Ma min qed isiru it-trattativi dwar il-privatizazzjoni tal-MOBC? Hemm interessi Maltin involuti? Jekk iva, min huma?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal-mistoqsija 38433 fl-aħħar leġislatura li minħabba li marbutin b’Confidentiality Agreement m'inix liberu li nsemmi l-kumpanija.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma it-toroq li ser jingħataw tarmak fil-lokalitajiet ta' Paola, Tarxien, Marsa, Gudja u Santa Luċia matul is-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li filwaqt li ftit żmien ilu tlesta x-xogħol li kien qed isir fi Triq is-Sajjied u Triq Fra Diegu fil-Marsa, Triq il-Prinjol f'Santa Luċija u Triq ix-Xewk f'Raħal Ġdid, l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tal-Gudja għaddejjin b'taħdidiet biex jiġi ffirmat kuntratt bejniethom biex isir xogħol ta' asfalt fiż-żona tax-Xlejli fil-Gudja.
Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor. Interpellant id-Direttorat tat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb fit-toroq kollha tal-pajjiż u l-prijoritajiet jiġu aġġornati, minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi li jkunu qed jirriżultaw.
Min huma n-nies li qed jaħdmu fuq bażi kuntrattwali fid-dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi fil-Ministeru tiegħek u xi ħlas qed jieħdu għas-servizzi tagħhom?
Response (BORG, JOE)
Id-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Kulturali fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin huwa kompost mis-Sur Carmel Galea, is-Sur Edwin Abela u s-Sur Oliver Xuereb.
Is-Sur Galea jitħallas salarju ekwivalenti għal Skala 5 għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku, filwaqt li s-Sur Xuereb jitħallas salarju ekwivalenti għal Skala 11 ta' l-istess struttura. Is-Sur Edwin Abela huwa uffiċċjal pubbliku fil-livell ta' Senior Principal.
Dan id-Dipartiment ġie mwaqqaf biex jgħin u jiffaċilita attivitajiet diversi barra minn Malta, meta dawn jinħtieġu servizzi mill-Ambaxxati Maltin. Huwa wkoll xogħol ta' dan id-Dipartiment li jinkoraġġixxi u jikkoordina attivitajiet promozzjonali barra minn Malta, meta dawn jinħtieġu parteċipazzjoni fuq skala nazzjonali aktar minn waħda settorali.
Matul dawn l-erbgħatax-il xahar li ilu mwaqqaf, dan id-Dipartiment ħadem għat-twaqqif ta' l-Uffiċċju Kummerċjali Malti u Konsulat Ġenerali fil-belt ta' Dubai. B'kooperazzjoni mal-METCO, il-Kamra tal-Kummerċ, u diversi Ambaxxati Maltin, iffaċilita viżti f'Malta minn gruppi barranin interessati f'kummerċ ma' operaturi Maltin, kif ukoll għen lill-MDC torganiżża diversi laqgħat promozzjonali fi bliet barranin.
Bl-għajnuna ta' Ambaxxati Maltin, u ażjendi nazzjonali bħal Heritage Malta, id-Dipartiment organiżża wkoll manifestazzjonijiet u esebizzjonijiet Maltin fl-ibliet ta' Sevillja, Madrid, Aragona, Kopenhagen, Stokkolma, Helsinki, Strasbourg, New York, Ateni u Ruma. Dawn il-promozzjonijiet kienu fuq skala nazzjonali, li fihom ħadu sehem diversi gruppi ta' artisti Maltin, u li ħallew benefiċċji tanġibbli.
Naf żgur li l-Onorevoli Interpellant jaqbel, iżjed u iżjed issa bħala main spokesperson għall-Affarijiet Barranin, li r-rwol tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fil-ġurnata' ta' llum m'għandux ikun limitat għad-dimensjoni purament politika u diplomatika, iżda għandu jieħu ħsieb biex jippromwovi lil Malta f'kull aspett, b'aħjar użu ta' l-Ambaxxati tagħna f'pajjiżi esteri għal dan il-għan.
