Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26547 u jgħid fejn tibda u tispiċċa r-responsabbilta' rispettiva ta' l-Enemalta u tal-kunsilli lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz fir-rigward ta' dak li huwa street lighting f'żoni residenzjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-responsabbilita' tal-Kunsilli Lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz f'żoni residenzjali, tibda mit-twaħħil ta' l-isolator, li jinxtara mill-Kunsill stess u tibqa' sejra sat-twaħħil tal-bozza permezz ta' cable imwaħħal ma' l-istess isolator.
L-Enemalta hija responsabbli li tgħaddi s-supply ta' l-elettriku, mill-main sa l-isolator.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li pazjenti li jmorru fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta li jkollhom bżonn attenzjoni ferm bażika ta' kiropodija jgħidulhom biex jagħmlu appuntament anke meta ma jkunx hemm wisq nies biex jinqdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizz ta' Kiropodija ilu jingħata bl-appuntament għal numru ta' snin. Fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta biss il-kiropodisti jaraw medja ta' aktar minn 32 pazjent kuljum bl-appuntament, jiġifieri mal-għaxart elef pazjent fis-sena. L-appuntamenti jingħataw kollha f'ħinijiet differenti ħalli meta pazjent imur biex jinqeda ma jdumx jistenna. Dan jista jagħti l-impressjoni li m'hemmx ħafna nies f'dik il-ġurnata partikolari.
Kull każ urġenti jarawh mingħajr appuntament.
Jista' l-Ministru jara li jitressaq l-arblu tad-dawl li hemm quddiem ir-residenza tal-familja mill-Għargħur, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, billi kważi imiss mal-gallarija tagħhom u għalhekk joffri nuqqas ta' sigurta' għalihom f'darhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret, ma jirriżultax li hemm element ta' nuqqas ta' sigurta u għalhekk m'hemmx bżonn li tittiħed azzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu jkun għoli l-ilqugħ proviżorju waqt li jkun qed issir xogħol f'postijiet minn fejn wieħed jista' jaqa' minn għoli ta' aktar minn 2 metri? Din il-mistoqsija qed issir b'referenza għal bjut, travi, slielem, bini għoli, baċiri, bridges, eċċ waqt li jkun qed isir ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema ħlejjaq ta' l-art huma fil-periklu li jinqerdu (extinction) mill-gżejjer Maltin? X'qed jagħmel il-Ministru biex jilqa' għal dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi speċi ta' l-art li huma rari jew mhedda, u li l-għixien tagħhom huwa rregolat biex ma jkunux fil-periklu li jinqerdu. Għaldaqstant hemm diversi liġijiet li jħarsu dawn il-ħlejjaq. L-aħħar liġijiet kbar inħarġu fl-2003 u l-2006 permezz tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, l-Fawna u l-Ambjenti Naturali. Dawn fihom lista ta’ pjanti u annimali mhedda fil-Gżejjer Maltin, u li għalhekk huma mħarsa.
Tagħrif dwar dawn l-ispeċi jinsab ukoll fir-
Red Data Book of the Maltese Islands
, (ippubblikat fl-1989 u li bħalissa qiegħed ikun rivedut b'tagħrif aktar reċenti) u fis-sit elettroniku ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha tkun għolja l-opramorta fuq galleriji, bjut, u postijiet oħra minn fejn wieħed jista' jaqa' għoli ta' aktar minn żewġ metri? Jista' jikkonferma jekk l-opramorta tridx tkun waħda permanenti?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu mill-ADT l-uffiċjali, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, minn kemm ilhom sospiżi u minn meta ngħataw l-interdizzjoni perpetwa, b'mod separat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li s-salarju li thallsu l-ufficjali msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taht
Mit-23 ta' Gunju 2006 sa Gunju 2007 (kemm ilhom sospizi): Lm2940.81
Mit-30 ta' Jannar 2007 (meta inghataw l-interdizzjoni perpetwa): Lm1235.45
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26820 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investivemnt, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferutha lilha, u tara għaliex anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha l-karta r-roża u li qabela ma kenitx tħallas surcharge fuq id-dawl u l-ilma, fl-aħħar kont li rċeviet qed tintalab biex tħallas is-surcharge? Din intitolat għal rebate? Tista' tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26821 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u tara jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, u li għandha l-kartuna r-roża hix intitolata għal rebate fuq is-surcharge? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn assistant care workers m'għandhomx l-opportunita' li jsiru health assistants wara ċertu ammont ta' żmien ta' servizz, l-istess bħalma għandhom hospital auxillaries, meta l-assistant care workers qed jagħmlu l-istess tip ta' xogħol bħal health assistant nursing aids? Ma jidhirlux l-Ministru li din hija diskriminazzjoni żejda bejn dawn il-kategoriji differenti ta' ħaddiema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond il-ftehim li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-Unions rispettivi fil-5 ta' Ottubru 1989, kien ġie miftiehem li l-Hospital Auxilliaries biss li jkollhom ħmistax (15) -il sena servizz ikollhom iċ-ċans li jagħmlu ad hoc course ta' tliett xhur biex ikunu jistgħu jsiru Health Assistants.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qam flus il-ktejjeb fuq l-Isptar Mater Dei li ntbagħat fid-djar tan-nies dan l-aħħar? Fejn ġie stampat? Min ngħata l-kuntratt tad-disinn? Kemm ġew stampati kopji? Kemm tħallsu flus biex dan il-ktejjeb ġie mqassam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li l-Ministeru tal-Finanzi approva għall-investiment tal-Gvern fi SmartCity? Fhiex jikkonsisti dan l-investiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Gvern m’hu ser jagħmel l-ebda investiment fil-proġett ta’ SmartCity. L-investiment ser isir kollu minn SmartCity (Dubai) FZ-LLC.
