Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ kumpanniji li ma ħallsux il-bolla tal-NI tal-ħaddiema tagħhom din is-sena? Kemm hi ċ-ċifra ta’ flus globali pendenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li madwar 2800 kumpannija, li għadhom irreġistrati mad-Dipartiment iżda li mhux neċessarjament għadhom jimpjegaw ħaddiema, għadhom ma ħallsux il-bolla tal-N.I. għal din is-sena.
Peress li dawn il-kumpanniji għadhom ma bagħtux id-dokumenti neċessarji l-ammont attwalment dovut għadu ma jistax ikun stabbilit.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ fabbriki li għalqu matul din is-sena? Kemm għalqu fabbriki fis-senin 2000, 2001 u 2002?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2003 għalqu zewg (2) fabbriki li fil-fatt, l-operazzjonijiet tagħhom ġew amalgamati ma' dawk ta’ kumpannija ohra.
Fis-sena 2000 għalqu disgħa (9) fabbriki, matul is-sena 2001 għalqu hdax (11) filwaqt li matul l-2002 għalqu tlettax (13) il-fabbrika.
Fl-istess perjodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2002 fetħu 57 fabbrika ġdida.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda li mistennija jiġġeneraw il-fabbriki eżistenti f’Malta u Għawdex separatament sa l-aħħar ta’ din is-sena u x’ħiliet jirrikjedu dawn l-impjiegi?
Response (DALLI, JOHN)
Skond tbassir ta' kumpaniji eżistenti f'Malta u f'Għawdex, dawn għandhom jiġġeneraw 5152 impjieg. Pero l-Onorevoli Interpellant jifhem li fiż-żmien ta' taqlib ekonomiku li għaddejjin minnu, t-tbassir ma jirrejaliżżax ruħu kif maħsub.
Fil-preżent, jista’ il-Ministru jgħid kemm hi l-kera ta’ kull metru kubu ta’ fabbriki u garaxxijiet industrijali f’Malta u Għawdex separatament? Kemm fil-fatt kienet l-istess kera matul l-aħħar ħames snin, sena b’sena separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li taħt l-Att Dwar Żvilupp Industrijali il-kera ta’ fabbriki kienet regolata mill-Liġi nnifisha u allura l-fabbriki kienu jinkrew għal perjodu ta’ 16 il-sena bir-rata ta’ Lm1.75 il-metru kwadru fis-sena għall-ewwel 3 snin u mbagħad bir-rata ta’ Lm4.00 il-metru kwadru fis-sena għat-13 il-sena sussegwenti. Ma kienet issir l-ebda distinzjoni bejn fabbriki f’Malta u fabbriki f’Ghawdex.
Bl-emendi fl-Att Dwar Żvilupp Industrijali u l-pubblikazzjoni tal-Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju u ir-Regolamenti relattivi matul l-2001, il-kera applikabbli għal kirjiet ġodda tal-fabbriki bdiet tiġi stabbilita mill-Korporazzjoni Maltija Għall-Iżvilupp. Din il-kera tieħu in konsiderazzjoni it-tip ta’ struttura, l-eta`, il-kundizzjoni, il-lokazzjoni tal-fabbrika u n-natura ta’ l-investiment.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konferma uffiċjali li l-Gvern ta’ Malta għandu mill-GRTU u mill-Kamra tal-Kummerċ u mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, li dawn l-entitajiet huma favur ir-regoli ġodda tas-salvagwardji ta’ prodotti tal-biedja lokali li ġew dikjarati mal-bdiewa, mar-raħħala u ma’ l-agro industrija matul l-elezzjoni ġenerali li għaddiet? Kif fil-fatt se taħdem din is-sistema tas-salvagwardji tal-biedja lokali? Huwa l-każ li l-UE trid tapprova r-rakkmandazzjonijiet in kwestjoni li jsiru mill-awtoritajiet lokali kemm-il darba jinqala’ l-bżonn li jiġu applikati dawn is-salvagwardji msemmija?
