Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Riklami awdjo-viżivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26749 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu flus f'riklami awdjo-viżivi biex jipproġettaw l-Isptar Mater Dei meta din m'hijiex ażjenda kummerċjali u għaldaqstant kulħadd ser ikun intitolat - almenu għall-bidu - li jagħmel użu b'xejn mis-servizzi mediċi tiegħu? B'kollox kemm huwa budgeted li jintefaq f'reklami bejn issa u l-ftuħ uffiċjali ta' l-isptar? Minn liema budget qed jittieħdu dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

PSC — Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-Public Service Commission għandha każijiet pendenti u kemm ilhom pendenti? X'inhi l-proċedura li timxi fuqha biex titratta l-każijiet pendenti? Hija parti mill-proċedura stabbilita tal-PSC li tibgħat biex tisma' lil kulmin ikun involut fil-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Hal Qormi — Triq Pietru Felici

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl tal-lampi ta' Triq Pietru Felici f'Ħal Qormi qed jinqata' ta' spiss u ta' sikwit ir-residenti li jgħixu f'din it-triq jisfaw fid-dlam?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet l-Enemalta ma jidhirx li hemm problema ta’ street lighting fit-triq imsemmija.

Chadwick lakes — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid, wara talba li saret minn diversi residenti, lil min ingħatat it-tender biex isir xogħol ta' tarmacfiċ-Chadwick Lakes? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? X'xogħol ser isir u meta se jibda dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li wara sejħa għall-offerti ta' xogħol it-tenders kienu adgudikati w ix-xogħol ingħata lid-ditta Polidano Brothers. Il-valur tax-xogħol huwa ta' madwar Lm35,000 u jikkonsisti l-iżjed fl-asfaltar tat-triq. Ix-xogħol mistenni jibda fil-gimgħat li ġejjin. .

Kappara — Tindif ta' toroq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru dak li qed jgħid il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li m'għandux flus mill-gvern ċentrali biex inaddaf it-toroq fil-Kappara? Jekk fl-affermattiv, x'jista' jagħmel wieħed biex dawn it-toroq jitnaddfu? Peress li l-ġnien Camilleri għadu fi stat ħażin, jista' jgħid jekk dan huwiex minħabba nuqqas ta' flus ukoll?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-formola ta' finanzjament tal-Kunsilli Lokali tieħu in konsiderazzjoni il-funzjonijiet statutorji kif ukoll l-assi tagħhom. Għar-rigward il-Kunsilli Lokali ta' San Ġwann ninsab infurmat illi, għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha (i.e. 2007 - 2008), il-Kunsill ingħata ammont ta' Lm7,272 biex jieħu ħsieb il-ġonna fil-lokalita' tiegħu. Għal ġnien G.M.Camilleri in partikolari ġiet allokata s-somma ta' Lm2,106. Fejn jirrigwardja knis u qtugħ ta' ħaxix, il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann din is-sena ġie allokat is-somma ta' Lm30,797. Minn dawn, Lm7,374 huma allokati għall-Kappara.

SmartCity

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26965 u jgħid x'tip ta' investiment irid jagħmel il-Gvern in konnessjoni ma' SmartCity? X'inhi l-istima biex isiru xogħljiet infrastrutturali li hemm bżonn biex tibda topera SmartCity? X'tip ta' xogħlijiet iridu isiru u li ġew approvati mill-Ministeru tal-Finanzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Fir-rigward ta’ l-ewwel mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghal mistoqsija Nru. 26964. Fir-rigward tat-tieni u t-tielet mistoqsija nikkonferma li ma hemm l-ebda xogholijiet infrastrutturali necessarji biex SmartCity tibda topera. Dan minhabba li l-infrastruttura ezistenti hija adegwata ghall-ewwel fazi tal-progett. Ix-xogholijiet li huma ppjanati huma necessarji ghal-fazijiet sussegwenti tal-progett. Nemfasizza li dawn ix-xogholijiet ser jibennefika minnhom in-nofsinhar ta’ Malta kollu u mhux il-progett biss. Biex inehhi kull dubbju li jista’ jkun hemm ix-xogholijiet infrastrutturali kollha marbutin mal-progett innifsu huma r-responsabbilta tal-kumpanija SmartCity (Malta) Ltd.