Kemm hemm pajjiżi li magħhom il-Gvern Malti għandu Cultural Scientific and Technical Agreements? Kemm minnhom jipprovdu għal mixed commission? Kemm saru laqgħat ta' din ix-xorta u ma'liema Gvernijiet saru?
Response (BORG, JOE)
Fil-preżent, Malta għandha 26 ftehim ma' daqstant pajjiżi dwar kooperazzjoni fil-qasam kulurali u / jew xjentifiku, edukattiv, jew tekniku, li huma kollha in vigore. Minn dawn, 14 jipprovdu għat-twaqqif ta' kummissjoni jew kumitat imħallat bejn iż-żewġ naħat.
Dawn l-oqsma ta' kooperazzjoni qed jiġu diskussi jew fl-ambitu ta' kummissjoni mħallta speċifika kif provduta fl-imsemmija ftehim, bħall-każ tal-kummissjoni ma' l-Italja (ltaqgħet 11-il darba), ma' Franza (iltaqgħet 3 darbiet), Spanja (iltaqgħet 6 darbiet), u l-Ġermanja (iltaqgħet 5 darbiet), inkella fl-ambitu ta' kummissjoni mħallta ġenerali, bħalma hu l-każ mal-Libja, mat-Tuneżija u ma' l-Eġittu, jew inkella permezz ta' komunikazzjonijiet diplomatiċi biex jiġu konklużi Programmi ta' attivitajiet kulturali eċċ, bħalma hu l-każ maċ-Ċina, mal-Kuwajt, mar-Russja u mas-Slovenja.
Xi skambji kien hemm mas-Sawdi Għarbija mill-2001 sal-lum?
Response (BORG, JOE)
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju ta' l-Għarabja Sawdita' huma politikament tajbin tant li l-Ministeru tiegħi u l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Għarabja Sawdita' formalment qablu li għandhom isiru laqgħat ta' kull sena fejn uffiċċjali għolja jkollom taħdidiet dwar ir-relazzjonijiet bilaterali, koperazzjoni reġjonali u temi oħra ta' nteress komuni. Għal dan il-għan, nhar il-5 ta' April 2003, ġie ffirmat f'Rijad, Memorandum dwar Konsultazzjonijiet Politiċi. Permezz ta' dan il-ftehim hu ttamat li ż-żewġ naħat jieħdu inizjativi sabiex ikomplu jissaħħu r-rabtiet ta' ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fil-preżent, iż-żewġ pajjiżi qed jiddiskutu għadd ta' proposti ta' koperazzjoni ta' natura politika, ekonomika, kummerċjali u kulturali.
Kien hemm xi kandidatura prospettiva ta' personalita Maltija għall-kariga f'organizazzjoni internazzjonali li ġiet irtirata wara li l-gvern Malti ġie mgħarraf li ma kellhux l-appoġġ tal-pajjiż tal-UE?
Response (BORG, JOE)
Nikonferma li s-sena l-oħra il-Gvern Malti irtira l-kandidatura li kien għamel f'Novembru, 2001 tas-Sur Anthony Debono għall-kariga ta' Segretarju Ġenerali ta l-Għaqda Internazzzjonali tat-Telekommunikazzjoni.
L-informazzjoni li ingħata l-Onorevoli Interpellant li din il-kandidatura ġiet irtirata wara li l-Gvern Malti ġie mgħarraf li ma għandux l-apoġġ tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mhijiex korretta. Il-kandidatura ġiet irtirata għax ftit wara li r-Rappreżentant Permanenti Malti f'Ġinevra issottometta l-kandidatura tas-Sur Debono għal din il-kariga, huwa nforma lill-Ministru kkonċernat li l-persuna li diġa' kienet fil-kariga, u li kien ser jgħaddilha t-terminu tagħha, kienet għadha fl-ewwel terminu tagħha u li l-prassi kienet li persuna għandha sservi għal żewġ termini qabel ma tiġi kkuntestata minn kandidati oħra.
Kien fid-dawl ta' din l-informazzjoni li l-Gvern iddeċieda li jirtira l-kandidatura tas-Sur Debono.
