Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji — Children allowance

Question

Jista' id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali jinfurmani x'qed jiġri mill-applikazzjoni għall-benefiċċji taċ-children allowance li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-ufficcju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali li jkopri l-lokalita’ taghha.

Rabat — Arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jinqala' u jitpoġġa x'imkien ieħor l-arblu tad-dawl li qed jimblokka l-aċċess għall-bdiewa ta' l-inħawi ta' Għar Żerriegħa limiti tar-Rabat u dan qabel ma jkun hemm xi nċidenti fatali? L-arblu jinsab fejn ir-residenza tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. Dettalji ta' persuna li hija midħla sew ta' dawn l-inħawi qed jintbagħtu separatament.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill- Ministru kkoncernat.

Bormla — Multi level car park

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex tikkonsisti l-applikazzjoni 2243/02 u cioe' il-bini ta' multi level car park fi Pjazza Santa Margerita Bormla? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti relatati ma' dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 2243/02 għall-bini ta’ multi level car park fi Pjazza St. Margerita, Bormla tikkonsisti f’dan li gej: a) tħaffir tas-sit preżentement okkupat minn playing field b) kostruzzjoni ta’ multi level car park fl-istess sit c) bini mill-ġdid tal-playing field fuq is-saqaf tal-car park L-access għall-pjanti huwa rregolat mill-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap. 356) u għalhekk ma nistax inpoġġi kopja ta’ pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #435 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Kunsilli Lokali — Fondi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'fondi irċieva kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex għal din is-sena bħala fondi ordinarji u fondi straodinarji separatament?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-fondi ordinarji (skond Art. 55 u l-Għaxar Skeda ta` l-Att) li ħa kull Kunsill għas-sena finanzjarja li tkopri mill-1 t`April 2003 sal-31 ta` Marzu 2004. Dwar fondi straordinarji nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Fondi għal Ħtiġijiet Speċjali skond Art. 58 ta` l-Att. Dawn il-fondi l-aħħar li ngħataw kien għas-sena finanzjarja tal-Kunsilli 1999-2000, meta mbagħad kienet inbidlet il-formola ta` l-allokazzjoni li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att li biha l-Kunsilli bdew jiġu ffinanzjati skond ir-responsabbilitajiet u l-assi tagħhom.

Kottonera — Kumpless Sportiv - Overtime

Question

Jista' il-Ministru jara li l-ħaddiema mid-Distrett 2 tal-Works Division li ħadmu overtime fix-xhur ta' Frar u Marzu 2003 fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera jitħallsu tiegħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet in kwistjoni kienu qegħdin jaħdmu fuq proġett tal-Ministeru tal-Kultura u l-Arti. Għalhekk saret it-talba lill-istess Ministeru biex jiġu trasferiti l-fondi neċessarji biex dawn il-ħaddiema jitħallsu ta' l-overtime li għamlu.
Leg 10 PQ #483 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Bormla — Ground ta' l-iskola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29, fejn il-Ministru ta' l-Edukazzjoni rrisponda: "Informat li l- ground li qed jirriferi għalih l-Onor. Interpellant hi pjazza pubblika li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-iskola". Peress li jidher li din hi proprjeta' li taqa' taħtu, jista' il-Ministru jirrispondi din il-mistoqsija?

Response (BORG, TONIO)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fuq il-post minnu indikat hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA għal outline development ta` car park ta` numru ta` sulari li preżentement hija pendenti. Għalhekk ma jkunx għaqli li f`dan l-istadju jinbdew xogħlijiet ta` natura straordinarja.
Leg 10 PQ #609 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Immigranti klandestini

