Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Master plan

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-master plan ta' l-MCAST u jispjega kif ser isir ix-xogħol? Meta huwa maħsub li jinbeda dan ix-xogħol u meta ser jispiċċa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx fondi mill-Unjoni Ewropea u jekk iva kemm? Jista' jgħid x'ser jiġri mill-Junior Lyceum ta' San Gużepp u fejn ser jiġu trasferiti l-istudenti u l-għalliema ta' l-istess liċeo?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 26521, Seduta 534.
Leg 10 PQ #26495 Sitting 536 2007-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Chief Executive Officer

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhuma l-working hours tac-CEO tal-MTA? Jista' jikkonferma jekk dawn humiex jiġu osservati rigorozament? Jista' jqiegħed il-kuntratt tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra? Kemm hemm verita' f'rapporti li huwa allegatament ġieli jgħid li kultant jagħmel xogħlu mid-dar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Naħseb li wara li l-persuna indikata irriżenjat mill- kariga li kienet tokkupa mal-MTA, m'hemmx aktar skop li tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija.
Leg 10 PQ #26496 Sitting 536 2007-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Notte Gozitana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ikkontribwixxa finanzjarjament l-ministeru tiegħu għan-Notte Gozitana ta' Lejliet Lapsi? Il-ministeru kemm irnexxielu jġib sponsorships biex jilqa' għall-uħud minn dawn l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kkontribwixxa Lm49,259.23. Il-Ministeri rnexxielhom jġibu Lm25,300 biex jilqgħu għall-uħud mill-ispejjez finanzjarji.
Leg 10 PQ #26497 Sitting 536 2007-06-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ikkontribwixxa finanzjarjament l-ministeru tagħha għan-Notte Gozitana ta' Lejliet Lapsi? Il-ministeru kemm irnexxielu jġib sponsorships biex jilqa' għall-uħud minn dawn l-ispejjeż?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Ministeru għal Għawdex ikkontribwixxa s-somma ta' Lm25,123.21 għan-Notte Gozitana ta' Lejliet Lapsi. Il-Ministru għal Għawdex u l-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura rnexxielhom iġibu bejniethom Lm25,300 fi sponsorships biex jilqgħu għal uħud minn dawn l-ispejjeż.

Channel 22 — Programm ta' l-IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa u x'inhuwa l-isponsorship tal-ministeru tiegħu għall-programm dwar l-IT fuq Channel 22? X'editorial control jew input għandu l-ministeru tiegħu f'dan il-programm, direttament jew indirettament?

Response (GATT, AUSTIN)

Hu preżunt li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal ICTv li jidher fuq TVM u fuq Channel 22.Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ma jħallas ebda flus u ma jagħmel ebda għotja t’ebda xorta bħala sponsorship għal dan il-programm. Persuni tekniċi impjegati fit-taqsimiet rilevanti tal-Ministeru tiegħi jagħtu kontribut għar-riċerka involuta fit-tħejjija ta’ dan il-programm. Il-Ministeru m’għandux kontroll editorjali fuq x’jixxandar f’dan il-programm.”

Msida — Misraħ il-Barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet f'Misraħ il-Barrieri, l-Msida? Meta mistennija jintemmu? X'miżuri preventivi qegħdin jittieħdu dwar il-fatt li b'konsegwenza ta' dan tfaċċaw konsenturi f'diversi residenzi? Jista' jikkonferma jekk humiex sejrin isiru arranġamenti mal-ministeru konċernat biex meta jitlesta x-xogħol it-triq tiġi asfaltata kif xieraq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema xogħolijiet qed jirreferi.

Awtorita' tax-Xandir — Kliem dispreġjattiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkordina ma' l-Awtorita' tax-Xandir sabiex fuq l-istazzjon tar-radju li jxandar fuq il-frekwenza 106.6 il-mużika meta ma jixxandrux is-seduti parlamentari, ma jkomplix juża kliem dispreġjattiv bħal "talking lot of rubbish" meta dan l-istazzjon jirreferi għal dak li jingħad minn DJs ta' stazzjonijiet tar-radju lokali oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 26534, jien ninsab infurmat illi wara ntervent mill-Awtorità tax-Xandir ma’ PBS Ltd ħadet il-passi meħtieġa biex tirtira l-jingle li fiha kliema li jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant u għalhekk din il-jingle mhux qed tixxandar aktar.

Cycle Lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li parti mis-cycle lane fi triq taż-Zebbiegħ tinstab fit-triq u parti oħra hi fuq il-bankina bil-konsegwenza li l-bdiewa ma jistgħux jipparkjaw il-vetturi tagħhom ħdejn l-għelieqi tagħhom għax dawn il-vetturi jispiċċaw fuq ic-cycle lane?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq li mill-Mosta twassal għaż-Żebbiegħ, liema triq kienet rikostruwita bħalha parti mill-proġett tal-ħames Protokoll Taljan, kienet iddiżinjata għall-żewġ karreġġjati u bankina li tikkwalifika bħalha combined pedestrian/cycle lane. Spazju għall-ipparkjar ta’ vetturi ma kienx integrat fid-diżinn minħabba li dawn jistgħu jkunu ta’ detriment għas-sigurta tas-sewwieqa li jkunu qed isuqu fi triq arterjali. Ta' min jirrimarka li ħafna mill-bdiewa għandhom rampa għal l-għalqa tagħhom li tista’ faċilment tintuża biex il-bdiewa jipparkjaw il-vetturi tagħhom.