Nixtieq nieħu din l-okkażżjoni biex ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-leġiżlatura ta' qabel din, id-Direttorat Multilaterali, flimkien ma' diversi Ambaxxati tagħna f'pajjiżi oħra, ħadmu bi sħiħ u b'suċċess fuq kandidaturi Maltin bħal per eżempju biex Malta tkun membru fuq il-Kunsill tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali Marittima, u għall-karigi fit-Tribunal Internazzjonali Kriminali għal dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava, u għall-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
Għal kull waħda minn dawn il-Kandidaturi il-Gvern Malti kellu l-appoġġ ta' numru sabiħ ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, apparti l-appoġġ ta' diversi pajjiżi oħra.
Jista' il-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar flus b'lura li kellha tieħu persuna li għaddiet bord u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' dan is-sinjur jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet minn persuni biex jixtru qabar fiċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata Paola? Jista' jgħid ukoll kemm ser jitħaffru oqbra u meta ser jibdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 277.
Billi l-gvern Malti dan l-aħħar iddefenda l-EU savings tax directive għax qal li f'Malta m'għandniex settur qawwi ta' private banking, jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fl-istampa internazzjonali li l-gvern Malti, flimkien ma' dak ta' l-Estonia, tal-Lithuania u tas-Slovenia qegħdin jitolbu żmien tranżitorju ta' sentejn qabel ma jiġi fis-seħħ l-obbligu li japplikaw dawn ir-regoli li suppost jidħlu fis-seħħ fl-1.1.05?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern Malti ma talabx żmien transitorju qabel ma tidħol fis-seħħ l-EU Savings Directive li l-obbligi taħtha għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar, 2005.
B'referenza għal diversi interventi li għamilt qabel f'dan il-Parlament biex tinstab soluzzjoni ħalli ż-żwiemel li jkun hemm quddiem il-Palazz ma jibqgħux esposti għax-xemx u mingħajr ilma għal ġranet sħaħ speċjalment fix-xhur tas-sajf, jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni personalment biex tinstab soluzzjoni?
Jaqbel il-Ministru li hu inaċċettabbli li dawn iż-żwiemel qed jinħaqru quddiem l-istess Parlament meta ftit ilu għaddejna liġi kontra l-moħqrija ta' l-annimali?
Bħalma l-gvern irnexxielu jsib soluzzjoni għal problemi ferm aktar komplessi minn din, jista' l-Ministru jieħu inizjattiva biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema ħalli dawn iż-żwiemel ma jibqgħux jinħaqru speċjament issa li bdew ix-xhur sħan tas-sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt għaddej b'konsultazzjonijiet informali mas-sidien tal-karozzini u l-General Workers Union fuq diversi materji, fosthom il-ħmieġ li jħallu ż-żwiemel kif ukoll dwar alternattivi sabiex isir titjib ġenerali fis-servizz tal-karozzini inkluż li ż-żwiemel ma jkunux esposti għax-xemx.
Rigward il-problema ta' l-ilma, ninsab infurmat li bħala parti mill-pavimentar tal-parti fejn huma stazzjonati il-karozzini llum, sar ukoll vit ta' l-ilma biex jiġi provdut ilma tax-xorb għaż-żwiemel.
Abbozz ta' liġi — Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi
Question
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jerġa’ jressaq l-abbozz ta’ ligi li jemenda l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi?
Jekk iva, għal meta bejn wieħed u ieħor se jitressaq?
Response (DALLI, JOHN)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li l-abbozz ta' liġi li jemenda l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi, Kap. 117, tressaq għall-Ewwel Qari f 'din il-Kamra fl-24 ta’ Mejju 2003.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 518 u cioe' jista' il-Ministru jgħid għal kemm kien jammonta d-dħul tal-gvern minn taxxi diretti u ndiretti mis-settur turistiku matul is-snin 1999, 2000, 2001 u 2002?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul tal-Gvern mill-ħlas tal-VAT mill-istabbilimenti turistiċi kien:
1999 – Lm2,703,856.07
2000 – Lm3,503,450.83
2001 – Lm3,549,938.27
2002 – Lm3,425,662.18
L-ammonti murija hawn taħt jirrapreżentaw it-taxxa fuq dħul mħallsa direttament mill-intrapriżi fil-qasam turistiku direttament, u ma jinkludux it-taxxa mħallsa mill-ħaddiema jew individwi oħra impjegati f'din l-industrija jew xi taxxa mħallsa minn intrapriżi anċillari.