Benefiċċju għal mard

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-benefiċċju għal mard jitħallas fuq bażi ta' sitt ijiem u mhux sebat ijiem, meta ħaddiem irid jiekol u jgħix sebat ijiem u mhux sitta biss? U għaliex ma jitħallasx tal-festi pubbliċi? Ma jidhrilhiex li din hija inġustizzja u twaddab lura lil dawk il-familji u individwi li jkunu qed jiddependu minn dan il-benefiċċju biss għall-għixien tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi għall-ħlas ta’ benefiċċju kontributorju għal mard għal dawk il-ġranet li persuna normalment taħdem. Din hi r-raġuni għaliex dan il-benefiċċju ma jitħallasx għas-sebat ijiem kollha tal-ġimgħa. Kif kelli l-okkazzjoni li ngħid pubblikament, anki f’din il-Kamra, bħalissa għaddej studju dwar r-riforma fil-liġi tas-Sigurta’ Soċjali u l-punt imqajjem mill-Onor. Interpellanti ġie mressaq għall-konsiderazzjoni tal-grupp ta’ esperti involuti.

Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26970 u jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru tiegħu u mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, separatament matul din is-sena? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'rimunerazzjoni u jew benefiċċji għandhom u jekk ġewx ingaġġati fuq bażi temporanja jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Uffiċċju ta' l-Istatistika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ser jitħallsu dawk il-ħaddiema mqabbda mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika biex jiġbru informazzjoni dwar survey li sar lejn l-aħħar tas-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlas għas-survey li sar lejn l-aħħar tas-sena 2006 se jkun mas-salarju tat-12 t’Awissu 2007.

Impjegati tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26966 u jgħid kemm ġew approvati call for applications għall-impjiegi mal-gvern jew ma' entitajiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm minn dawn kienu fuq bażi temporanja u kemm fuq bażi indefinita? Kemm minn dawn il-call for applications kienu internal u kemm external u x'inhu s-salarju offrut u x'benefiċċji hemm ma' tali mpjiegi? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2005, 2006, 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tappieri

Question

Peress li r-residenti ta' St Mary Street, Sliema ilhom għal 99 ġurnata bla rqad, kawża ta' tappieri li qegħdin jagħmlu ħoss kbir minħabba xogħol ħażin li sar minn kuntrattur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ħadem it-triq u li l-pedamenti ta' dawn it-tappieri sar ħażin jew ma sarx, jista' l-Ministru jara li l-ħsarat jitranġaw minnufih mill-istess kuntrattur u forsi jekk hemm xi retention money dan jintuża biex ix-xogħol isir sew? F'każ negattiv, min hu responsabbli għal dan ix-xogħol u min allura suppost jirranġa dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Qawra — Triq Ġulju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq Ġulju Qawra/Buġibba, għad li l-kostruzzjoni li kienet għaddejja tlestiet, is-sodda tat-tower crane ma tneħħietx u hi ta' ngombru u eyesore?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninform lill-Onorevoli Nterpellant li permessi ta' "tower cranes" huma fil-kompitu tal-Kunsill Lokali kkonċernat. L-ADT ġibdet l-attenżjoni tal-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar biex jieħu azzjoni mmedjata.

Jerma Palace Hotel — Bejgħ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li meta nbiegħet il-Jerma Palace Hotel il-gvern biegħ dik l-art tal-gvern li fuqha kien sar encroachment mis-sidien preċedenti? Jekk hu minnu, jista' l-Ministru jippreżenta kopja ta' dan il-kuntratt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, mhux minnu li meta nbiegħet il-lukanda Jerma Palace f'Marsaskala, il-Gvern biegħ xi art tal-Gvern.

Romol li jibqgħu jaħdmu

Question

In vista tal-wegħda li saret fl-aħħar budget u ċioe' illi dawk li jormlu u jkunu kapaċi jaħdmu u effettivament ikunu fl-impjieg m'humiex se jitilfu d-dritt tagħhom li jibqgħu jirċievu l-pensjoni tar-romol u dan b'effett minn Jannar 2007, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tali persuni ġew imċaħħda mid-dritt li jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni għax jinsabu fl-impjieg?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment konċernat għaddej b’eżerċizzju biex jiġu identifikati l-persuni li se jibbenefikaw mill-miżura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u qed isir it-tibdil meħtieġ fis-software tas-sistema ta’ l-assessment u l-ħlas biex dawn il-benefiċjarji jirċievu l-pensjoni dovuta. Ninsab infurmata wkoll li, hekk kif jiġu finalizzati dawn il-proċessi, dawk li għandhom dritt għal din il-pensjoni minn Jannar 2007 ser jirċevuha bl-arretrati minn dik id-data. Għalhekk mhux il-każ li jingħad li dawn il-persuni ġew imċaħħda mid-dritt li jirċievu l-benefiċċju dovut.

