Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29240 u jara li jitneħħew wires tad-dawl li huma perikolużi f'125, Dockyard Street, Raħal Ġdid u dawn xorta jridu jitneħħew għax irid isir xi żvilupp?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret ma jirriżultax li hemm ebda perikolu. Jekk ser jsir xi żvillup fl-inħawi hemm bżonn li l-iżviluppatur jimla applikazzjoni (formula D) biex jkun jista isir ix-xogħol meħtieg
Wara d-diversi xogħlijiet li saru u li għad iridu jsiru mill-WSC f'San Gwann jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jitlestew x-xogħlijiet kollha? Meta mistenni jitlesta l-asfaltar tat-triqat li nifhem li nbdew f'ċerti partijiet l-bieraħ għaliex dawn qed ixekklu ħidma oħra fil-lokal? Dawn x-xogħlijiet meta nbdew? Tista' tingħata priorita' lix-xogħlijiet f'Naxxar Road minħabba l-problemi u l-inkonvenjent li qed jinħoloq minħabba dan fl-area?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet tal-bdil tal-mains ta’ l-ilma f’San Gwann, li qed isemmi l-Onor Interpellant huma ppjanati li jitlestew sa l-20 ta’ Jannar. Dan ix-xogħol jinkludi l-asfaltar tat-toroq imsemmija.
Il-proġett inbeda f’April 2007. Ix-xogħolijiet f’Naxxar Road issa tlestew.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn awtoritajiet? Liema huma u meta twaqqfu? Kemm qed iħaddmu total ta' nies u kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull awtorita'? Jekk l-impjegati ta' dawn l-awtoritajiet humiex kunsidrati bħala impjegati tac-Ċivil?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu boards l-Gvern? Liema huma? Kemm jimpjegaw nies dawn il-boards? Kemm huwa l-qliegħ, deficit ta' kull board? Jekk l-impjegati/membri ta' dawn il-boards humiex kunsidrati bħala mpjegati tac-Civil?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar San Luqa u sptarijiet oħra sal-aħħar ta' Novembru 2007? Kemm huwa dan in-numru llum? Kemm għandu bżonn aktar nurses d-Dipartiment tas-Saħħa biex jaħdem bl-aħjar effiċjenza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab miġbura hawn taħt:
Sptar Mater Dei
Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 3945 -il impjegat. Illum hemm 3936 -il impjegat.
Sptar Zammit Clapp
Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 113 -il impjegat. Illum hemm 125 -il impjegat.
Sptar Monte Carmeli
Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 546 -il impjegat. Illum hemm 561 -il impjegat.
Residenza San Vinċenz
Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 903 -il impjegat. Illum hemm l-istess 903 -il impjegat.
Diffiċli biex tgħid kemm trid Nurses iktar biex tiżdied l-effiċjenza għax il-kejl ta' l-effiċjenza ma jiddependix biss fuq in-numri.
Jista' l-Minisru jgħid kemm iggradwaw tobba fl-aħħar 5 snin sena b'sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom marru jaħdmu barra minn Malta? Minn dawk li baqgħu Malta kemm minnhom jaħdmu full time jew part time mal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29256 u 29348 u cioe' : B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 27278, jista' jgħid jekk huwiex ċert li t-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 29129 hija sħiħa u li m'hemmx partijiet li tħallew barra?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal-liema data ġiet maħtura l-kawża Nru. 45/46/47: Il-Pulizija kontra Bradley Attard u Etienne Attard?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor Interpellant huwa mitlub jagħti iktar dettalji dwar din il-kawża, bħal isem il-Maġistrat, in-natura tal-każ jew f'liema distrett sar l-allegat reat, biex wieħed ikun jista' jidentifika il-kawża in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903, 28955, 29115 u 29225 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta daħlet f'diversi Hedging Agreements dawn l-aħħar sentejn kif ukoll għas-sena kurrenti.
Minħabba li l-prezz taż-żejt jitbiddel kuljum, biex jagħmel il-kalkolu rikjest mill-Onor. Interpellant wieħed ikun irid jistenna l-għeluq tal-perjodu kollu biex ikollu l-parametri kollha tal-kalkolu.
Nippreċiża wkoll, kif għamilt diversi drabi f'dan il-Parlament, li dawn it-tip ta' strumenti finanzjarji huma aktar intiżi biex jiffissaw prezz f'suq volatili milli intenzjonati biex jiffrankaw il-flus għax fil-fatt wieħed jista' jitlef il-flus ukoll iżda jkun xtara "insurance" ta' prezz stabbli.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont, sena b’sena u pajjiż pajjiż, ta' kemm saru spejjeż mill-ambaxxati u konsulati Maltin f’dawk li huma kirjiet ta' premises, pagi, hospitality expenses, akkomodazzjoni ta' diplomatiċi eċċ., f’dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Din il-Mistoqsija Parlamentari mhijiex raġonevoli għaliex titlob tagħrif li jista' jinġabar mill-Estimi Uffiċċjali, u dan fuq perijodu twil ta' għaxar snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi xogħol minħabba l-ilma li jgħaddi minn Paris Street, Birkirkara għal fuq Rizzo Service Station għaliex qiegħed ikun ta' nkonvenjent kbir għax-xogħol fil-petrol station imsemmija?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ADT kienet ħarget tender apposta għal dan ix-xogħol li ma setax jitkompla fuq Ordni tal-Qorti.
Bħalissa qed ikunu ffinaliżżati it-teknikalitajiet biex jintlaħaq l-istess skop mod iehor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-residenti li joqogħdu fl-appartamenti li hemm fi Blocks A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla jistgħux jixtru r-residenza tagħhom u jekk humiex miżmuma minħabba possession and use? Jekk dan hu l-każ (pussess u użu) jista' jsir xi ħaġa biex dawn isiru sidien ta' djarhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-appartamenti li hemm fi Blokki A, B u C fi Triq il-Pellegrinaġġ Bormla fil-fatt huma kollha mibnija fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu. Sakemm il-Gvern ma jkunx f'pożizzjoni li jikkonverti dan it-titlu f'wieħed ta' xiri assolut dawn l-appartamenti ma jistgħux jinbiegħu mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu l-ilmenti kontinwi ġejjin minn anzjani residenti fil-Home f'Bormla li qed ikollhom kesħa kbira peress li s-sistema li ssaħħan qed tkun mitfija għal ħinijiet twal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sistema ta' central heating fid-dar tal-anzjani f'Bormla qiegħda tiffunzjona mingħajr problemi. Din is-sistema ta' central heating tkun mixgħula u tiġi aġġustata skond il-bżonnijiet partikolari tal-anzjani u tad-dar biex b'hekk tinżamm temperatura komda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għadux reżolut li jżomm mal-One China Policy tiegħu dwar ir-RP tac-Ċina, independentement mill-eżitu li jista' jkollu l-United Nations BID Referendum prospettiv tal-Gvern ta' Taiwan?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qatt ma kien hemm l-iċken dubju li l-politika tal-Gvern Malti hija dik ta' One China Policy. Dan dejjem ġie kkomunikat kjarament u konsistentement lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
Jista' l-Ministru jara jistgħux l-ħaddiema tad-dipartiment tat-toroq jduru sew n-naħa t'isfel ta' Triq Fleur De Lys, Birkirkara għaliex ġiet mħarbta bix-xita qawwija li seħħet dan l-aħħar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ADT diġa’ wettqet ix-xogħol l-aktar li kien ikkunsidrat gravi u urġenti f’din it-triq.