Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #767 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Maġistrati — Inkjesti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 428, jista' il-Ministru jgħid meta ġiet imwaqqfa l-ħatra, jekk ġiet ta' kull maġistrat msemmi fl-imsemmija tabella? Jista' il-Ministru jagħti dettalji u jgħid kemm ilhom pendenti l-inkjesti imsemmija, maġistrat b'maġistrat?

Response (BORG, TONIO)

B’referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 428, wieħed irid jgħid li d-data tal-ħatra msemmija hi d-data ta’ meta kull persuna msemmija saret Maġistrat. Minn żmien għal żmien id-dmirijiet tal-maġistrati jinbidlu u s-Sinjuri Maġistrati li preżentament jikkonduċu l-inkjesti huma: MALTA Maġistrat Antonio Mizzi Maġistrat Jacqueline Padovani Maġistrat Saviour Demicoli Maġistrat Abigail Lofaro Maġistrat Giovanni Grixti Maġistrat Consuelo Scerri Herrera Maġistrat Miriam Hayman Maġistrat Lawrence Quintano GHAWDEX Maġistrat Paul Coppini Maġistrat Antonio Micallef Trigona Minkejja dawn id-dmirjijiet preżenti, l-inkjesti mhux magħluqa tal-Maġistrati l-oħra jibqgħu jidhru għandhom sakemm jingħalqu u jintbagħtu fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta` inkjesti pendenti, sena b`sena, ta` kull Maġistrat għal Malta u Għawdex sal-25 ta` Ġunju 2003.

Lotterija tas-Super 5 — Taxxi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ammonti mirbuħa permezz tal-lotterija tas-Super 5 humiex taxxabbli?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammonti mirbuħa fil-lotterija tas-Super 5 mhumiex taxxabbli.
Leg 10 PQ #769 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ħal Balzan — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm-il inċident tat-traffiku seħħ fi Triq il-Ferrovija l-Qadima kantuniera ma Vjal il-Bon Pastur f'Ħal Balzan f'dawn l-aħħar 3 snin? Jaqbel il-Ministru li għandha tinsab soluzzjoni immedjata sabiex jiġu evitati dawn l-inċidenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` inċidenti tat-traffiku li ġew irrapurtati lill-Pulizija li seħħew fi Triq il-Ferrovija l-Qadima kantuniera ma` Vjal il-Bon Pastur, Balzan, kienu kif ġej: 2000 2001 2002 2003* 4 1 xejn 4 *Sa 24.06.03 Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmilha lill-Ministru responsabbli mit-Traffic Planning.

Wied il-Għajn — Bini ta' promenade

Question

Peress li fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament il-Gvern esprima il-pjan tiegħu li jkompli b'xogħlijiet in-naħa t'isfel ta' Malta jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni personalment biex xogħol li kien inbeda ftit ta' żmien ilu mill-predeċedessur tiegħu fuq bini ta' Promenade fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn jitkompla? Billi dan il-post għandu waħda mill-isbaħ veduti li hemm in-naħa t'isfel ta' Malta u billi dan il-post hu wieħed imfittex ħafna minn nies li joqgħodu in-naħat t'isfel tal-gżira, jikkunsidra l-Ministru li jagħmel site visit biex ikun jista' jara hu stess x'potenzjal għandu dan il-post jekk ikompli x-xogħol li nbeda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa' ġie ddikjarat fid-diskors tal-President, ser tingħata spinta lill-naħa t'isfel ta' Malta fosthom it-triq imsemmija. Bħalissa qegħdin jitħejjew il-pjanti u d-disinji meħtieġa sabiex jitwettqu proġetti oħra. Barra minn hekk ser tingħata spinta lill-proġetti ta' tisbigħ fin-naħa t'isfel ta' Malta mhux biss fi promenades ta' ħdejn il-baħar, iżda wkoll lill-pjazzez ta' l-irħula li huma l-qalba ta' l-attivita' tal-ħajja maltija.

Eureka Services Limited — Ħlas ta' flus

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li l-gvern ħallas xahar b'xahar matul is-sena 2002 sa Marzu 2003 lil Eureka Services Limited għal xogħol ta' riċerki? Kemm daħħal flus il-Gvern minn riċerki għall-istess perjodu? Kemm kienu r-riċerki li ma nġabrux u x'inhu l-ammont fi flus dovut lil Gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku ħallas lill-Eureka Services Ltd. l-ammont ta` Lm933,079 minn Jannar 2002 sa Marzu 2003 għar-riċerki. Il-ħlasijiet, xahar b`xahar huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta` min wieħed jgħid li dan il-ħlas ikopri x-xogħol kollu ta` inputting, scanning u indexing li jsir mill-Kumpanija. Mill-kalkoli li saru jirriżulta li dan l-ammont jinkludi s-somma ta` Lm121,706 li titħallas lura lill-Gvern mill-Kumpanija bħala VAT. Ninsab infurmat ukoll illi d-dħul globali għall-istess perijodu dovut lid-Dipartiment għax-xogħol ta` riċerki huwa ta` Lm939,446. In-numru ta` riċerki li ma nġabrux sal-31 ta` Marzu 2003 kien ta` 115 li l-valur tagħhom jammonta għal Lm2,553.96,0.

Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern — Kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-lista tal-kuntratti li n-nutara ddepożitaw fl-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern sa l-aħħar ta' April 2003? X'passi qiegħed jieħu l-Gvern biex jara li l-kuntratti kollha jiġu depożitati għand in-Nutar tal-Gvern?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija l-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jkun iżjed speċifiku b`mod li jindika għal liema perijodu qed jitlob l-informazzjoni. Għar-rigward tat-tieni parti, l-Onorevoli Interpellant hu infurmat li l-atti qed jiġu depożitati fl-Arkivji Notarili permezz tal-Qorti tar-Reviżjoni ta` l-Atti Notarili kif ukoll permezz tal-Kummissarju Speċjali għall-Atti Nutarili appuntat in segwitu għall-promulgazzjoni tal-Att Numru X tal-1999.

Ħruġ ta' passaporti

Question

Jista' il-Minstru jgħid kemm inħarġu passaporti Maltin xahar b'xahar matul is-sena 2002 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' flus li l-Gvern daħħal minnhom xahar b'xahar? Hemm xi ħsieb li l-passaporti jinbidlu meta Malta tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Il-Passaporti maħruġa lokalment għandhom format u livell ta` sigurta` li huwa aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jiena nfurmat illi ma tinħassx il-ħtieġa li l-passaporti jinbidlu. Fil-frattemp, mhux se jkun hemm il-ħtieġa li persuni li għandhom passaport validu japplikaw għal passaport ġdid qabel it-tmien ta` skadenza. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar passaporti li nħarġu bejn Jannar 2002 u Ġunju 2003.
Leg 10 PQ #775 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati fis-Servizz Ċivil — Vakanzi

Question

B'referenza għal sejħiet għal ingaġġ mal-Gvern li saru dan l-aħħar, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vakanzi f'kull grad ta' impjegati fis-Servizz Ċivili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ postijiet fis-Servizz Pubbliku, u għaldaqstant ukoll in-numru ta’ vakanzi, jinbidel kontinwament skond l-eżiġenzi tas-Servizz.

Talbiet għal servizz ta' telecare

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal servizz ta' telecare minn Bormla, Isla, Birgu, Kalkara, Fgura, Żabbar u Xgħajra u jagħti breakdown skond il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ talbiet pendenti mill-lokalitajiet imsemmija huwa hekk: Bormla 6 Isla 3 Birgu 1 Kalkara 1 Fgura 3 Zabbar 2 Xghajra -
Leg 10 PQ #777 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Statistika — Kriminalita' fil-gżejjer Maltin

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif tiġi kumpilata l-informazzjoni dwar ir-reati li jitwettqu fil-gżejjer Maltin? Kemm-il darba tinġabar din l-informazzjoni? Jeżisti xi kumitat ċentrali li jiġbor u janalizza l-istatistika tal-kriminalita' li tinġabar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar reati li jiġu irrapurtati lill-Pulizija, tinġabar permezz tas-sistema kompjuterizzata installata fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex. Din is-sistema, magħrufa bħala Police Incident Reporting System (PIRS) hija ikkomunikata direttament ma` l-uffiċċju tad-Data Processing fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-informazzjoni tinġabar b`mod dirett ma` kull rapport li jidħol fis-sistema. Bħala regola, fil-bidu ta` kull xahar issir statistika fir-rigward tax-xahar ta` qabel. Din tiġi analizzata u diskussa matul il-crime conference li l-Kummissarju regolarment ikollu ma` l-uffiċjali għolja tal-Korp. Barra minn hekk fi ħdan il-Korp hemm ukoll is-sezzjoni tal-crime analysis li tmexxih psikologa u li ġie mwaqqaf fi Frar 2001.
Leg 10 PQ #778 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Pulizija — Importazzjoni ta' droga

