Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Testijiet fuq pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk isirux testijiet tad-demm, ECG u chest x-ray bħala rutina fuq kull pazjent li jingħata loppju ġenerali fl-Isptar San Luqa, irrispettivament mill-eta' ta' l-individwu? Nista' ningħata wkoll tagħrif dwar kemm tlaħħaq l-ispiża fis-sena biex isiru dawn it-testijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-testijiet li jsiru fuq il-pazjenti jsiru meta jintalbu klinikament u mhux b'rutina. Numru ta' sorsi awtorevoli jindikaw li r-relevanza ta' dawn it-testijiet dejjem qegħda tonqos. L-ispiża ta' dawn it-testijiet ma tistax tingħata għaliex ma tinżammx informazzjoni separata għal kull każ iżda tinżamm informazzjoni b'ċifra globali.

Valletta Rehabilitation Project

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Valletta Rehabilitation Project fil-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pavimentar tat-toroq tal-Belt Valletta qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Bini u l-Inġinerija u mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Il-Valletta Rehabilitation Project mhux involut direttament fl-eżekuzjoni ta’ dan il-proġett.

Pavimentar tal-Belt Valletta

Question

B'referenza għax-xogħol ta' pavimentar li qiegħed isir fil-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħditx l-opportunita' sabiex il-cables ta' l-Enemalta jitpoġġew taħt wiċċ it-triq bħalma sar meta ġew pavimentati toroq oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fi Triq il-Merkanti u t-toroq u l-pjazzez tal-madwar, fil-Belt Valletta, il-cables ta' l-EneMalta diġa' għaddejjin minn taħt l-art. Barra minnhekk, tpoġġew duet routes ġodda f'każ li l-EneMalta ikollha bżonn tgħaddi xi servizzi ġodda f'din it-triq. Tqiegħed ukoll duet route ġdid sabiex jinxtgħel bini storiku f'din it-triq. Dan ix-xogħol kollu qiegħed isir bi qbil ma' l-EneMalta li ser tieħu ħsieb ukoll li jtejjbu u jżidu s-sistema ta' street lighting.

Imtarfa bypass — Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu d-diskussjonijiet ma' l-Enemalta sabiex jiġi provdut street lighting fil-bypass ta' l-Imtarfa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li ġie deċiż li jsir lighting man-naħa tal-pedestrian facilities li hemm f’din it-triq peress li fi triq se jitwaħħlu il-‘cats eyes’.

Valletta — Pavimentar

Question

B'referenza għall-pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid meta nħarġet it-tender għax-xiri tal-materjal għall-pavimentar? Meta se jibda x-xogħol ta' pavimentar u meta suppost jitlesta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi t-Tender għall-provvista u tqegħid ta’ pavimentar fi Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann fil-Belt Valletta, ġiet ippublikata fit-13 ta’ April, 2007 u għalqet fil-5 ta’ Ġunju, 2007. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ aġudikazzjoni ta’ l-offerti sotomessi. Ix-xogħol ta’ pavimentar jinbeda meta tingħata din it-Tender.

Permess tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fi triq il-Merkanti u Triq Santa Luċija fil-Belt? Dawn il-permessi jinkludu ċ-ċaqliq tal-monti għal quddiem is-suq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess Nru.PA4716/06 kif mitlub mill-Onor Interpellant. Dan il-permess ikopri x-xogħol fi Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann fil-Belt Valletta iżda ma jkoprix ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq Santa Lucia. Dawn ix-xogħlijiet huma żvilupp permess skond DNO Class 3 Section 1(ii) – (titjib u manutenzjoni ta’ toroq eżistenti). Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess tal-MEPA ta' dawn ix-xogħolijiet ħareġ wara perjodu ta' evalwazzjoni u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet kollha konċernati. Dan jikkontrasta bil-kbir ma' dak li ġara fuq il-permess ta' Strada Repubblika (PA01017/98) li f'xaharejn kien ġie evalwat u approvat. Dwar iċ-ċaqliq tal-Monti, l-Onorevoli Interpellant hu ġentilment mitlub jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Problema ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara li ħaddiema mid-dipartiment tad-drenaġġ jaraw il-problema li għandha anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li jidher li din il-problema hija minn barra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tinvestiga dan l-ilment.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinħareġ iċ-ċittadinanza Maltija lil persuna Bulgara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha miżżewġa Malti mis-sena 2000? Jista' jitmexxa dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. Malli tittieħed deċiżjoni dwar dan il-każ il-persuna konċernata tiġi mgħarrfa biha minnufih.