Response (DALLI, JOHN)
Peress li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi primarjament għas-settur tal-biedja, nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra ta’ ħlas ta’ flus pendenti tal-bolla tal-NI li s-sena l-oħra kienu dovuti li jħallsu l-kumpanniji privati, parastatali, eċċ. f’Malta u Għawdex separatament? Kemm fil-fatt kienu l-ammonti li tħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jogħġbu l-Ministru jgħid kemm studenti ser jiggradwaw mill-Institute for Tourisim Studies fi tmiem din is-sena skolastika?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-għadd ta' studenti li jistgħu jiggradwaw mill-I.T.S. fi tmiem din is-sena skolastika hu ta' mitejn u erbatax (214)-il student fil-livell ta' Ċertifikat u tmenin (80) student fil-livell ta' Diploma. Ma' dawn hemm erba' (4) studenti barranin li wkoll jistgħu jiggradwaw.
Ta' min isemmi li mill-istudenti li qed jistudjaw għad-Diploma, hemm tlettax(13) fil-Higher Diploma in Hospitality Management u li jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fit-tielet sena tal-kors BA (Hons) Tourism Studies fl-Universita' ta' Malta.
Jogħġbu l-Ministru jgħid meta ser tidħol fis-seħħ dik il-parti tal-kodiċi Kriminali li tiddisponi li l-arrest preventiv irid jitnaqqas ta' bilfors?
Response (BORG, TONIO)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-artikolu 8 tal-Att ta` l-2002 li jemenda l-Kodiċi Kriminali billi jissostitwixxi l-artikolu 22 tal-istess Kodiċi li jipprovdi għal kif isir il-kalkolu ta` kundanni ta` priġunerija. F`dan ir-rigward nagħmel riferenza għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 44 f`Seduta Nru. 5.
Jogħġbu l-Ministru jiddikkjara fiex wasal ix-xogħol strutturali fl-annex il-ġdid tal-Qorti fil-Belt Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta` natura strettament strutturali ġewwa l-Annex tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jkun hemm fiha l-Qorti tal-Familja tlesta lejn l-aħħar ta` Jannar 2003, pero` għad fadal xogħol ieħor li ma huwiex strutturali li qiegħed isir.
Jogħġbu il-Ministru jindika kemm-il post ta' irmiġġ ser ikun hemm fil-marina li qed issir ġewwa l-Kottonera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-Marina li qed issir ġewwa l-Kottonera ser ikun hemm 213-il post ta' irmiġġ fuq il-pontoons u 33 post ta' irmiġġ għall-superyachts. Ser ikun hemm ukoll irmiġġi għas-sajjieda u dilettanti tal-lokal.
Jogħġbu l-Ministru jindaga u jara li l-plot żdingat u mitluq fi Triq Anġlu Mangion,Tarxien jiġi mnaddaf mill-aktar fis u jekk hemm bżonn reċintat biex ma jintefax aktar skart fih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-verifikazzjonijiet neċessarji dwar l-art in kwistjoni ġew finalizzati u għalhekk il-proprjeta` ġiet reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. L-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni biex id-dipartiment ikun jista` jieħu deċiżjoni dwar l-aħjar użu ta` l-art in kwestjoni.
Jogħġbu l-Ministru jispjega x'qed isir jew x'kien isir mill-esebiti ta' ġurijiet li ilhom li ġew deċiżi, anke mill-Appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li tul dawn is-snin baqa` jsir l-istess bħal dawk ta` qabel u ċioe` li uħud mill-oġġetti li jiġu konfiskati jinżammu fl-arkivji tal-Qorti jew jiġu distrutti mentri l-oħrajn jibqgħu jinżammu fl-arkivji sakemm isiru l-proċeduri neċessarji sabiex jiġu ritornati lil sidhom.
Jista' il-Ministru jara xi żvilupp kien hemm dwar il-każ li korrispondenza dwaru tinsab ma' din il-mistoqsija? (Id-dettalji annessi flimkien ma' kopja ta' ittra in konnessjoni ma' din il-mistoqsija qed jintbagħtu separatament).
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun trattat mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali u r-rappreżentant f'Malta tal-persuna konċernata.
Dawn it-trattattivi qed isiru skond il-provedimenti tal-liġi l-ġdida dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali.
Jista' il-Ministru ġentilment jinvestiga jekk hux veru li ħareġ permess biex tinbena substation ta' l-Enemalta f'għalqa saqwija li tinħadem, liema għalqa hi magħrufa bħala Ta' Lanza u tinsab fi Triq iċ-Ċimiterju, Żabbar? Billi din l-għalqa hi waħda saqwija, għaliex art bħal din għandha tintuża biex fiha tinbena substation?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fi triq ic-Cimiterju, Żabbar, inħareġ permess għal substation ta’ l-Enemalta, applikazzjoni PA 1760/03, li nħareġ fid-9 ta’Mejju 2003. Is-sit inkwistjoni qçgħed indikat fit-Temporary Provision Scheme No. 56, li kien approva l-Parlament fl-1989 bħala art fiż-żona tal-iżvilupp.
