Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċċata ta' dar f'periklu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma tteħdux l-passi neċessarji fejn hemm faċċata f'periklu għal terzi persuni, quddiem ir-residenza li tinsab fi Triq l-Antika, Birgu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda rapport dwar proprjeta' tal-Gvern perikoluża fit-Triq li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant. Fl-istess triq ma jirriżultax li hemm xi proprjeta' tal-Gvern li hija perikoluża. Minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tat-Taqsima il-proprjeta' fit-triq in kwistjoni li jista' għandha bżonn xi attenzjoni tidher li mhix tal-Gvern. Tlabt lill-Pulizija biex tinvestiga dan l-ilment.

Birkirkara — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi indikazzjoni ta' meta sejrin isiru Triq il-Ftieħ u Triq Giovann Mamo, Birkirkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-toroq imsemmija huma parti mill-programm ta' toroq illli jridu jitlestew sa l-aħħar tas-sena 2008, hekk kif maħruġ mill-Awtorita' tat-Trasport ta' Malta.

Programmi fuq il-PBS

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-proċess ta' l-għażla tal-programmi fuq il-PBS għall-istaġun li ġej, wara li dawk li kienu magħżula mill-bord editorjali tal-PBS ġew irtirati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi skond il-Programme Statement of Intent, id-deċiżjoni dwar il-programmi għandha tittieħed mill-Bord tad-Diretturi f'Lulju.

Mosta — Triq Aurora

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isiru jew saru fi Triq Aurora, Mosta, u dan peress li sa riċenti kien hemm drenaġġ li qed ifur fit-triq u wkoll minħabba li meta tinżel kwantita' ta' xita tfur l-istess Triq Aurora?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru xogħol fi Triq il-Ħtajriet li tinsab biswiet Triq Aurora. Bħala parti mix-xogħol qeda tinbena storm water culvert biex il-culvert tax-xita li tinsab fi Triq l-Aurora tkun tista' tiġi imqabbda u b'hekk it-triq imsemmija ma tibqax tfur bix-xita. Ninsab infurmat ukoll li l-WSC qed jikkunsidraw li jsiru xi xogħliiet fuq ' main ' tad-drenaġġ biex tiġi solvuta il-problema eżistenti.

Mosta — Ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jara li ħitan tas-sejjieħ li huma mingħajr ilqugħ fi Triq Carmelo Sciberras, Triq Patri Delia u Triq Mons. Salamone fil-Mosta jiġu mibnijin mill-ġdid qabel ma jibda l-istaġun tax-xita, u dan kemm għal raġunijiet ta' tisqija tar-raba' kif ukoll għall-ilqugħ tal-ħamrija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ħitan tas-sejjieħ fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma tal-privat u b'hekk ix-xogħlijiet meħtieġa għandhom isiru mill-privat.

Mosta — Tiseija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Carmelo Sciberras u Triq Mons. Salamone fil-Mosta, limiti taż-Żokrija, huma l-uniċi toroq li ma ngħatawx it-tarmac? Jista' jara li dawn it-toroq jingħataw it-tarmac mill-aktar fis possibbli kif ingħataw toroq oħra fil-viċinanza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant kienu ġew asfaltati b'si0stema ta' chip spray' u b'hekk ir-responsabilita' tal-manutenzjoni ta' dawn it-toroq hija tal-Kunsill Lokali.

Mosta — Tiswija ta' toroq

Question

Peress li Triq l-10 ta' Awissu u Triq l-Inkurunazzjoni fil-Mosta għadhom b'aktar minn nofshom bla tarmac u lanqas asfalt, ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-partijiet ta' Triq l-Inkurunazzjoni li ġew żvillupati kien ingħata asfalt b'sistema ta' 'chip and spray' u b'hekk il-manutenzjoni ta' din it-triq taqa' taħt ir-responsabiita' tal-Kunsill Lokali. Rigward Triq il-15ta' Awissu ninsab infurmat li din it-triq kienet inbniet bit-tarmak. Meta saru l-ispezzjonijiet irriżulta li kien hemm plot li nbniet riċenti u s-sidien ta' dan il-plot għandhom l-obligu li jiffurmaw din il-parti tat-triq.

