Tista' l-Ministru tgħid x'aġġornar ser isir biex il-fond 25, Triq Pietro Floriani, Furjana jkun ta' standard biex ikun jista' jintuża bħala uffiċini tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 26499 f’din l-istess Seduta.
Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern — Pagi tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li bosta ministeri u dipartimenti tal-gvern ma ngħatawx flus biżżejjed biex ikopru l-pagi tal-ħaddiema? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull talba fejn jidħlu l-pagi ta' kull ministeru u dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fil-bidu ta’ kull sena jkollu pprovduti l-fondi neċessarji għall-impjegati tiegħu kollha.
Il-policy tal-Gvern hi li, ħlief fejn hu indispensabbli, ma jżidx in-numru globali fi ħdan is-Servizz Ċivili. Għal dan il-għan, twaqqaf, twaqqaf ir-Recruitment and Redoployment Advisory Group fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi biex l-esiġenzi tas-Servizz jiġu moqdija b’mod li jingħata l-aħjar valur tal-fondi wżati. B’hekk, matul is-sena, mhux talli mpjegati li m’humiex bżonjużi f’post, jiġu trasferiti f’post ieħor, iżda wkoll impjegati li jirtiraw jiġu sostitiwiti b’oħrajn fi gradi differenti fl-istess post jew f’post differenti.
Min-naħa tiegħu, il-Vot tat-Teżor, bħala Vot Ċentrali, jinkludi l-fondi neċessarji għal dawn l-eventwalitajiet.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' ċirkulari li ntbagħtet lill-iskejjel dwar talbiet minn membri parlamentari speċjalment fejn jidħlu preżentazzjonijiet? Jista' jgħid ukoll din iċ-ċirkulari sa liema livell edukattiv trid tiġi applikata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa ma nħarġet l-ebda ċirkulari. Iżda qed tiġi abbozzata policy biex f'dan l-istadju Membri Parlamentari u Membri Kandidati għall-elezzjoni ta' membri fil-Kamra tad-Deputati u f'Kunsilli Lokali ma jibqgħux jiġu mistiedna għal preżentazzjonijiet f'attivitajiet edukattivi fl-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi dwar il-ġrieden li hemm fi triq fit-tarf tal-Misraħ il-Barrieri, Msida li tagħti għal Santa Venera minħabba li hemm għalqa abbandunata li spiss tintuża bħala rubbish dump u li allegatament hija tal-Gvern? Din l-għalqa tinsab qrib l-appartamenti Birds u r-residenza Snowy.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-1 ta' Ġunju 2007, dan l-ilment ġie investigat minn uffiċjal tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fil-post indikat.
Irriżulta li hemm farmhouse abbandunata ħdejn l-appartamenti 'Birds'. Ġie nnotat ukoll akkumulu ta' żibel, kif ukoll evidenza ta' ġrieden.
Sid il-post indikat għadu mhux magħruf iżda qed isiru investigazzjonijiet neċessarji sabiex dan jinstab. Sar magħruf min kien li tefa ż-żibel f'dan il-post u ser tittieħed azzjoni legali kontra tiegħu.
Ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan dan id-Dipartiment għamlu trattament intensiv fl-akkwati msemmija fl-1 ta' Ġunju 2007. Din iż-żona ser tinżamm taħt osservazzjoni minn din is-sezzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'studji saru dwar l-impatt li l-miżuri ġodda kellhom fuq host families li jżommu studenti barranin, kif ukoll jekk il-Gvern huwiex jikkonsidra li jintroduċi inċentivi ġodda għal dawn il-familji billi bosta familji qed iħossu ruħhom dimotivati li jkomplu f'din il-linja li tikkumplimenta d-dħul tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li minħabba l-veloċita' li bih jgħaddi t-traffiku f'Misraħ il-Barrieri, Msida li jkun ġe minn Santa Venera Road, Msida, l-aktar qrib il-pjazzetta li hemm fil-parti ta' fuq tat-triq hemm xi ħsieb li jsiru xi traffic calmers jew central strips biex forsi tiġi mtaffija l-problema għar-residenti tal-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-Kunsill Lokali Msida kien issottometta proposta għall-‘upgrading’ ta’ Triq Santa Venera kantuniera ma’ Triq Misraħ il-Barrieri. Din il-proposta ġiet approvata mit-taqsima fil-31 ta’ Mejju, 2007.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu t-taħdidiet dwar sistema ta' kontroll dwar il-prezzijiet tal-mediċini li dwarhom kienu għaddejjin negozjati xi xhur ilu? X'passi qed jieħu l-gvern dwar diversi pilloli essenzjali għal nies li jbatu bil-pressjoni bħal Atacand li telgħu għal kważi Lm11-il pakkett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-taħdidiet dwar is-sistema ġdida biex jiġi assigurat li l-prezzijiet tal-mediċini fis-suq ikunu ġusti kienu fl-aħħar fażi tagħhom.
