Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 312 u cioe' jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programmi ta' ħidma tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija għas-sena 2002 u 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għadu ma wasallix u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu passi biex jiżdied in-numru ta' pulizija speċjalment f'Paceville issa li dalwaqt jaslu eluf ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom ta' anqas minn sittax-il sena, biex jistudjaw l-Ingliż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed tittieħed azzjoni skond kif meħtieġ.
Stabilimenti tad-divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-eta' legali ta' 16-il sena nstabu f'xi ħanut jew post tad-divertiment fejn jiġi servut l-alkaħol u dan fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? F'liema lokalita' u kemm kienu l-postijiet differenti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien u / jew dak li jkun qed jieħu hsieb il-post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm 13-il persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija talli biegħu alkoħol lill-persuni ta` anqas minn sittax-il sena. Il-lokalitajiet fejn seħħew dawn il-każi kienu San Ġiljan, Marsascala u Baħar iċ-Ċagħaq.
Skejjel — Ċirkolari dwar żgħażagħ taħt l-eta' fi stabilimenti ta' divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni jhossx l-obbligu li qabel ma jibda s-sajf, peress li jiżdied sew in-numru ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom taħt l-eta', jibgħat ċirkulari li tfakkar lill-kapijiet ta' dawn l-iskejjel li l-liġi ma tippermettix lil żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li jidħlu f'bars u postijiet ta' divertiment, u dan għax l-iskejjel stess jorganizzaw ħafna mill-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani jħossu diġa dan l-obbligu u ħafna minnhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex l-istudenti taħt is-sittax il-sena, meta joħorġu filgħaxija, ikun hemm min jieħu ħsiebhom u jwissihom kontra dan il-periklu li l-liġi ma tippermettix. Il-Bord ta' Sorveljanza bi ħsiebu jibgħat Ċirkolari lill-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani kif suġġerit mill-Onor. Membru.
Pulizija — Żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu jixtru s-sigaretti
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm inqabdu żgħażagħ taħt is-sittax-il sena jixtru s-sigaretti? X'passi ttieħdu kontra s-sidien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena ma tressqet il-Qorti l-ebda persuna dwar l-offiżi li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Pulizija — Nies li nqabdu jpejpu f'NO SMOKING areas
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit u dan fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Fejn? Kien hemm xi każ fejn minn dawk li nqabdu kienu mpjegati tal-post?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta` din is-sena kien hemm persuna waħda li nqabdet tpejjep f`post fejn it-tipjip huwa projbit. Dan kien fl-isptar San Luqa u l-persuna involuta mhix impjegata hemm.
Wara t-tweġiba parlamentari dwar in-numru ta' ommijiet li kienu għadhom l-iskola u peress li jidher li l-attivita' sesswali ta' eta' żgħira qed tikber, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudenti kemm bniet kif ukoll subien fl-iskejjel sekondarji ta’ l-Istat jiġux mgħallma l-perikli tas-sess f'eta’ żgħira jew aħjar sex education?
L-istudenti jiġu mgħallma l-konsewgenzi u r-responsabbiltajiet taghhom wara t-twelid ta' tarbija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Sekondarji qed isir programm mill-għalliema tal-Personal and Social Development (PSD) fuq is-Sexuality and Relationship Education. Dan il-programm mifrux mill-Form I sa Form IV u s-sena d-dieħla jidħol ukoll fil-Form V. Fil-lezzjonijiet l-istudenti ma jiġux mogħtija biss tagħrif fuq is-suġġett iżda wkoll valuri u skills marbutin mas-suġġett.
L-istudenti kollha fil-Form IV jattendu wkoll seminar ta' tlett ijiem fejn is-suġġett tas-Sexuality and Relationship Education jiġi trattat bejn l-istudenti u l-għalliema tal-P.S.D. Fis-seminar jattendu studenti subien u bniet u jkun hemm parti mill-programm li jittratta dwar relazzjonijiet fejn is-subien u l-bniet ikunu flimkien. Naturalment joħorġu ahjar il-konsegwenzi u r-responsabiltajiet taż-żgħażagħ Maltin.
B'kollox kemm kien hemm pazjenti Maltin li telgħu Londra għall-kura u li ngħataw għajnuna jew appoġġ mis-sezzjoni medika fil-kummissjoni Ingliża ta' pajjiżna f'Londra fis-snin 2001 u 2002?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sezzjoni medika fil-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra tat l-għajnuna kollha meħtieġa lil 360 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 524 persuna oħra bejn tobba, infermiera u qraba matul l-2001 u lil 341 pazjent Malti flimkien ma' skorta ta' 446 matul l-2002.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħet il-mixed commission bejn Malta u Spanja mill-bidu tas-sena 2001 sal-lum u x'kienu s-suġġetti diskussi?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta kien iffirmat il-Ftehim Kulturali bejn Malta u Spanjna fl-1976, il-Kummissjoni Mħallta prevista taħt il-provvedimenti ta' l-istess Ftehim, iltaqgħet sitt darbiet biex tiddiskuti u tibni programmi ta' kooperazzjoni fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, kultura, xjenza, teknoloġija u komunikazzjonijiet.