Fil-fatt, għalkemm il-ftehim kien jistipula li SmartCity (Dubai) FZ-LLC kellha tħallas għall-ishma tal-Gvern fid-data definita bħala
closing date
fil-kuntratt approvat minn din il-Kamra, l-istess kumpanija diġa ħallset għall-ishma imsemmija u l-Gvern diġa ngħata t-titlu tagħhom. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċertifikati ta’ l-MFSA relattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investiment irid jagħmel il-Gvern in konnessjoni ma' SmartCity? X'inhi l-istima biex isiru xogħljiet infrastrutturali li hemm bżonn biex tibda topera SmartCity? X'tip ta' xogħlijiet iridu isiru u li ġew approvati mill-Ministeru tal-Finanzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew approvati call for applications għall-impjiegi mal-gvern jew ma' entitajiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm minn dawn kienu fuq bażi temporanja u kemm fuq bażi indefinita? Kemm minn dawn il-call for applications kienu internal u kemm external u x'inhu s-salarju offrut u x'benefiċċji hemm ma' tali mpjiegi? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2005, 2006, 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-ministeru fi SmartCity matul din is-sena 2007? Kemm minn din is-somma kienet għal konsulenza jew pariri legali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26655 u jgħid min kienu l-uffiċjali/ħaddiema li rriżenjaw u jew spiċċaw mix-xogħol fid-dipartimenti, ministeru, entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Mejju, 2004 'l quddiem? Liema vaganzi mtlew u liema għadhom pendenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Din ir-risposta hija ssuġġerita:-
L-informażżjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament kif ukoll jara li jingħata kumpens xieraq lis-sajjied in kwestjoni? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
It-Taqsima għall-Affarijiet Veterinarji, l-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd qatt ma ħarġet kumpensi lil sajjieda għal ħsarat li huma jkunu ġarrbu minn terzi persuni.
F’kull każ li jiġi rrapurtat lil din it-Taqsima, din tfittex il-parti li tkun ikkawżat id-dannu u titlobha biex tersaq għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ partijiet. Hekk ukoll għamlet fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant. Madankollu, ir-responsabbilità ta’ kif ser jimxi l-proċess u jekk hux ser tkompli tieħu azzjonijiet skond id-drittijiet li tagħtiha l-liġi huma f’idejn il-parti li tkun sofriet id-danni.
Bl-ebda mod ma tista’ t-Taqsima għall-Affarijiet Veterinarji, l-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd tieħu l-post tal-mekkaniżmu legali u ġudizzjarju jew ta’ xi soċjetà assiguratriċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru tiegħu u mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, separatament matul din is-sena? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'rimunerazzjoni u jew benefiċċji għandhom u jekk ġewx ingaġġati fuq bażi temporanja jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi trid tagħmel persuna biex l-isqaq fejn toqgħod li diġa' ġie dikjarat bħala sqaq privat tal-istess persuna f'kawża li din il-persuna kienet għamlet kontra l-Gvern ta' Malta, biex dan l-istess sqaq jiġi rikonoxxut bħala "Sqaq Privat" mill-entita' tal-Gvern li tieħu ħsieb l-ismijiet tat-toroq?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Avviż Legali 176 ta' l-1995, l-għoti ta' isem ta' triq jew l-għoti mill-ġdid ta' isem ta' triq mhux arterjali jew distributorja jaqa' fil-kompetenza tal-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq wara li "... il-Kunsill Lokali ta' dik il-lokalita' jissottometti r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru responsablbi għall-Pulizija li għandu jirreferi ... lill-Kumitat għat-Tismija ta' Toroq proprju, għall-parir tiegħu".