Possibbli l-Ministeru tat-Turiżmu jara li l-public convenience li hemm fil-craft centre f'Ta' Qali tinfetaħ għax minkejja li ilha mibnija snin, baqgħet dejjem magħluqa bil-konsegwenza li t-turisti li ta' kuljum iżuru dan il-post m'għandhomx aċċess għal public convenience u jkollhom jinqdew fi ħwienet privati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Possibbli l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tara li kif bħalissa qed isir xogħol biex jinbidel il-main ta' l-ilma li hemm fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, fiż-Żejtun, titbiddel ukoll il-parti ta' l-istess main li hemm fit-triq li tagħti għal Wied iz-Ziju, fiż-Żejtun għaliex anke din il-parti tal-main hi antika u dejjem b'xi leakage ta' ilma? Billi t-triq li tagħti għal Wied iz-Ziju hija side road ta' fejn qed isir ix-xogħol bħalissa, possibbli li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tara li anke din il-parti tal-main tinbidel biex jiġi assigurat li ma jinħeliex aktar ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-progett imsemmi qed isir fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali li ried li jinghata wicc gdid tat-tarmak fit-triq imsemmija.
Il-parti tal-main li l-Onorevoli Interpellant irrefera ghaliha ma taqax fl-iskop ta` dan il-progett. Din il-parti ghalissa m`hix fost il-prijoritajiet tal-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma, u ghal daqstant mhix ser issir ghalissa. Madankollu mhux eskluza li ssir prijorita fil-gejjieni.
San Ġwann — Taż-Żwejt - Qtugħ fil-provvista ta' elettriku
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha kemm il-flat kif ukoll il-meter tad-dawl reġistrati f'isimha u skond l-informazzjoni li għandi jirriżulta li billi l-persuna - isimha wkoll qed jintbagħat separatament - li toqgħod fl-istess indirizz għandha xi kontijiet pendenti mal-korporazzjoni Enemalta, il-korporazzjoni qegħda taqta' id-dawl lill-inkwilina minkejja li hi ma għandha l-ebda kontijiet pendenti mal-korporazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant huwa nfurmat tajjeb imma jinhtieg jinghata spjegazzjoni fis-sens illi hemm kont pendenti li jirrelata ghal post iehor u jintbaghat fl-indirizz tal-konsumatur irregistrata.
Ghalhekk il-Korporazzjoni Enemalta tqis li ghandha dritt, skond id-dispozizzjonijiet ta` l-Electricity Supply Regulations, 1993, Sezzjoni XXX, klawsola 73, li tissospendi l-kurrent elettriku fil-fond ta` l-inkwilina fejn qed joqghod min ghandu l-kont pendenti mal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex veru li se jsir xi tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Malta International Airport? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid jekk tali tibdil huwiex se jaffettwa finanzjarjament lill-impjegati?
Response (GATT, AUSTIN)
L-MIA illum hija kumpanija b`maggoranza ta` l-ishma taghha f`idejn is-settur privat u ghalhekk m`ghandux aktar il-kompitu tal-Parlament li jittratta domandi dwar it-tmexxija jew amministrazzjoni ta` azjenda privata.
Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' repeat tourism pajjiż pajjiż, bejn is-snin 1998 u l-2002 sena b'sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li statistika uffiċjali rigward 'repeat visits' mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ma teżistix.
Permezz ta' sample survey li jitwettaq mid-Diviżjoni 'Strategic Planning and Research' ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu joħorġu ċ-ċifri li kopja tagħhom qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid f'hiex wasal il-proġett turistiku tal-White Rocks? Kemm ser iżid in-numru ta' sodod għat-turisti meta jitlesta dan il-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li rigward l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta' dan il-proġett, il-MEPA waslet biex tikkondkludi l-evalwazzjoni tagħha fuq ir-rapport sottomess mill-iżviluppaturi skond it-terms ta' l-E.I.S. (Environmental Impact Statement). Il-konklużjonijiet għandhom sussegwentement jitilgħu quddiem il-Bord tal-MEPA għall-approvazzjoni ta' l-applikazzjoni għall-iżvilupp.
Il-proġett jipproponi żvilupp li jinkludi elf sodda.