Is-sitt sessjoni tal-Kummissjoni Mħallta ltaqgħet f'Madrid f'Mejju tal-2000 u qablet fuq programm ta' attivitajiet li jkopru s-snin 2000-2002. Il-perijodu li matulu il-Programm kellu jibqa fis-seħħ gie awtomatikament estiż sakemm il-Kummissjoni Mħallta taqbel li tifformula programm ġdid fis-sessjoni li jmiss. Dan il-programm jipprovdi, fost oħrajn, għal boroż ta' studju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx ġie ffirmat il-ftehim ta' koperazzjoni turistika mal-gvern Spanjol li dwaru hemm riferenza fir-rapport ta' ħidma tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għas-snin 2001 u 2002?
Response (BORG, JOE)
Il-ftehim għal kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu bejn iż-żewġ Ministeri rispettivi tat-turiżmu għadu ma ġiex iffirmat.
Id-delegat Spanjol li kellu jżur Malta f'Novembru li għadda sabiex jiffirma il-ftehim minn naħa ta' Spanja fil-fatt ma' setax jiġi f'Novembru u għalhekk il-Gvern Malti u dak Spanjol issa qed ifittxu l-okkażjoni xierqa biex dan iseħħ fl-iqsar żmien.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm euromed focal points fil-ministeri kollha? Minn min huwa kompost id-dipartiment tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?
Response (BORG, JOE)
Id-Dipartiment responsabbli għall-inizjattivi u attivitajiet tal-Mediterran fi ħdan il-Ministeru tiegħi huw kompost minn Ambaxxatur irtirat mis-Servizz li huwa impjegat fuq bażi kontrattwali u li għandu rwol ewlieni bħala EuroMed Coordinator, flimkien ma' żewġ uffiċċjali pubbliċi fil-Klassi Diplomatika.
Tul il-ftit snin li ilu mwaqqaf, id-Dipartiment niseġ firxa ta' tmintax-il focal point fil-Ministeri kollha tal-Gvern, b'mod li jintlaħqu l-interessi b'dimensjoni Mediterranea ta' kull wieħed minn dawn il-Ministeri.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx twaqqaf il-kunsill kummerċjali bejn Malta u t-Tuneżija li dwaru hemm riferenza fir-rapport annwali aħħari tal-ministeru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f'Ottubru tal-2001, il-Gvernijiet ta' Malta u tat-Tuneżija rrikkmandaw it-twaqqif ta' kunsill kummerċjali sabiex jgħin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet u skambji kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Għalkemm il-kunsill propost sallum għadu ma twaqqafx, qed isiru konsultazzjonijiet mad-dipartimenti u entitajiet konċernati sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri relevanti għat-twaqqif ta' dan il-kunsill.
Malta/Tuneżija — Memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi
Question
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum fuq konsultazzjonijiet politiċi bejn il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tar-Repubblika tat-Tuneżija?
Response (BORG, JOE)
Kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum dwar konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta' Malta u dak tat-Tuneżija, li kien iffirmat fl-10 ta' Mejju tal-2001 u li daħal fis-seħħ fl-istess data.
Possibbli l-Ministru ġentilment jikkonsidra bis-serjeta' li Triq San Ġużepp, li hi triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun tiġi rranġata għax kieku jonqos ħafna traffiku miċ-ċentru ta' Ħaż-Żabbar?
Billi għamilt diversi mistoqsijiet fil-passat bir-risposta dejjem tkun li din it-triq hi responsabbilta' tal-kunsilli lokali, jista' il-Ministru ġentilment jagħmel site visit flimkien mad-Direttur tat-Toroq biex jikkonfermaw huma stess kemm issolvi problemi tat-traffiku kieku din it-triq li ġiet traskurata mill-kunsilli lokali tiġi rranġata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq msemmija kienet ġiet asfaltata żmien ilu, u għalhekk hija responsabilta' tal-Kunsill Lokali.
Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tispezjona diversi toroq madwar Malta kollha, fosthom ukoll it-triq indikata mill-Onor. Interpellant, sabiex tħejji programm separat għar-restawr ta' diversi toroq li għalkemm m'humhiex arterjali għandhom linking function għat-trasport bejn il-bliet u l-irħula.
Akkomodazzjoni alternattiva — Applikazzjoni numru H11234
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex waslet it-talba għal-akkomodazzjoni alternattiva bl-applikazzjoni numru H11234?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tigi kkunsidrata flimkien ma aplikazzjonijiet pendenti ohrajn li ghandu quddiemu d-Dipartiment ghall-Akkomodazzjoni Socjali.
Akkomodazzjoni alternattiva — Applikazzjoni numru H6972
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex waslet it-talba għal-akkomodazzjoni alternattiva bl-applikazzjoni nurmu H6972?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tigi kkunsidrata flimkien ma' applikazzjonijiet pendenti ohrajn li ghandu quddiemu d-Dipartiment ghall-Akkomodazzjoni Socjali.