Koppja anzjana — Sussidju fuq dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni lill-koppja anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għaliex ma għadhiex tieħu sussidju fuq l-arloġġ tad-dawl u l-ilma u għaliex mhux tieħu sussidju fuq is-surcharge? Tista' tiġi nfurmata direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Marda Fibromyalgia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-marda Fibromyalgia hijiex rikonoxxuta mill-gvern? Kemm hawn minnha Malta? X'tip ta' benefiċċju għandhom? X'tip ta' pilloli jieħdu għaliha? Hemm kumpens għaliha? Qatt il-gvern bagħat persuni għall-kura barra l-pajjiż? Jekk iva, kemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fibromyalgia hija kundizzjoni li ma hawnx kura speċifika għaliha. Mediċini li jintużaw biex itaffu s-sintomi ta' din il-kundizzjoni jinkludu pilloli għal uġieħ, tricyclic antidepressants, selective serotonin reuptake inhibitors u anti-seizure drugs. Il-fibromyalgia mhix inkluża fil-lista tax-Schedule V. Għaldaqstant il-pazjenti huma ntitolati biss għal dawn il-mediċini li jistgħu jinkisbu fuq il-kartuna r-roża bħal ma huma l-amitriptyline, fluoxetine, paroxetine, diazepam, paracetamol, ibuprofen, codeine. Ma jeżistux studji li jiddeterminaw preċiż il-frekwenza tal-fibromyalgia f'Malta. Qatt ma ntbagħtet xi persuna għal kura barra minn Malta.

Bonus lill-anzjani

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-bonus ta' Lm58 li jingħata kull sitt xhur lill-anzjani hux taxxabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bonus li jitħallas kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-pensjonanti huwa taxxabbli. Naturalment dan japplika jekk id-dħul totali tal-persuna jaqbeż it-tax free bracket.
Leg 10 PQ #27059 Sitting 548 2007-07-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Pilloli Omeprayole

Question

Peress li l-pilloli Omeprayole-20 huma out of stock mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u ħafna pazjenti qed ibatu minn inkonvenjenti kbar, tista' l-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-mediċina Omerprazole hija out ot stock fl-istores ta' St. Luke's. Il-problema hija waħda teknika rigward xi reġistrazzjoni li għandha bżonn approvazzjoni biex tinxtara minn barra.

SmartCity

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26964 u jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li l-Ministeru tal-Finanzi approva għall-investiment tal-Gvern fi SmartCity? Fhiex jikkonsisti dan l-investiment?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26964.

Bini ta' pent house

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26379, jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini ta' pent house hux kopert bil-permess imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-penthouse li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru hija koperta bil-permess PA 5884/05.

Nefqa għall-open day fl-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min-naħa tad-dekasteru tiegħu kemm kienet in-nefqa u jagħti breakdownta' din in-nefqa inkluż rati mħallsa lill-ħaddiema li ħadu parti għall-open days li saru f'Mater Dei fit-30 ta' Ġunju, 2007 u l-1 ta' Lulju, 2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nefqa f'overtime tal-ħaddiema li ħadu parti għall-Open Days li saru f'Mater Dei bejn it-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2007 għadhom qed jiġu verifikati mal-attendenzi.L-informazzjoni ser tittpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra la darba tkun lesta.

Nefqa għall-open days fl-isptar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa u jagħti breakdown ta' din in-nefqa inkluż overtime ta' ħaddiema għall-open days li saru f'Mater Dei fit-30 ta' Ġunju, 2007 u l-1 ta' Lulu, 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Nfiq fuq reklamar ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tlett xhur, min-naħa tad-dekasteru tiegħu kemm kienet in-nefqa f'reklamar dwar l-isptar Mater Dei fuq it-televiżjoni, radjijiet, gazzetti, magazines, billboards, eċċ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.