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-korp tal-pulizija għandux pjanijiet biex jintensifika s-sorveljanza u l-għassa mal-kosta ta' Malta u Għawdex fil-ġlieda kontra l-importazzjoni tad-droga u t-traffikar tal-persuni?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega fit-tweġibiet preċedenti dwar dan is-suġġett, ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta, li dejjem taw l-assistenza tagħhom f`dan ir-rigward lill-Pulizija kull meta kien hemm il-ħtieġa.
Leg 10 PQ #779 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Għajnuna finanazjarja — Gvern - Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja ngħata l-Gvern għall-bżonnijiet tal-klandestini mingħand entitajiet jew organizazzjonijiet internazzjonali? Saret xi talba mill-Gvern lill-organizazzjonijiet internazzjonali biex tingħata għajnuna materjali għall-klandestini?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern ma ngħata ebda għajnuna materjali diretta għall-klandestini minn organizzazzjonijiet internazzjonali imma ngħata għajnuna u support mill-Unjoni Ewropea taħt il-kappa ta` Twinning Agreement fejn uffiċjali Maltin ingħataw taħriġ u nxtara makkinarju li ser jiġi inawgurat dalwaqt fil-qasam ta` l-immigrazzjoni. Apparti dan, qed isiru preparamenti biex Malta tipparteċipa fi programmi ta` l-Unjoni Ewropea, p.e. European Refugee Fund. Imma l-Gvern mhux qed jistrieħ biss fuq l-Unjoni Ewropea u fil-fatt dalwaqt se jippreżenta riżoluzzjoni f`dal-Parlament biex Malta ssir membru sħiħ fl-International Migration Organisation. L-UNHCR tgħin ukoll tramite l-aġenzija lokali, l-Emigrants Commission li biex, fost l-oħrajn, jiġu stabbiliti kuntatti għar-resettlement. Għajnuna oħra tiġi minn kuntatti bilaterali li permezz tagħhom klandestini jiġu ripatriati. Nieħu din l-okkażżjoni ngħid ukoll li hemm diversi għaqdiet lokali, uħud minnhom b`konnessjonijiet internazzjonali, li qed jagħtu sehem kbir f`din il-problema nazzjonali.
Leg 10 PQ #781 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Spiża tal-Gvern — Klandestini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern fuq kull klandestin kull ġurnata? Kemm-il darba l-klandestini jingħataw jieklu u jixorbu kuljum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-klandestini jiġu servuti bl-ikel tlett darbiet kuljum, kif ukoll te` jew kafe. Barra l-ilma tal-vit, kull min jitlob jingħata wkoll ilma tal-flixkun. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa għal dawn il-klandestini.
Leg 10 PQ #783 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Klandestini — Kwartieri ġenerali tal-pulizija - Furjana

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jinżammu klandestini fiċ-ċentru tad-detenzjoni fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija, Furjana? Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom f'dan iċ-ċentru l-klandestini?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 133 immigrant illegali fiċ-ċentru ta` detenzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana. Minn dawn, 75 ilhom minn Settembru 2002, filwaqt li l-oħrajn ilhom minn Ġunju ta` din is-sena.

MEPA — Permessi - Baċir numru 3

Question

Jista' il-Minstru jgħid jekk saritx applikazzjoni quddiem il-MEPA għall-istruttura li saret fil-Baċir Numru 3?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant li l-Applikazzjoni PA 7004/02 għal bini ta’ canopy fuq il-Bacir Nru. 3 ġiet approvata mill-MEPA fil-11 ta’ Ġunju ta’ l-2003.

Kalkara — Leakage ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-leakage ta' drenaġġ fil-fond Numru 5, Sqaq Marine, Numru 2, Kalkara? X'għamel u x'qed jagħmel id-dipartiment biex tissolva din il-problema?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dranaġġ marru fuq il-post indikat, ma sabu xejn ħażin fil-main tal-Gvern. Wara dan infetħu l-kaxxex tad-dranaġġ, kemm tal-fond numru 5 kif ukoll dak tan-numru 6, u nstab li s-sufun tan-numru 6 huwa miżdud. Għalhekk jidher ċar li l-infiltrazzjoni fil-fond numru 5 ġejja minħabba f'hekk. Id-Dipartiment tas-Sanita' ġie nfurmat b'dan kollu biex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli jitneħħa dan l-imblokk.

Akkomodazzjoni soċjali — Applikazzjoni numru H17395

Question

Jista' il-Viċi Prin Ministru jgħid fiex waslet it-talba għal-akkomodazzjoni soċjali alternattiva bl-applikazzjoni numru H17395?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tigi kkunsidrata flimkien ma applikazzjonijiet pendenti ohrajn li ghandu quddiemu d-Dipartiment ghall-Akkomodazzjoni Socjali.

Servizz tat-telecare

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tat-telecare minn Bormla, Isla, Birgu, Kalkara, Fgura, Żabbar, Xgħajra u jagħti breakdown skond il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li ghandhom is-servizz tat-Telecare fil-lokalitajiet imsemmija huwa hekk: Bormla 132 Isla 96 Birgu 90 Kalkara 42 Fgura 142 Zabbar 228 Xghajra 6

Trasferiment ta' proprjeta' — Reġistrazzjoni ta' kuntratti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kuntratti għat-trasferiment ta' proprjeta' immobbli matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għar-reġistrazzjoni ta` noti ta` Insinwazzjoni stante li fir-Reġistru Pubbliku ma jiġux reġistrati kuntratti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta` noti ta` Insinwazzjoni li ġew reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta` Malta u ta` Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin.