Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex jibdlulha s-soqfa tad-dar peress li dawn qed jaqgħu? Jista' dan ix-xogħol isir fis-sajf peress li fix-xitwa ikun diffiċli li jinbidel u din l-anzjana tkun beżgħana għall-fatt li l-post ikun bla saqaf? Jista' jinforma lil din l-anzjana meta ser isir dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata biex hi jew xi hadd ghan-nom taghha jmorru t-taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jingħataw l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
B'referenza għall-mistoqsijijiet parlamentari 26440 u 26743 jista' l-Ministru jispeċifika kemm hemm educational psychologists impjegati mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Jista' jelenka x'inhuma l-funzjonijiet ta' dawn il-professjonisti? Kemm ilhom li ġew ingaġġati u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu fiż-żmien qarib? Peress li f'pajjiżi bħall-Amerika ta' fuq huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħamest itfal għandu xi forma ta' dyslexia u probabilment hawn Malta u f'pajjiżi oħrajn ir-rata hija pjuttost simili, jista' jgħid jekk hux qed isir screening programme fl-iskejjel primarji tagħna? U dan vis-a-vis tal-fatt li kemm-il darba dawn it-tfal jiġi djanjostikati kmieni, ikun possibli li fil-maġġoranza tagħhom tiġi korretta d-diżabilita' tagħhom u fl-istess ħin żgur u mhux forsi nkunu qegħdin innaqqsu r-rata ta' illtteriżmu li għandna f'pajjiżna.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-prezent hemm zewġ Psikoloġisti Edukattivi impjegati mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li jinxtraw servizzi addizzjonali mill-privat fejn jinħass il-bzonn.
Jista' l-Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlametnari 26823 billi jgħid jgħid jekk minn wara Awissu 2006 'il hawn kienx hemm xi tibdil fil-kampjuni tal-prezzijiet ta' prodotti u servizz li nġabru mill-NSO? Jekk iva liema prodotti u servizzi kienu affetwati u kif ġew mibdula? Jista' jgħid jekk minn Awissu 2006 sal-lum inbidlux xi prattiċi fil-ġbir tal-prezzijiet biex tiġi mkejla r-rata ta' inflazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26744 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u ċioe: Fid-dawl tal-fatt li l-allowance tat-tfal naqset (għal raġuni jew oħra) b'madwar 35% matul dawn l-aħħar 10 snin, x'inhu jagħmel l-ministeru sabiex jassigura li dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed ma jiġux ntaxxati inġustament bis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dan fl-ispirtu li din is-surcharge hija maħruġa b'mod lineari, hija taxxa tal-konsum u familji numerużi bilfors jikkonsmaw aktar dawl u ilma? Peress li għandna tnaqqis fir-rata' tal-fertilita', kif jista' l-Gvern jinkoraġġixxi lill-koppji Maltin ikollhom aktar ulied, b'din il-miżura anti-familja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jidher li minkejja d-diversi stqarrijiet pubbliċi li jien għamilt, inkluż f’din il-Kamra, l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx li l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija, li ġie mniedi minn dan il-Gvern aktar kmieni din is-sena, qed jiġi kkalkulat fuq id-dħul tal-familja kif ukoll fuq il-konsum tipiku ta’ l-enerġija tal-household, jiġifieri li jieħu in konsiderazzjoni n-numru ta’ persuni, inkluż in-numru ta’ tfal, fil-familja.
Dan biex propju jindirizza l-fatt li familji numerużi jikkunsmaw aktar dawl u ilma u għalhekk ir-rata ta’ dan il-Benefiċċju tkun għola. Inżid ngħid li dawk il-familji li jikkwalifikaw fuq bażi umanitarja, għaliex xi persuna fid-dar issofri minn xi marda jew kundizzjoni li jenħtieġu użu qawwi ta’ dawl jew ilma, ma jaqax fil-kalkolu tal-konsum tipiku għax il-konsum f’dawn il-każijiet ikun ġeneralment għola min-normal.
Fit-tifsil ta’dan il-benefiċċju l-Gvern wera biċ-ċar is-serjeta’ u l-għaqal biex jisgura sostenn lil dawk il-familji li għandhom bżonn. Ta’ min ifakkar li numru ta’ familji eliġibbli għall-benefiċċju ta’ l-enerġija telgħa minn 13,000 għal 30,000 u l-Vot biex ikopri din l-ispiża żdied minn Lm800,000 għal Lm3.3 miljun.