Pembroke Local Council — Għotjiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani bl-għotjiet kollha li għamel il-kunsill lokali ta' Pembroke li mhux koperti bis-skeda? Jekk jirriżulta li hemm xi ħlasijiet li m'humiex koperti x'għamel id-dipartiment f'kull każ? Jekk fl-affermattiv, dawn il-flus ġew imnaqqsa milll-kontribuzzjoni tal-gvern jew ġew mitluba lura mill-entijiet li ħadu dawn il-flus?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali innota illi l-Kunsill Lokali Pembroke għamel pagamenti li m'humiex meqjusa li saru skond il-liġi. Dawn il-pagamenti saru lil Pembroke Athleta FC u lil Perla Hotels Ltd. Dawn il-pagamenti kienu jammontaw għal Lm175. Il-Kunsill ġie mitlub jispjega għal xiex kien għamel dawn il-pagamenti u wara li d-Dipartiment evalwa t-tweġiba tal-Kunsill, iddeċieda illi dawn il-pagamenti ma kienux ġustifikati. Għaldaqstant dan l-ammont ġie mnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill. F'kull każ li d-Dipartiment jirriżultalu li xi Kunsill ta xi għotjiet mhux skond il-liġi, ammont ekwivalenti jitnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja ta' l-istess Kunsill.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħtu? Minn min huma komposti u x'inhi l-onorarja u benefiċċji oħra ta' kull wieħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Affarijiet Barranin — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus is-safar (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fih kien involut il-Ministru, inkluż l-uffiċjali li marru miegħu, globalment għal kull safra separata, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjah matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajna fil-mistoqsija numru 25391.

Affarijiet Barranin — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull tip ta' hospitality fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar matul Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jgħid min ta l-approvazzjoni għal dan l-infiq f'kull każ separatament?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hja kif gej: Jannar Frar Marzu Head Office u FME Lm 6,435.48 Lm 2,193.42 Lm 3,062.35 Ambaxxati Lm 3,623.64 Lm 2,945.93 Lm 4,420.16 Total Lm 10,059.12 Lm 5,139.35 Lm 7,482.51 Total Sħiħ Lm 22,680.98 L-approvazjoni dejjem issir skond ir-Regolamenti tas-Servizz Pubbliku.

Dawl u ilma — Sussidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma dawk il-persuni li huma ntitolati għal sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24884 f’Seduta Numru 521.

Verdala Housing Estate — Provvista' ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol sabiex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-housing estate ta' Verdala Bormla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li diġa sar xogħol ta' tisħiħ fl-inħawi msemmija u ma jirriżultax li hemm bżonn ta' aktar tisħiħ. Biex tkun tista issir investigazzjoni aktar profonda ta' xi post partikolari jkun hemm bżonn ta' l-indirizz ta' fejn qiegħed jiġi allegat li hemm problema.

OPM — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed inpoġġi fuq il-Mejdda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni mitluba. Fl-entitajiet tal-Ministeru tal-Finanzi hemm persuna waħda li ngħatat estensjoni ta’ l-impjieg wara li għalqet il-61 sena. Din il-persuna taħdem mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u għandha 65 sena. L-estensjoni ngħatat sa tmiem il-proċess ta’ migrazzjoni minn San Luqa minħabba l-esperjenza vasta li għandha fuq il-proġett u fis-Saħħa u Sigurtà.