Question

Wara diversi rapporti fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni Taljani u akkużi li hemm rabta bejn it-Turkija u Malta qabel ma immigranti klandestini jittieħdu fi Sqallija, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx kuntatt ma’ l-awtoritajiet Taljani dwar il-mijiet ta' immigranti illegali li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat? Ġew identifikati ċittadini Maltin li huma allegati li qed jieħdu sehem f'dawn l-operazzjonijiet illegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntatt mal-Pulizija Taljana fuq materja ta` Immigrazzjoni Illegali hija kontinwa u regolari. Ma jirriżultax illi l-mijiet ta` immigranti illegali li ddaħħlu fi Sqallija, f`dawn l-aħħar ġimgħat, huma l-istess immigranti illegali illi l-Pulizija Taljana qed taħdem fuqhom b`kollaborazzjoni mal-Pulizija Maltija, il-għaliex dawk oriġinaw minn pajjiżi oħra fil-Mediterran. Għadhom qegħdin isiru l-indaġini neċessarji, biex dawk il-Maltin jew barranin li qegħdin Malta, u li huma nvoluti f`dawn l-operazzjonijiet jiġu iddentifikati u l-investigazzjonijiet ser ikomplu bejn iż-żewġ servizzi tas-Sigurta`.
Leg 10 PQ #610 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Sorveljanza — Kosta ta' Malta

Question

Minbarra s-sorveljanza li ssir mill-Pulizija mill-art madwar il-kosta ta' Malta, jista' jgħid x'tagħmir għandha biex din tkun tista’ ssir ukoll mill-baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta. Il-Pulizija għandha għad-dispożizzjoni tagħha żewġ speedboats u tlett rubber dinghies li jintużaw primarjament għal inshore patrols. Ninsab infurmat ukoll illi kull meta jkun hemm il-ħtieġa, il-Pulizija dejjem titlob u tingħata l-assistenza meħtieġa mill-Forzi Armati ta` Malta.
Leg 10 PQ #611 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sorveljanza tal-kosta Maltija — Patrol Boats

Question

Peress li hemm akkużi serji mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Ragusa fi Sqallija dwar rabta bejn Malta u t-Turkija fejn jidħlu immigranti klandestini li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat, ma jarax il-Prim Ministru li hemm bzonn aktar sorveljanza tal-kosta peress li t-Taljani qed jallegaw li qed jitilqu dgħajjes ta' speed qawwi minn Malta b’immigranti klandestini fuqhom? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-iskwadra Marittima qed taħdem bil-patrol boats kollha? Hemm minnhom bil-ħsara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Forzi Armati jagħmlu sorveljanza mal-kosta fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata. Infurmat li sitt “patrol boats” qegħdin jaħdmu filwaqt li erbgħa oħra jinsabu f’fażijiet diversi ta’ manutenzjoni jew tiswija.
Leg 10 PQ #612 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipendenza fuq l-alkoħol — Kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li bħalissa qed jiġu kkurati minħabba dipendenza fuq l-alkoħol? Kemm minnhom huma rġiel u kemm huma nisa? Kemm huma taħt l-eta' ta' 25 sena? Kemm minnhom spiċċaw kors ta' kura u wara ftit kellhom jerġgħu jidħlu fil-programm ta' kura? Kemm kien hemm nies li ġew ikkurati fl-2001 u 2002?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli bħalissa hemm 26 pazjent li qed jiġu kkurati minħabba dipendenza fuq l-alkoħol, (18 irġiel, li minnhom 5 qegħdin bil-leave u 8 nisa, li minnhom 2 qegħdin bil-leave, waħda tattendi residential programme u oħra qiegħda bil-leave u tattendi day programme). Ħadd minn dawn il-pazjenti ma huma taħt il-25 sena. 12 (11 irġiel u mara) spiċċaw il-kors ta' kura u wara ftit kellhom jerġgħu jidħlu fil-programm ta' kura. Fl-2001 kien hawn 110 (97 irġiel u 13-il mara) filwaqt li fl-2002 kien hawn 114 (90 irġiel u 24 mara) li ġew ikkurati minħabba l-problema ta' l-alkoħol.
Leg 10 PQ #613 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżamijiet

