-ispiżeriji?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Sinemet - 110 għadha tingħata mill-isptar.

Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jipprovdi facilitators lil dawk l-istudenti li għandhom dan il-bżonn anke wara li jispiċċaw il-Form V u jibqgħu jattendu xi skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti statemented li jispiċċaw il-Form V u jibqgħu jattendu istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni xorta waħda jibqgħu jingħataw is-servizz ta' facilitator jekk ikun għad għandhom il-bzonn ta' dan is-servizz. Kull każ ta' studenti bi bżonnijiet partikolari ta' tagħlim li jridu jsegwu korsijiet post-sekondarji, vokazzjonali u terzjarji jiġi konsidrat fuq il-merti tiegħu fil-qafas tar-regoli ta' l-istituzzjonijiet edukattivi konċernati.

San Pawl tat-Tarġa — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li t-triq prinċipali li tagħti minn San Pawl tat-Tarġa l/o Naxxar għal Santa Margerita, Mosta partikolarment il-parti li tgħaddi fuq il-barriera, tiddawwal għax bil-lejl ikun hemm nuqqas kbir ta' dawl li qiegħed joħloq inkonvenjent kbir lis-sewwieqa u lil dawk kollha li jużaw din it-triq għall-mixi u jogging?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-provista ta' l-istreetlighting f'din it-triq hija r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali u mhux tal-Korporazzjoni Enemalta.

Door numbering

Question

Jista' l-Ministru jara li d-door numbering unit jivverifika l-indirizz, li qed jintbagħat separatament, peress li jeżisti l-istess indirizz fl-istess triq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi wara site inspection li saret irriżulta illi fit-triq imsemmija hemm żewġt idjar bin-numru indikat. Fil-granet li ġejjin ser jintbagħtu in-nies tad-Door Numbering Unit biex isir l-eżerċizzju tat-triq imsemmija.