B'referenza għas-sejħa ta' l-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern 1 ta' Ġunju, 2007, Avviż Nru: WB 27/2007 dwar feasibility studies għat-Triq Xlendi u Triq ta' Pinu, Għawdex tista' l-Ministru tispeċifika dan l-istudju fhiex jikkonsisti b'mod dettaljat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-istudji msemmija fil-mistoqsija jikkonsistu f'Economic and financial feasibility studies u li l-kontenut tagħhom huma spjegati b'mod dettaljat fis-sejħa għall-offerti li hija ppublikata bħalissa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm pazjenti li regolarment jużaw il-magni tal-kliewi fl-Sptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm hemm magni a diżpożizzjoni tal-pazjenti f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' pazjenti li regolarment jużaw il-magni tal-kliewi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huwa sebgħa iżda magħhom ġieli jkun hemm xi każijiet ta' pazjenti Maltin u oħrajn barranin. Il-magni li huma għad-diżpożizzjoni tal-pazjenti f'Għawdex jammuntaw għal erbgħa.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudent ta' l-MCAST li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u li m'għaddiex mill-eżami indikat separatament, l-ewwel ġie infurmat li l-każ tiegħu huwa borderline u allura ser isirlu interview u mbagħad ġie infurmat li ma kienx ser isirlu l-interview bil-konsegwenza li issa ma jistax ikompli l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal sal-ħin li jkun irid jiġi mgħoddi lill-uffiċċju ta' l-iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan b'diżabilita' li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, la għandu servizz ta' dawl u lanqas ta' ilma? Jista' jingħatalu dan is-servizz? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi jaqa barra mill-limitu ta' żvilupp. Fil kaz tal-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, din m'għandiex infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma f'inħawi msemmija.
Rigward is-servizz tal-eletriku ma jirrizultax li l-applkant qatt applika għal dan is-servizz f'dan l-indirizz.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' omm separata bi tlett itfal, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qatgħulha r-relief fi Frar, appellat u sal-lum għadha mingħajr risposta? Jista' l-każ ta' din il-persuna jitmexxa u tiġi nfurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, sal-lum, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant naqset li tipproduċi d-dokument legali mitlub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali u dan minkejja li ntalbet tagħmel dan diversi drabi permezz ta’ ittri.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26390, 25877 u 26584 u jgħid: Kemm ħaddiema barranin ħadmu fit-Tarzna fl-2005 u 2006? Kemm kienu bħala esperti u kemm bħala ħaddiema? X'kien l-ammont li tħallas lil dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema fit-Tarzna li għandhom bejn 17-19-il sena, bejn 20-30 sena, bejn 41-50 sena u 'l fuq minn 50 sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għal-ewwel, it-tieni u l-aħħar parti tal-mistoqsija.
Għar-rigward ta' l-aħħar parti, l-Malta Shipyards ma tkunx taf kemm attwalment tħallsu l-ħaddiema barranin peress illi dawn jitħallsu direttament mill-Aġenzija barranija li tkun qabbdet il-Malta Shipyards.
Jista' l-Ministru jara u jintervjeni sabiex Triq Kelinu Cachia, f'Hal Tarxien tiġi mnaddfa mmedjatament mill-ħafna ħmieġ, xewk, skart eċċ li hemm u li ilu hemm mhux ħażin u li qed jaffettwa ħażin il-kwalita' tal-ħajja tar-residenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi għalkemm it-tindif tat-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbilita’ tal-Gvern Ċentrali, id-Dipartiment għas-Servizzi tal-Indafa ser jieħu passi sabiex dan l-inkonvenjent jitneħħa.
Il-Kunsill Lokali diġa’ gie mgħarraf sabiex iżomm it-triq imsemmija fi stat nadif.