Question

B’riferenza għar-risposta għal mistoqsija numru 463, dan ifisser li kulħadd jista' jagħmel ftehim privat ma' xi kulleġġ jew universita` barranija u jorganizza eżamijiet hawn Malta mingħajr ebda kontroll? Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni m'għandhiex interess tkun taf min u kif qed jiġu organizzati? Ir-riżultati kollha huma aċċettati f'Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għandu l-awtorita' li jmexxi u mhux jirregola eżamijiet ta' barra tal-London Edexcel, City and Guilds International, London Chamber of Commerce and Industry, u l-Assessment and Qualification Alliance (AQA) u eżamijiet oħrajn, offruti minn diversi Bords barranin. Id-Dipartiment minn dejjem għamilha ċara ma' dawn il-Bordijiet barranin ta' eżamijiet li huwa jkun jista' joffri s-servizz lilhom jekk ikun żgurat li d-Dipartiment huwa l-uniku aġent f'Malta li għandu r-responsabbilta' assoluta tat-tmexxija ta' l-eżamijiet offruti minnhom. L-Att dwar l-Edukazzjoni jeżiġi li kull skola trid titlob permess biex topera imma ma jgħid xejn dwar l-organizzazzjoni ta' eżamijiet għan-nom ta' kulleġġ jew universitajiet barranin. Dan l-aħħar, l-edukazzjoni transnazzjonali kibret sew għaliex saret ħafna aktar faċli permezz ta' 'Distance' u 'eLearning'. Id-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti jħares b'mod pożittiv lejn dan l-iżvilupp għaliex sar possibli li residenti Maltin isegwu varjeta' akbar ta' korsijiet li Malta fiċ-ċokon tagħha ma tistax toffri. Pero', l-edukazzjoni transnazzjonali ġabet magħha ħafna problemi ġodda ta' rikonoxximent ta' kwalifiki, ta' kontenut, li ġieli jkun fqir, ta' korsijiet, u ta' nuqqas ta' gwida serja lill-istudenti. Biex jilqa' għal problemi bħal dawn, il-Ministeru waqqaf il-'Malta QRIC (Qualifications Recognition Information Centre)' permezz ta' l-Att XIII ta' l-20 ta' Settembru 2002. Dan iċ-ċentru: jista' jipproteġi lill-istudenti billi jfornihom b'informazzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-valur ta' kwalifiki speċifiċi organizzati barra minn Malta qabel ma dawn jinkitbu fil-kors; jista' jagħti informazzjoni dwar il-valur ta' kwalifiki miksubin barra minn Malta lill-entitajiet edukattivi, lil min iħaddem u lill-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu liċenzji, warrants, etc, biex wieħed jipprattika xi professjoni jew sengħa; jippromovi kredenzjali miksuba minn istituzzjonijiet rikonoxxuti Maltin ma' entitajiet barra minn Malta. Iċ-Ċentru qiegħed jipparteċipa f'diversi studji u pjanijiet li qegħdin isiru mill-Unjoni Ewropeja biex tikber it-trasparenza u l-kwalita' fil-korsijiet ta' kull livell u ċ-Ċentru qed jaħdem biex jilħaq l-għanijiet deskritti fil-Proċess ta' Bologna u fil-Konvenzjoni ta' Lisbona. Iċ-Ċentru Malti jifforma parti minn 'network' ta' 'National Accreditation, Recognition and Information Centres (NARIC's)' ta' l-Unjoni Ewropeja u tal-'European Network of National Information Centres on Accademic Mobility and Recognition' (ENIC's) stabbilit mill-Kunsill ta' l-Ewropa u l-UNESCO. Barra minn hekk, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, permezz ta' Regolamenti ta' l-2000 dwar Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali ta' Malta qed jipprovdi qafas fejn l-iskejjel vokazzjonali statali jew indipendenti u min iħaddem jista jipprovdi tagħlim u taħriġ li fi stadji differenti jwassal għal ċertifikat komplut u rikonoxxut fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, kemm minn min iħaddem kif ukoll minn istituzzjonijiet edukattivi. Qed ninkludi lista ta' entitajiet f'Malta li jipprovdu korsijiet speċjali.
Leg 10 PQ #614 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Tagħlim tal-PSD

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bit-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti? Jista' jelenka kemm hemm għalliema mħarrġa speċifikament fil-PSD f' kull skola sekondarja tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kwalita' tat-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti tvarja bejn skola u oħra. Fil-maġġoranza dan it-tagħlim hu sodisfaċenti. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ta' l-iskejjel u n-numru ta' l-għalliema mħarrġa.