Jista' l-Prim Ministru jara għalfejn dak li ntalab f'mistoqsija parlamentari 24951 cioe għalfejn twaqqa' ħajt tas-sejjieħ f'proprjeta' privata minn Skanska fl-Isptar l-ġdid u jara li jerġa' jinbena kif kien, għadu ma seħħx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindaga għalfejnil-van tal-ħaxix, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed jitkeċċa mill-pulizija meta qiegħed xi 800 pied 'l bogħod minn ħwienet oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-raġunijiet għaliex qiegħed jiġi mġiegħel jiċċaqlaq mill-Pulizija tista’ tingħata biss mill-istess Pulizija għaliex mhux biss id-distanza mill-ħwienet l-oħra tapplika iżda jista' jkun hemm raġunijiet oħra fosthom ta’ mmaniġġjar ta' traffiku li għalihom tkun qed tirreferi l-Pulizija. Nissuġerixxi li din il-mistoqsija issir lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 19495, 21718, 25977 u 26448 peress li minn spezzjoni li saret fuq il-post, cioe quddiem l-indirizz, 1, Sqaq il-Pjazzetta Nru. 2, Attard minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li r-reserved parking li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari mhux għal użu minn persuni b'diżabilita' u minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 1998 ma nstabitx approvazzjoni għal tali reserved parking, u mir-records tal-Pulizija ma rriżulta li hemm xejn dwar dan il-każ, tista' l-Awtorita' tat-Trasport tneħħi dan ir-reserved parking?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li t-taqsima kienet infurmata mill-Korp tal-Pulizija li l-permess għal tali Reserved Parking kienet inħarget minnhom għal raġunijiet ta' sigurta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 1998 sas-sena 2005 kemm kien id-dħul medju (mean) iddikjarat u l-varjazzjoni (variance) għal dawn l-income bracketsli jidhru hawn taħt għal kull tip ta' persuni mpjegati kemm single kif ukoll miżżewġin (employed, self-employed, u pensjonanti)?
Jista' jgħid ukoll kemm kienu d-deductions/allowances għal kull kategorija u għal kull tip?
Income group:
Lm0 - Lm4000
Lm4000 - Lm5000
Lm5000 - Lm6000
Lm6000 - Lm7000
Lm7000 - Lm8000
Lm9000 - Lm10000
Lm10000 - Lm12000
Lm12000 - Lm14000
Lm14000 u aktar.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex Triq Achille Ferris f'Ħaż-Żebbuġ tiġi mogħtija t-tarmac u dan għax qed tikkawża problemi lir-residenti tal-lokal?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li triq imsemmija mill-Onor. Interpellant, kienet ġiet asfaltata żmien ilu b'sistema ta' 'chip and spray' u jidher li għad hemm partijiet fit- triq li għadhom ma ġewx żviluppati.
B'hekk din it-triq ma kienitx inkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru u l-manutenzjoni għandu jsir mill Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' impact assessments saru fuq l-area fejn qed tiġi żviluppata binja li minn dak li qed jintqal se takkomoda madwar 400 housing unit, fi Triq Ħal Tarxien f'Ħal Luqa? Jekk saru dawn l-impact assessments f'liema oqsma saru? Jekk saru, jista' jqiegħedhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet saru fi Triq l-Għeneb, Ħaż-Żebbuġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru fit-triq imsemmija kienu jinkludu xogħlijiet fuq bini ta' bankini ġodda u xogħijiet ta' tarmak, kif ukoll xi servizzi fejn meħtieġa. Ninsab infurmat ukoll li quddiem 'plot' partikolari kien hemm problemi minħabba li s-sidien qegħdin il-qorti u fuq talba tal-avukat tagħhom il-bankina ma nbnietx quddiem dan il 'plot'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-siġar taż-żebbuġ li jinsabu f'Wied Dalam, Has-Saptan, Haz-Zabbar, Fgura u Mġarr Malta huma totalment abbandunati? Jista' jgħid meta se jitnaddaf madwarhom qabel jinħarqu u jmutu għax ikun aħjar nieħdu ħsieb dawn is-siġar li jrid snin twal biex jimmaturaw, qabel ma nikkonċentraw biex inħawlu oħrajn ġodda? Id-dipartiment x'inhu jagħmel biex jaħseb għal ilqugħ aħjar ta' l-ilma tax-xita sabiex inkunu nistgħu insaqqu dawn is-siġar?
Tista' l-Ministru tara li l-lift li hemm installat fl-indirizz li qed jintbagħat separatament u li ilu wieqaf is-snin jerġa' jibda jitħaddem immedjatament, għall-benefiċċju tal-familja residenti fuq nett, peress li din għandha membru b'diżablita'? Ma jistax ikun li din il-familja tibqa' tgħix f'din is-sitwazzjoni minħabba l-irresponsabilita' ta' l-inkwilini l-oħrajn.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-anzjani li jagħlqu s-70 sena iħallsu l-liċenzja tagħhom kull sentejn u mhux bl-istess mod bħal dawk ta' etajiet oħra u dan minħabba li qed jeħlu aktar charges minn oħrajn?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li bis-saħħa ta' emenda li saret fi Frar ta' din is-sena fir-Regolamenti dwar il-Liċenzji għas-Sewqan ta' Vetturi bil-Mutur, il-liċenzja tas-sewqan ta' persuni li jkunu għalqu s-70 sena bdiet tiġġedded kull ħames snin minflok kull sentejn. Din l-emenda tinsab fir-Regolament Nru 7 ta' l-Avviż Legalli 25 ta' l-2007 li kopja tiegħu qed nerġa' nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, hux milqut mil-liġi tal-Possession and Use? Jista' jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titluta' pussess u użu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-file, li qed jintbagħat separatament, fejn biċċa art ta' kejl 835 metru kwardu, u li tinkludi fuqha parti minn razzett, kienet ġiet esproprijata u s-sidien qatt ma tħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kumpens għal art ta' kejl ta' 835 metru kwadru, li tinkludi fuqha parti minn razzett, u li dettalji tal-file intbagħtu separatament, u li ġiet esproprijata, ikun jista' jitħallas meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet jipproċessaha u isir ħlas mill-fondi neċessarji.