Fil-fatt kien hemm qbil dwar basket ta' pajjizi li kellu jintuża biex nilħqu dan il-għan u jiżgura li l-mediċina ma tkunx ogħla mill-medja li bihom jinbiegħu f'dawn il-pajjiżi.
Preżentament dan il-kumitat ma setgħax ikompli jiltaqa' u għalhekk ġie deċiz li nipproċedu b'din is-sistema fl-assenza ta' dan il-kumitat u hu mistenni li l-benefiċċju ta' din is-sistema ġdida jibda jinħass fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija tiġi asfaltata Triq G. Lanzon, Wied il-Għajn li r-residenti ilhom żmien twil li ħallsu l-kontribuzzjoni għaliha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq G. Lanzon f'Wied il-Ghajn m'hijiex parti mil-lista ta' toroq li jridu jigu mibnija mill-Gvern Centrali sa l-2008.
Jista' l-Ministru jikkonferma li xi żmien ilu kienet saret inkjesta dwar tender ta' l-IT li l-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, allegatament ħadet fl-Enemalta fl-istess żmien li c-chairman tal-kumpanija kien chairman tal-korporazzjoni? Jekk iva, fhiex waslet u x'kienu l-konklużjonijiet ta'din l-inkjesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma dak li qal l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu. Pero' għall-aħħar parti tal-mistoqsija nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat peress illi l-inkjesta qed issir mill-Avukat Ġenerali fuq talba tal-Prim Ministru wara li jiena tlabt lill-Prim Ministru biex issir l-inkjesta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26247, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm biss ftit skejjel li nfurmaw lill-bord li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin meta organizzaw korsijiet tat-TEFL? Jaf li hemm ħafna aktar skejjel li b'mod regolari jorganizzaw dawn il-korsijiet? X'passi se jieħu issa u fil-konfront ta' min?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li safejn ġie nformat il-Bord li jissorvelja t-Tagħlim ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija, kienu s-sitt skejjel imsemmija fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari 26247, li għamlu korsijiet fl-ewwel erba' xhur tal-2007. Jekk jirrizulta li kien hemm xi skola jew skejjel għamlu xi korsijiet tat-TEFL għall-għalliema prospettivi mingħajr l-approvazzjoni tal-Bord, dan il-Bord izomm id-dritt li ma jgħarafx dik il-kwalifika.
Jista' l-ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26249, 25744 u 24803 u jagħti dettalji dwar l-assenteiżmu fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi primarji u sekondarji? Jista' jagħti wkoll informazzjoni f'liema skejjel kien hemm persentaġġ għoli ta' assenteiżmu? X'passi konkreti qed jittieħdu fil-konfront ta' studenti li qed ikunu assenti b'mod regolari?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tfal li ma jattendux skola u ma jkunux koperti minn ċertifikat mediku jew inkella ma jagħtux raġuni valida għaliex mhux qed jattendu skola ikunu meqjusa assenti. F’każijiet fejn l-istudent ikollu xi appuntament mediku l-iskola tiġi informata u dak l-istudent jiġi skużat. F’dawn il-każijiet u f’każijiet ta’ mard li jinqala matul s-sena u li jkun kopert minn ċertifikat mediku, wieħed ma jistax issejjaħ lil dawn l-istudenti bħala assenti mingħajr raġuni valida. Fit-tabella, li qed ngħaddi lill-Onor. Interpellant, skola b’skola, kemm fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju hemm n-numru ta’ tfal li jkun assenti mill-iskola minghajr ċertifikat jew li ma jigux skużati għall-raġuni valida. F’dawn il-każijiet it-taqsima ta’ ħaddiema soċjali fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tidħol f’kull każ u tiehu l-azzjoni li jkun hemm bżonn. Din l-azzjoni tista’ tvarja skond il-każ minn appoġġ għall-familja u saħansitra ċitazzjonijiet mill-qrati tagħna.
Fis-settur primarju, fit-tieni term ta’ din is-sena skolastika, l-għola numru ta’ assenteizmu kien f’Jannar fl-iskola tal-Belt Valletta fejn f’kull ġurnata ta’ skola kienu assenti mingħajr ċertifikat jew skuzati medja ta’ 3 studenti minn popolazzjoni ta’ 172. Fix-xahar ta’ Frar, fl-istess skola kienu assenti medja ta’ 4 studenti minn popolazzjoni ta’ 173. U fix-xahar ta’ Marzu, l-iskola ta’ Bormla kellha medja ta’ 3 it-tfal assenti minn popolazzjoni ta’ 203.