Receiver of wrecks

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi appuntat receiver of wrecks sabiex jiġu mgħoddija skond il-liġi dawk il-bċejjeċ tal-baħar li nstabu abbandunati u li qegħdin isofru ħsara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima se tieħu l-passi neċessarji biex jinħatar receiver of wrecks.

Skema tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskema li għandha l-MEPA magħrufa bħala Timber Replacement Scheme, ma tapplikax għal raħal antik bħal Hal Qormi u meta l-istess MEPA tidentifika ħafna mill-area f'dan ir-raħal bħala urban conservation area? X'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sal-lum l-iskema kienet limitata għall-Belt Valletta, għall-Floriana u għall-ibliet tal-Kottonera għal raġunijiet ta’ limitazzjonijiet ta’ fondi.

Mediċina Omerprazole

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Omerprazole 20mg hija out of stock? Kemm ilha out of stock? Meta se tkun available fl-ispiżeriji tal-gvern? X'qed jiġu offruti l-pazjenti li huma eliġibbli għal mediċini b'xejn u huma ordnati li jieħdu din il-mediċina bħala kura għall-kundizzjoni tagħhom mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Omeprazole 20 mg waqgħet out of stock madwar ġimgħa ilu, minħabba żieda fil-konsum fi żmien meta s-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern kien hemm problemi waqt l-aġġudikar tat-tender, ta' natura regolatorja u ta' prezz. Is-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern qed jistennew ordni ġdida imminenti. Saret ridistribuzzjoni ta' l-istock bejn id-diversi sptarijiet u polikliniċi tal-Gvern sabiex il-pazjenti xorta jibqaw jinqdew kemm jista jkun f'dan il-perjodu fejn il-mediċina spiċċat out of stock.

Safi — Linji sofor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-awtoritajiet konċernati b'mod partikolari l-ADT, qed tippermetti ksur tal-liġi billi tħalli li jsiru linji sofor doppji quddiem aċċessi li ma jintużawx bħala garage, stante li l-fond jintuża bħala kċina bħalma hu l-każ fi Triq il-Biedja, Safi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita Dwar it-Trasport ta' Malta ma tapprovax linji sofor doppji quddiem garaxxijiet. Permessi għal linji sofor relatati ma' access liberu għal garaxx, jinħarġu skond il-Policy for Unimpeded Access to Garages. Skond l-Att ta' l-Awtorita' Dwar it-Trasport, l-awtorita' hija responsabbli mill-aspetti tat-trasport li jseħħ f'toroq pubbliċi kif definit l-istess att. L-Onor Interpellant qed jirreferi għall allegat abbużi relatati mal-uzu ta' propjeta' privata. L-Awtorita' m'għandiex dritt bil-liġi li titlob għal aċċess ta' garaxxijiet privati sabiex tivverifika l-użu tagħhom. Għaldaqstant, f'każijiet bħal dawn, l-awtorita' tibbaża d-deċiżjonijiet relatati ma' garaxxijiet privati fuq il-permessi tal-bini maħruġin mill-Awtorita' ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Tfigħ ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru, in vista tal-fatt li għad li saru diversi rapporti lid-dipartiment konċernat baqa' nedempjenti u ma ħa l-ebda passi sabiex jara li ma jkun hemm l-ebda traskors ta' tfigħ ta' l-ilma fi Triq l-Imħar, Triq Ġulju, Triq il-Knisja fost toroq oħra f'San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li kull darba li ġie reġistrat xi lment dwar xi tfiegħ jew ħruġ ta' ilma, dan dejjem ġie investigat kontra dak li qiegħed jallega l-Onor. Interpellant u dejjem ittieħdu l-passi neċessarji skond il mertu tal-każ mill-ispetturi rispettivi tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Minn spezzjonijiet li saru mill-ispetturi tar-reġjun fil-5 ta' Lulju 2007 f'diversi toroq f'San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra nkluż dawk indikati jiġifieri Triq l-Imħar u Triq il-Knisja, ma ġie nnutat l-ebda ilma. Fir-rigward ta' Triq Ġulju f'Buġibba, l-ilma li kien nieżel mat-triq kien kawża ta' tiswijiet mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq main ta' l-ilma fi Triq Luigi Preziosi.