Personal Files

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25640 jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-personal file tal-persuna konċernata intilifx eżattament wara li seħħ il-każ ta' dixxiplina bil-konsegwenza li l-ittra msemmija f'mistoqsija parlamentari 25207 twarrbet minn dan il-file? X'sar sabiex din il-problema tiġi ndirizzata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-ittra li qiegħed jirreferi għaliha tinsab fil-file relevanti. M'hemmx aktar x'inżid mar-risposti diġa mgħotija f'PQs 25207 u 25640.

Gambling

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26485 u 26357 u jgħid jekk minħabba l-fatt li gambling fil-forom varji tiegħu qed jikber f'pajjiżna, hux il-ħsieb tal-gvern li jirregolah b'mod aktar komprensiv? Jidhirlu l-Gvern li għandha ssir distinzjoni ċara legali bejn slot machines u amusements machines u l-użu tagħhom, u dan l-aktar fid-dawl tal-fatt li l-vizju tal-logħob qed jikber fost il-minorenni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Kuntratt tal-computers

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26474 u 26363 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk il-kuntratt ta' l-Integrated Health System (tal-computers) li kien tħassar minħabba allegat abbuż, hux se jkun ngħata mingħajr ħruġ ta' offerti? Jekk iva, kif ser tiġi assigurata t-trasparenza u l-kontabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti approva x-xiri ta’ l-Integrated Health Information System permezz ta’ proċedura negozjata skond ir-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi. Konsulent tekniku internazzjonali issottometta lil Gvern lista ta’ kumpaniji li potenzjalment setgħu jipprovdu din is-sistema. Dawn il-kumpaniji ġew mistiedna jitfgħu l-offerta tagħhom fid-Dipartiment tal-Kuntratti. Il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti se jiftaħ l-offerti u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-kuntratt. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat se jkunu ppubblikati fid-Dipartiment tal-Kuntratti u kull min iħossu aggravat minn xi deċiżjoni se jkollu d-dritt ta’ l-appell kif tipprovdi l-liġi.

Airmalta — Loaders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza fil-paga u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati bħala loaders ma' l-Air Malta u ta' dawk fl-istess xogħol li huma impjegati tal-kumpannija privata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Air Malta ma' għandha ebda nformazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpaniji li jkunu ħadu xi kuntratt mingħandha.

Korp tal-Pulizija — Ex-membri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reinstated fil-Korp tal-Pulizija ex-membri tal-korp li kienu preċedentament instabu ħatja ta' reati kriminali mill-perijodu 1988 sal-31 ta' Mejju 2007? Jista' jagħti rendikont dettaljat ta' x'kienu r-reati kriminali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata, u jirrikjedi aktar ħin sabiex jinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Kuntratti għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kuntratti għal xogħol f'toroq residenzjali li ngħataw xi xhur ilu tlestew sal-lum, inkluż l-isem tal-kuntrattur u l-lokalita' fejn sar ix-xogħol? Kemm kien stmat li kellu jiġi jiswa x-xogħol u kemm fil-fatt ġie jiswa wara li tlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba qeghda tingabar u t-twegiba tinghata f'xi seduta ohra.

Apparat domestiku — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta l-Ministeru tal-Finanzi se jibda jagħti r-refunds tal-ħlas fuq xiri ta' apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija hekk kif kien imwiegħed fil-budget 2007 wara li diversi familji applikaw għal dan ir-refund?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Drivers ta' l-ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux applikazzjonijiet għal xogħol ġdid ta' drivers ta' l-ambulanzi? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk dawn inħarġux għal ħaddiema diġa mal-Gvern jew għal persuni minn barra ukoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma harġet l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Ambulance Driver mad-Diviżjoni tas-Saħħa.

Vaganza lill-iskejjel

Question

Minħabba li l-Ministru għoġbu jagħti t-Tnejn 4 ta' Ġunju 2007 vaganza lill-iskejjel kollha u allura mhux se jkun hemm ħaddiema fl-iskejjel, jista' jgħid jekk l-iskrivani part-time hux se jibbenefikaw ukoll minn dan billi jitħallsu ta' din l-istess ġurnata minħabba li mhux possibbli għalihom li jattendu l-iskola għax m'hu se jkun hemm ħadd? Jista' jara li ma ssir l-ebda diskriminazzjoni ma' ħadd f'dan ir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-vaganza ma kienetx waħda pubblika, ġew applikati l-kriterji li jgħoddu għall-vaganzi ta' l-iskejjel.

Kummissjoni Dwar l-Impjiegi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri fil-Kummissjoni Dwar l-Impjiegi nominati mill-Prim Ministru u mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni mill-bidu tagħha sal-lum separatament għal kull Kummissjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi minn meta ġiet iffurmata għall-ewwel darba fl-1 ta’ Settembru 1979 ’l hawn.