Bormla — Karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jara li l-karozza tal-linja minn M'Scala sa Senglea ma tgħaddix minn Triq W. Rosato Bormla u dan peress li r-residenti f'din it-triq dejqa qed jilmentaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozzi tal-linja li joperaw fuq din ir-rotta, ilhom is-snin jgħaddu mir-rotta stabbilita mingħajr ebda problemi jew ilmenti. Madankollu, jien infurmat ukoll li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta se tikkunsidra t-talba ta' l-Onor. Interpellant biex tara jekk jistax isir xi tibdil.

Kumpanniji — Settur tal-food and beverages

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji joperaw fis-settur tal-food and beverages? Jista' jindika ukoll il-kobor ta' kull kumpannija skond in-numru ta' ħaddiema li jimpjegaw (maqsuma minn 1 sa 10, minn 11 sa 100, u minn 100 il-fuq)

Response (DALLI, JOHN)

Settur tal-Food u Beverages Numru ta' Ħaddiema Impjegati Numru ta' Kumpanniji f'din il-Kategorija Bejn 1 u 9 507 Bejn 10 u 99 54 100 jew aktar 7 TOTAL 568

Naxxar — Triq iz-Zenqa - Bdil ta' użu ta' postijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm bdil ta' użu ta' postijiet fi Triq iz-Zenqa fin-Naxxar li kien inħarġilhom il-permess biex isiru ħwienet u issa ġew mibdula għal garaxxijiet? X'wassal biex jingħataw il-permessi għall-bdil ta' użu meta dan qed jolqot ħażin lill-ġirien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Sentenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq is-sentenza mogħtija fis-27 ta' Frar, 2002 mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji fir-rikors numru 260/97? Meta se titwettaq din is-sentenza mogħtija iżjed minn sena ilu?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #633 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Persuna li għandha tieħu xi flus wara l-qtugħ ta' sentenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa biex issir ġustizzja mal-persuna - l-isem tagħha qed jintbagħat separatament - ħalli din tieħu l-flus dovuti lilha wara s-sentenza maqtugħa fis-27 ta' Frar, 2002 mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji fir-riskors numru 260/97? Meta se titħallas is-somma dovuta din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas ta' l-ammont ta' flus kif deċiż b'sentenza tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mogħtija nhar is-27 ta' Frar 2002, li hu dovut lill-persuna li isimha intbagħat separatament, ġie mgħoddi lit-Teżor fix-xahar ta' Ġunju 2003 u hekk il-ħlas qed ikun affettwat.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċju tal-mard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'wassal biex il-persuna - li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - jinqatgħalha l-benefiċċju tal-mard meta hi ċertifikata li ilha tbati ħafna bid-diabete?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-ufficcju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali li jkopri l-lokalita’ taghha.
Leg 10 PQ #635 Sitting 16 2003-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gżira — Skola primarja - tfal tal-kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy fl-iskola primarja tal-Gżira li t-tfal tal-kindergarten ma joħorġuhomx għall-break? Jekk m'hemmx din il-policy, il-kindergarten assistants jitħallew jiddeċiedu huma jekk joħorġux it-tfal fdati lilhom għall-break? Għaliex hemm kindergarten assistant partikolari - isimha qed jintbagħat separatament - li l-ġenituri jilmentaw li qatt ma toħroġ lit-tfal għall-break?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-policy ta' l-Iskola tal-Gżira hija li t-tfal jinħarġu barra l-klassi fil-break. L-Amministrazzjoni ta' l-iskola tagħti importanza lill-valur tal-logħob għat-tfal ta' din l-eta', tant li ġiet imfassla timetable biex it-tfal jinħarġu fil-bitħa anke f'ħinijiet oħra barra l-break. Jista jkun hemm każijiet fejn it-tfal ma jinħarġux waqt il-break għal raġunijiet varji u dan japplika ukoll għal Kindergarten Assistant li isimha intbagħat separatement.

Kunsilli lokali — Inħawi turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu bħalissa mid-dipartiment tal-kunsilli lokali biex il-kunsill b'responsabbilta' f'inħawi turistiċi u ta' villeġġjatura jżommuhom indaf peress li nħawi bħal Buġibba u l-Qawra jagħtu dehra ta' telqa u ħmieġ fejn l-iktar jippassiġġaw in-nies?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u billi t-tindif ta` toroq, li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tagħhom, huwa funzjoni delegat lilhom skond Art 33 ta` l-Att, nissuġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.