Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eta' tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-policy li ġiet addottata dan l-aħħar fejn persuni li jagħlqu l-eta' tal-pensjoni jkollhom jirtiraw, għal min tapplika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eta’ tal-pensjoni hi stabbilita permezz ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali u tapplika skond l-eta’ tal-persuna konċernata fl-1 ta’ Jannar 2007 kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skemi għal min juża enerġija alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26885 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk l-iskemi fis-seħħ biex jinkoraġixxu lill-pubbliku jagħmel użu minn enerġija alternattiva jew biex inaqqas mill-elettriku? Meta kienet introdotta kull skema u x'inhu l-ammont ta' sussidju li jingħata għar-rigward ta' kull skema? Kemm saru applikazzjonijiet fir-rigward ta' kull skema u x'kienu l-ammonti mħallsa għal kull skema?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Rimi ta' skart

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni/kumpanniji li l-pulizija ressqet il-qorti fuq rimi ta' skart f'żoni rurali u fil-madwar tal-pajsaġġ tal-gzejjer ta' Malta u Għawdex separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena l-pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra ħmistax-il persuna fuq rimi ta' skart, li seba' minnhom huma f'Għawdex.

Kollizjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku reġistrati f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija investigat 2,357 inċident tat-traffiku f'Malta u 85 f'Għawdex. Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu n-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku irrapurtati lill-Gwardjani Lokali kien ta' 7,351 f'Malta u 258 f'Għawdex.

Abbużi sesswali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' abbużi sesswali fuq minuri f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija kellha 16 ir-rapport dwar abbuż sesswali fuq persuni ta' taħt it-18-il sena.

Vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vjolenza fuq l-anzjani f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kien hemm 10 każijiet ta' offiża gravi fuq anzjan ċioe' persuna 'il fuq minn 60 sena.

Għolja tax-Xagħra ta' l-Għansar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-istudji tekniċi u ta' l-impatt ambjentali li kellhom isiru għall-mina taħt l-Għolja tax-Xagħra ta' l-Għansar proġettata bħala parti mit-triq ġdida fil-Limbordin f'San Pawl il-Baħar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ewwel parti tal-istadju preliminari kemm tekniku u kif ukoll dak ta' l-impatt ambjentali għandhom ikunu lesti mill-konsulenti barranin fi żmien qasir. Ġudizzju aħħari jista biss jingħata meta l-istudji kollha jkunu sottomessi. Dan il-proċess mistenni jitlesta fi zmien ftit xhur oħra.

Park and ride

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jikkonsidra l-possibilita' ta' skema park and ride mil-Luxol għall-inħawi ta' Paceville minflok l-użu ta' car park pubbliku taħt il-bini ta' Pender Place? Fhiex waslu dawn il-konsiderazzjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT flimkien mal-MEPA u l-Kunsill Lokali ta' Pembroke ħejjew pjanti għal proġett ta' Park & Ride li jopera mis-sit tal "Parade Ground" ghal Paceville. L-ADT diġa ssottometit applikażżjoni mal-MEPA f'dan ir-rigward. L-Awtorita' se tkun f'poziżżjoni li toħrog it-tenders meħtieġa fil-futur qarib dejjem suġġett għall-permessi mehtiega.

Mellieħa — Santa Maria Estate

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru bejn il-kumpannija Cenmed u l-Awtorita' dwar it-Trasport biex ikunu jistgħu jinksew u jsiru b'mod tajjeb it-toroq f'Santa Maria Estate fil-Mellieħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li għalkemm waslu fi stadju avvanżat id-diskussjonijiet bejn l-ADT u l-kumpanija Cenmed għadhom ma humiex konklużi. Dettalji eżatti jingħataw hekk kif jintlaħaq ftehim aħħari.

Tigne — Foreshore

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jitħalla foreshore aċċessibbli għan-nies mad-dawra tal-kosta ta' Tigne fejn tiela' l-proġett tal-Midi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-foreshore sa wiesgħa ta' ħames metri kien ġie appożitament eskluż mill-art tal-proġett MIDI sabiex jitħalla aċċess għall-pubbliku mad-dawra tal-kosta.

Haz-Zebbug — Triq De Rohan

Question

B'referenza għad-domanda parlamentari 26675, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju u x'inhi s-soluzzjoni għall-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li saru inspezzjonijiet fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant fejn irrizulta li hemm problema ta' "flooding" f'parti minn din it-triq. Ninsab infurmat ukoll li x-xogħolijiet f'din it-triq kienu saru mill-Kunsill Lokali w il-manutenżjoni meħtieġa taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill.

Rabat — Triq taħt ta' Zeppita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li t-triq rurali Triq Taħt ta' Zeppita, l-irdum ta' ġewwa l-Imtaħleb, limiti tar-Rabat Malta tiġi rranġata u asfaltata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant ma taqax taħt ir-responsabilta' tal-Gvern Centrali u b'hekk mhiex inkluża fil-programm ta' toroq li jridu jsiru.

Investigaturi privati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru regolamenti u standards xierqa u taħriġ serju addattat b'formazzjoni professjonali fil-qasam ta' l-investigaturi privati? Kemm hawn persuni liċenzjati li jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 15-il aġenzija privati li huma liċenzjati sabiex jipprovdu servizzi ta' investigazzjoni privata skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Cap 389).

Pazjenti morda bil-kanċer — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna qed jagħti l-gvern lill-pazjenti morda bil-kanċer li jingħataw il-mediċinali 'Perceptin' li tiswa Lm1,065, kull darba? Hemm il-ħsieb li l-gvern jgħin iżjed lil dawn il-morda peress li l-prezz qawwi ta' din il-mediċinali jfisser li ħafna pazjenti ma jaffordjawhiex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-mediċina Herceptin. Ninforma lill-Onor Interpellant li sa llum il-mediċina Herceptin mhix waħda minn dawk il-mediċini fil-formularju approvata għat-trattament tal-kanċer.

Overspeeding — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal overspeeding permezz tad-diversi speed cameras matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull speed camera u kull xahar separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet li saru f'kull lokalita' permezz ta' l-ispeed camers tul dawn l-aħħar tnax-il xahar hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 26906 u 26698 u 26868 u jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Vapuri tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vapuri tas-sajd Sqallin iħallsux ta' l-imriġġ meta jorbtu mal-mollijiet fil-portijiet Maltin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bastimenti tas-sajd Sqallin iħallsu ta’ l-irmiġġ meta jorbtu mal-mollijiet fil-portijiet Maltin. Dawn il-bastimenti jħallsu wkoll il-port dues.

Tindif ta' ġnien taħt l-Bieb ta' l-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġnien ta' taħt il-bieb prinċipali ta' l-Imdina jitnaddaf peress li llum hemm ħafna skart li jagħti dehra kerha lil dawk l-inħawi li huma tant popolari mat-turisti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.