1999 - Lm298,084
2000 - Lm329,282
2001 - Lm321,573
2002 - Lm386,870
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 515 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li kienu jaħdmu fil-lukandi fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002, sena b'sena? Jista' jgħid kemm minn dawn ħadmu f'Malta u kemm minnhom ħadmu f'Għawdex? Jista' jgħid x'kienet il-medja ta' l-eta' ta' dawn il-ħaddiema? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu fuq kuntratt definit, indefinit u part-timers?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjaċini li għadu ma wasallix it-tagħrif kollu mill-ETC u għaldaqstant m'hinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba ħlief f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 674 u cioe' jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal servizz ta' telecare u mil-liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bit-talbiet pendenti ghas-servizz tat-Telecare skond il-lokalita’ ta’ fejn joqghodu l-applikanti.
Jista' il-Minstru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 675 u cioe' jgħid kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tat-telecare u mil-liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella b’lista tal-persuni li ghandhom is-servizz tat-Telecare skond il-lokalita’ ta’ fejn joqghodu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 677 u cioe' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-menu li jingħata lir-residenti fir-residenza St Vincent De Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-menu li jinghata lir-residenti ta’ San Vincenz de Paule.
Jista' il-Ministru ġentilment jinfurmani jekk ix-xogħol li għaddej issa, f'Paceville hux se jkompli fix-xhur tas-sajf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Press Release li nħarġet mill-Ministeru għat-Turiżmu dwar ix-xogħol ta' kostruzzjoni f'zoni turistiċi fil-perjodu tas-Sajf.
Ninsab infurmat ukoll li għalkemm il-Ministeru mhux involut direttament fil-proġett ta' Paceville, permezz ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu, għamel appell biex ix-xogħlijiet, f'zoni turistiċi, inkluż f'Paceville għandhom jitħaffu peress li dawn huma zoni sensittivi għall-industrija tat-Turiżmu.
Traduzzjoni bil-lingwa Maltija — Kostituzzjoni Ewropea
Question
Jista' il-Ministru jgħid min kienu dawk in-nies jew dik id-ditta li ħadet ħsieb li jiġi tradott bil-lingwa Maltija l-abbozz tal-kostituzzjoni Ewropea? Jista' jgħid x'pagamenti tħallsu għal din il-biċċa xogħol? Jista' jgħid ukoll minn fejn saru l-pagamenti, jekk hux minn mill-Unjoni Ewropea jew minn Malta?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kienet l-Unjoni Ewropea li ħadet ħsieb tikkuntratta sabiex issir traduzzjoni tal-Kostituzzjoni Ewropea. Dwar it-tieni domanda, il-Gvern m'għandux informazzjoni ta' kemm tħallsu flus sabiex saret din it-traduzzjoni. Li nista ngħid biss hu li l-Gvern Malti la ħareġ u lanqas ġie mitlub joħroġ xi flus għal din it-traduzzjoni.
Ħlasijiet lill-Malta Drydocks u Malta Shipbuilding
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li l-gvern ħallas xahar b'xahar matul is-sena 2002 sa' Marzu 2003 lil Malta Drydocks u lil Malta Shipbuilding? Kemm minn dawn il-ħlasijiet kienu għal pagi, social security contributions, early retirement scheme, etc?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli mehmuża.
Dħul minn taxxa tal-boll — Provisional capital gains tax
Question
Jista' il-Minstru jgħid kemm kien il-ħlas li l-gvern ġabar bħala taxxa tal-boll fuq kuntratti u provisional capital gains fuq kuntratti xahar b'xahar matul is-sena 2002 sa Marzu 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas li l-Gvern ġabar mit-taxxa fuq dokumenti u trasferimenti fuq kuntratti inter vivos ta’ proprjeta’ immobbli u taxxa proviżorja fuq qligħ kapitali xahar b’xahar bejn Jannar ta’ l-2002 u Marzu, 2003 kien kif jidher fit-tabella mehmuża.