Jista' l-Ministru ġentilment jara li Triq Kelinu Cachia, f'Hal Tarxien tiġi asfaltata jew jistax jgħid, imqar, meta huwa maħsub li din tiġi asfaltata tenut kont il-prioritajiet tal-Awtorita' dwar it-Trasport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Kelinu Cachia hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-ADT sa l-2008.
Ix-xogħol fuq din it-triq isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Prim Ministru jivverifika meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se tieħu l-income tax refund li ilu dovut lilha għal madwar għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond kif tħabbar fid-diskors tal-budget għal din is-sena – fil-ġimgħat li ġejjin kull min għandu xi bilanċ favur tiegħu għas-snin ta’ qabel in-1998 se jirċievi ittra fejn fiha jkollu ndikat meta ser jitħallas l-ammont lura.
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-lista ta' proġetti li ġew iffinanzjati permezz:
i) tal-Ħames Protocol Taljan,
ii) tal-pre-accession funds ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-listi A u B mehmuża ma’ din it-tweġiba.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 26517, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kien il-membru fil-korp tal-pulizija li spiċċa mill-korp għal raġunijiet mediċi wara li ggradwa bħala avukat? X'kien il-grad tiegħu fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li ma nħossx li dettalji personali ta' din in-natura għandhom ikunu ippublikati, ninsab infurmat illi din il-persuna kienet daħlet fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, fejn wara kien ġie promoss għal surġent u sussegwentement kien laħaq spettur. Pero' billi sakemm wasal biex jirtira kien għadu m'għaddiex il-perijodu bi prova, huwa kien spiċċa mill-Korp bħala surġent.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' min applika għall-post ta' associate professor fl-Universita' ta' Malta minn Jannar 2004 'il quddiem u jgħid f'kull każ:
1) id-data tal-ġurnata meta l-Universita' rċeviet l-applikazzjoni;
2) id-data li fiha l-pubblikazzjonijiet u materjal relatati ma' l-applikant intbagħtu mill-Universita' ta' Malta lill-Association of Commonwealth Universities f'Londra;
3) id-data li fiha l-Association of Commonwealth Universities bagħtet il-materjal għand ir-referees tagħha;
4) id-data li fiha l-Universita' ta' Malta rċeviet ir-risposta dwar l-applikazzjoni;
5) id-data li fiha kull applikant irċieva avviż dwar l-andament ta' l-applikazzjoni tiegħu/tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal sal-ħin li jkun irid jiġi mgħddi lill-uffiċċju ta' l-iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min hu awtorizzat li jipparkja l-vettura tiegħu fl-Isptar San Luqa? Liema kategoriji ta' staff huma ntitolati li jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-Isptar San Luqa? Min aktar għandu l-permess li jipparkja l-vettura tiegħu fl-Isptar San Luqa? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Min hu awtoriżżat li jipparkja l-vettura tiegħu fl-isptar San Luqa?
a. Dawk l-impjegati ta' l-isptar San Luqa li huma elenkati fir-risposta għat-tieni mistoqsija.
b. Kull min għandu permess temporanju biex jipparkja.
c. Persuni bil-badge ta' diżabilita.
d. Vetturi minn Sptarijiet oħrajn, Ċentri tas-Saħħa u Dipartimenti.
e. Vetturi awtoriżżati li jagħtu servizz fl-Isptar.
f. Persuni importanti (VIP)
Liema kategoriji ta' staff huma ntitolati li jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-isptar San Luqa?
L-impjegati sa skala 9 jistgħu jipparkjaw matul il-ħin kollu tal-ġurnata, f'areas designati. L-impjegati kollha l-oħra jistgħu jipparkjaw mit-Tnejn sas-Sibt wara s-sagħtejn u nofs ta' wara nofsinhar, filwaqt li fil-Ħdud u l-festi huma permessi li jipparkjaw matul il-ġurnata kollha.
Min aktar għandu permess li jipparkja l-vettura tiegħu fl-isptar San Luqa?