Ġustizzja u Intern — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extension u għal liema raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm impjegat wieħed fid-Diviżjoni tar-Reġistru Pubbliku u ta' l-Artijiet li wara li għalaq il-61 sena ngħata "extension" sal-31 ta' Diċembru 2007 minħabba esiġenzi tas-servizz. Barra minn hekk, ir-Reġistratur taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għandu 68 sena. Huwa ma ngħata l-ebda "extension" come tale għaliex kien diġa' jokkupa din il-kariga flimkien ma' dik ta' Reġistratur taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Meta huwa rriżenja miċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ, il-Bord taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni talbu biex jibqa' jżomm il-kariga li diġa' kien qed jaqdi f'dak iċ-Ċentru. Din il-pożizzjoni għandha tiġi riveduta fl-aħħar ta' Ġunju 2007. Ta' min jgħid ukoll illi ġiet approvata ukoll talba li saret minn Assistent Kummissarju tal-Pulizija li ngħata "extension" għal wara li jagħlaq il-61 sena.

Edukazzjoni Żgħażagħ u Impjiegi — Ħaddiema li għalqu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'xi entita' li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu li għalqu l-61 sena? Minn liema entita' ġejjin? Kemm għandhom eta'? Għal kemm żmien ingħataw extensionu għal liema raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- - Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bħalissa hemm 27 persuna 'l fuq minn 61 sena li kienu edukaturi impjegati mad-Diviżjoni li qed jagħtu servizz fi programmi ta' tagħlim għall-adulti u servizzi oħra. - Fl-FTS hemm persuna li għandha 61 sena u l-kuntatt jagħlaq is-sena id-dieħla. - Fl-MCAST hemm 27 impjegat li għalqu l-61 sena u nżammew minħabba esiġenzi ta' servizz u l-kuntratt tagħhom jiġi terminat fl-aħħar ta' din is-sena. - Fl-FES hemm 2 persuni waħda l'fuq minn 61 sena. - Fl-ITS hemm persuna waħda li għalqet il-61 sena u li tinħatar għal żmien ta' sena b'kuntratt. - Fid-Dipartiment tal-Libreriji hemm 11-il ħaddiem li għalqu il-61 sena f'dawn l-aħħar ħames snin u ħadd minn dawn ma ngħata estensjoni. - Fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hemm persuna waħda li għandha 'l fuq minn 61 sena. Informat ukoll li tagħrif dwar l-Universita' ta' Malta għadu qed jinġabar.

Forzi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mill-aktar fis possibbli mistoqsija parlamentari 24747 cioe' peress li jirriżulta li hemm xi numru sostanzjali ta' suldati li mhux si jilħqu jagħlqu l-25 sena servizz, meta tidħol fis-seħħ il-klawsola ta' l-irtirar tal-55 sena, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li jippermetti li dawn is-suldati jibqgħu jservu sakemm jagħlqu l-25 sena servizz jew inkella sal-61 sena biex b'hekk ikunu jistgħu jgawdu l-pensjoni sħiħa tas-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24747.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fuq bażi part time jew bil-kuntratt matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu, 2007 fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, li m'humiex uffiċjali pubbliċi, min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu? Jista' jgħid, jekk il-kuntratt ta' dawn l-impjegati hux definit u għal kemm perjodu f'każ li fl-affermattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Xogħol sub contracting

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sewa flus ix-xogħol li sar permezz ta' sub contracting mil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament u xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għal dan ix-xogħol ħarġitx tender fejn kien hemm bżonn u min kien il-kuntrattur f'kull każ li ngħata x-xogħol u kemm kien l-ammont separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta kuntratt ikun jipprovdi li kuntrattur jista’ jagħti xogħol ta’ subcontracting, allura l-Ministeru jew dipartiment konċernat mhux bil-fors ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għar-raġuni li d-dritt tas-subcontracting jemani mill-istess kuntratt. Jekk l-Onorevoli Interpellant irid informazzjoni fuq xi każ partikolari u/jew qed jirreferi għal l-għoti ta’ kuntratti pjuttost mis-subcontracting, allura huwa mitlub jiċċara u jerġa’ jissottometti mistoqsija parlamentari oħra.