Fis-settur sekondarju, fix-xahar ta’ Jannar, f’kull gurnata skolastika, l-iskola ta’ Fra Diego Bonanno, Marsa, medja ta’ madwar 4 studenti assenti minn popolazzjoni ta’ 140. Fix-xahar ta’ Frar, l-iskola ta’ Lorenzo Manche, Floriana kellha medja ta’ 4 studenti assenti kull ġurnata ta’ l-iskola minn popolazzjoni ta’ 185 u fix-xahar ta’ Marzu, l-iskola ta’ Erin Seraccino Inglott, Bormla kellha medja ta’ 4 studenti assenti kull ġurnata ta’ l-iskola minn popolazzjoni ta’ 440.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw pjanti u/jew siġar lill-iskejjel ta' l-istat biex jinżergħu fl-iskejjel fis-sena skolastika li dalwaqt tintemm? Lil liema skejjel ingħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi dejjem enfasizza l-importanza tat-taħwil ta’ siġar u pjanti indiġeni. Il-lum il-ġurnata kważi kull skola fejn hemm ftit ħamrija u spazju adegwat hemm imħawla xi siġra ta’ l-għargħar, widnet il-bahar, żnuber, ballut, ta’ Ġuda u ħafna oħrajn. Dan biex l-istudenti jitgħallmu jidentifikaw u jifhmu l-importanza tas-siġar Maltin.
Siġar lill-iskejjel mhux nagħtu biss iżda nirċievu ukoll! L-iSchool Arbor Committee huwa kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u rappreżentanti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieġ. Ta’ kull sena norganizzaw diversi laqgħat u mixjiet biex ngħallmu kif tinġabar iż-żerriegħa u kif tinżera’ u kif issir il-manutenzjoni. Lill-iskejjel intuhom iż-żerriegħa ta’ siġar Maltin u dawn jikkompetu bejniethom min ikabbar l-aktar siġar u jingħataw premjijiet, trofej u kotba. Din is-sena l-ammont ta’ siġar indiġeni li rċevejna mill-iskejjel kien ta’ 2169, bejn ballut, għargħar, żnuber, ġummar u ħarrub.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti bil-miktub permezz ta' e-mail, jew ittra, jew b'xi mod ieħor dwar żbalji u/jew ineżattezzi fil-karti ta' l-eżamijiet tas-SEC fil-livell ordinarju? F'liema suġġetti u x'kienu l-ilmenti? X'deċiżjonijiet ittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena fil-Livell tas-SEC kien hemm ilmenti dwar ineżattezzi f'Paper II A tal-Matematika, f'Paper I tal-Kimika, fil-karti tal-Fiżika u f'Paper I ta' l-Istorja.
Informat ukoll li rriżulta li ma kienx hemm bażi għall-ilmenti li saru dwar l-eżamijiet tal-Matematika, Kimika u Fiżika. Fil-każ ta' l-Istorja kien hemm żball f'mistoqsija ta' żewġ marki f'waħda mis-sezzjonijiet. F'dan il-każ ġie deċiż li l-kandidati li għażlu dik is-sezzjoni ma jitilfux marki minħabba din il-mistoqsija.
Dipartiment tat-Taxxi Interni — N.I. contributions
Question
Fil-preżent, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus li għandha titħallas lill-Inland Revenue għall-ħlasijiet tal-bolla tal-N.I.?
Jista' jagħti breakdown ta' kumpanniji u self-employed separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont dovut mis-self-employed huwa ta’ Lm5,137,874 għas-snin 1999 sa 2006 filwaqt li l-ammont dovut minn employers għas-snin 1998 sa 2005 huwa ta’ Lm14,357,156.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-maġġoranza tal-uffiċjali jagħżlu li jsifru ġo 3-star hotels. Madankollu l-Awtorita' ma tiġix affetwata finanzjarjament minn liema lukanda l-uffiċjal jagħżel. L-ADT tħallas lil dawn l-uffiċjali r-rata ta' full subsistence allowance skond il-grad kif indikat miċ-ċirkulari maħruġa mill-MPO Numru 8/2006, u għalhekk l-Awtorita' ma tidħolx fl-għażla tal-lukandi.
Il-kumplament ta' l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħti ma xtrawx karozzi li huma environmental friendly jew ta' xorta oħra matul Jannar, Frar u Marzu 2007.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ix-xogħol tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa intrinsikament marbut ma' laqgħat barra 'l pajjiż. In-nefqa totali fit-tlett xhur indikati mill-Onorevoli Interpellant kienet ta' 118,204.07.
Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ix-xogħol tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa intrinsikament marbut ma' laqgħat barra 'l pajjiż. Kollox isir skond ir-regolamenti u n-normi tas-servizz pubbliku.
Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti
Question
Tista' l-Ministru tgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tagħha ntitolati għall-gazzetti kuljum? Tista' tgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.