L-impjegati li jaħdmu fl-Istitut tal-Ħarsien tas-Saħħa u fl-iskola Hookham Frere, għandhom ukoll il-postijiet riservati għall-parking.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna anzjana li għandha l-karta anzjan, imma għandha r-raġel jaħdem għax hu iżgħar minnha, hiex intitolata għas-servizzi offruti lil min għandu l-karta anzjan? Jekk iva, fid-dawl li żewġha għadu jaħdem liema huma s-servizzi li din l-anzjana hija ntitolata għalihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li persuna li għandha l-kartanzjan hija ntitolata għal roħs fuq il-vapur tal-Gozo Channel, roħs fuq in-noll tal-karozzi tal-linja, roħs fuq il-fiera tan-Naxxar u roħs għad-dħul fil-grawnd tal-futbol. Ta' min jinnota li kull persuna li għandha kartanzjan tkun intitolata għas-servizzi fuq imsemmija irrispettivament jekk ir-raġel tagħha jew mara tiegħu humiex full time worker.
B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 26515, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-Transport Action Plan għall-penisola ta' Tigne', Sliema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tas-Sliema Transport Action Plan. Dawn jinkludu network and development traffic forecasts għas-sena 2010 fil-penisola ta' Tigne', kif ukoll is-sistema proposta għall-immaniġjar tat-traffiku. Xi dettalji mis-sistema proposta partikolarment iż-żona ħdejn il-ferries, jistgħu jinbidlu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadu qed jirċievi avviżi biex iħallas il-liċenzja tat-televiżjoni meta ilu snin bla sett tat-tv u ilu snin li avża lid-dipartiment ikkonċernat li hu bla sett tat-tv u ħadilhom anke stqarrija ġuramentata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni li ngħatat mad-domanda ma tagħmilx referenza għal data partikolari u għalhekk huwa diffiċli biex issir verifika sodisfaċenti, għalkemm il-liċenzja ndikata ma turi ebda regġistrazzjoni jew preżentazzjoni ta' ġuramanet.
Għalhekk nitlob lill-persuna kkonċernata titkellem mad-Dipartiment Tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru tal-Kompetittivita u Komunikazzjoni f'Evans Building Triq Merkanti l-Belt, possibilment bil-kopji tad-dokumenti relattivi sabiex tkun tista ssir il-verifika neċessarja u jsiru l-korrezzjonijieit neċessarji jekk ikun hemm il-bżonn.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26634 u jgħid liema kuntratti għal xogħol f'toroq residenzjali li ngħataw xi xhur ilu tlestew sal-lum, inkluż l-isem tal-kuntrattur u l-lokalita' fejn sar ix-xogħol? Kemm kien stmat li kellu jiġi jiswa x-xogħol u kemm fil-fatt ġie jiswa wara li tlesta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26485, 26357 u 26627 u jgħid jekk minħabba l-fatt li gambling fil-forom varji tiegħu qed jikber f'pajjiżna, hux il-ħsieb tal-gvern li jirregolah b'mod aktar komprensiv? Jidhirlu l-Gvern li għandha ssir distinzjoni ċara legali bejn slot machines u amusements machines u l-użu tagħhom, u dan l-aktar fid-dawl tal-fatt li l-vizju tal-logħob qed jikber fost il-minorenni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26485.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm serqiet u reati kriminali ġew rapportati lill-Pulizija u li okkorrew fis-Siġġiewi matul is-snin 2004, 2005, 2006? Kemm ġew solvuti minnhom dawn is-serqiet u reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt:
Każi ta' serq
Solvuti
Reati oħra
Solvuti
2004
72
-
86
4
2005
90
4
103
7
2006
67
2
110
5
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26428 u jgħid meta se jixxandar ir-riżultat taċ-ċensiment tas-sena 2005, speċjalment dak dwar djar u akkomodazzjoni vakanti peress li t-tagħrif hu kruċjali għal sorveljar dwar is-suq tal-proprjeta' f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26428.