Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Standards ambjentali

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi studji jew kalkoli saru meta l-gvern Malti ddetermina li Malta tista' tiffranka bejn 24m euro u 130m euro jekk tapplika l-istandards ambjentali tal-UE?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju li qed jirreferi għalih, jiġifieri “The Benefits of Compliance with the Environmental Acquis for the Candidate Countries” inħadem mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż kandidat u jinstab fuq il-link http://europa.eu.int/comm/environment/enlarg/benefit_en.htm. Dan l-istudju jispjega fid-dettal kif ic-cifra ta’ bejn 24m u 130m euro ġiet maħduma.
Leg 10 PQ #910 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

MEUSAC — Importazzjoni ta' mediċini

Question

Billi kien hemm xi korpi kostitwiti ewlenin li kienu kontra l-parallel importation, jista' il-Ministru jgħid jekk fil-MEUSAC kienx hemm reazzjoni kuntrarja għad-deċiżjoni tal-UE li tesiġi li l-parallel importation tal-mediċini hija permessa wara s-sħubija ta' Malta fl-UE bil-għan li jkun hemm kompetizzjoni akbar u prodotti irħas?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala regola ġenerali il-parallel importation ilu permess f'Malta is-snin twal u dan bis-saħħa ta' deċiżjonijiet tal-Qrati tagħna fuq din il-materja. Fir-rigward tal-mediċini nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-minuti tal-laqgħat tal-MEUSAC dwar il-Moviment Ħieles tal-Prodotti kif ukoll dik dwar il-Kompetizzjoni, ma jirriżultax li kien hemm korpi kostitwiti li riedu jirreġistraw l-oġġezzjoni tagħhom, jekk kellhom, fil-minuti relattivi.

Company tax

Question

Fid-dawl tad-deċiżjoni ta' diversi pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-Lvant li se jissieħbu fl-UE is-sena d-dieħla li jbaxxu l-corporate tax tagħhom għall-medja ta' 18%-19%, jista' il-gvern Malti jgħid għandux xi pjani biex ibaxxi l-company tax Maltija sabiex ma nitilfux il-kompetittivita' tagħna fit-tfittxija ta' investiment dirett barrani ġdid?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-preżent ma jeżistux pjani biex il-Gvern Malti jbaxxi l-company tax Maltija għalkemm inkunu qegħdin nieħdu nota ta' dak li jiġri madwarna. Il-Business Promotion Act fiha dispożizzjonijiet adegwati biex Malta ma titlifx il-kompetittivita’ tagħha fit-tfittxija ta’ investiment barrani.
Leg 10 PQ #912 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Irregolaritajiet finanzjarji

Question

Jikkonferma l-Ministru li bħalissa qed isiru nvestigazzjonijiet f'mill-inqas żewġ uffiċini separati barranin tal-MTA dwar allegati rregolaritajiet finanzjarji? Jekk fl-affermattiv, f'liema outposts tal-MIA qed isiru dawn l-investigazzjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta bħalissa qiegħda tinvestiga wieħed mill-uffiċini barranin tagħha fejn matul is-sena 2002 saret nefqa akbar mill-budget awtorizzat. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Zoni turistiċi — Xogħol ta' upgrading

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm għandu l-gvern għall-xogħlijiet ta' upgrading f'zoni turistiċi ? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta se jsiru u kemm huwa mistenni li jiswew?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qiegħed jiġi ppjanat bħala upgrading f'żoni turistiċi għall-perjodu Ottubru 2003 - Ġunju 2004 hu dan li ġej:- xogħol ta' tisbiħ fit-toroq interni ta' Paceville, stmat madwar Lm800,000; xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk, stmat madwar Lm200,000; xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' San Tumas, Marsaskala, stmat madwar Lm50,000; jitlesta' x-xogħol ta' tisbiħ fl-inħawi tal-Gillieru, San pawl il-Baħar, stmat madwar Lm200,000; it-tieni fażi ta' xogħol ta' tisbiħ fil- promenade tax-Xemxija, stmat madwar Lm80,000
Leg 10 PQ #921 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajjiet/xtut — Xogħol ta' upgrading

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm għandu l-gvern għall-xogħlijiet ta' upgrading fil-bajjiet u x-xtut ? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta se jsiru u kemm huwa mistenni li jiswew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru qed jikkonsidra programm ta' titjib f'għadd ta' bajjiet li jkopri wkoll l-immaniġġjar ta' l-istess bajjiet, u bi ħsiebu jissottometti applikazzjonijiet lill-MEPA f'dan ir-rigward. L-ewwel proġett li għandu jigi mwettaq huwa dak fil-bajja ta' San Ġorġ.

Swar — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm għandu l-gvern għall-xogħlijiet ta' restawr tas-swar ? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta se jsiru u kemm huwa mistenni li jiswew?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm il-ħsieb li jsiru diversi xogħlijiet ta' restawr fosthom tal-Belt u l-Kottonera. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet, bħal il-Landfront tal-Belt Valletta, St. John's Cavalier fil-Belt Valletta, St. Anne's Gate/St. Michael's Bastion ġewwa l-Isla u Fort Ricasoli, diġa' qegħdin fl-idejn. L-Onor. Membru japprezza li l-ispiża tvarja skond il-proġett, u għalhekk mhux il-każ li wieħed jagħti xi figuri f'dan l-istadju.

Mużewijiet pubbliċi — Xogħol ta' rinovar

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm għandu l-gvern għall-xogħlijiet ta' rinovar ta' mużewijet pubbliċi ? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta se jsiru u kemm huwa mistenni li jiswew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija Numru 923.

Swar — Xogħol ta' restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet ta' restawr fuq s-swar fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? Jista' jghid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta saru u kemm swew?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta' restawr fuq swar inkluż strutturi oħra ta' difiża militari li saru fis-snin 2000 - 2003 huma kif ġej:- LOKALITA' AMMONT (Lm) Restoration of st. Thomas tower, M'Scala Pembroke Battery Tal-Ħamrija Tower, L/O Qrendi Restoration of M'Scala Redoubt St. Julian's Tower, Sliema Notre Dame Gate, Floriana Għajn Tuffieħa Coastal Tower Westreme Battery, Mellieħa Rinella Battery Nadur Tower, Binġemma Conservation works at Couvre' Porte Restoration works at Polverista Gate, Bormla Paving works at Notre Dame Gate, Birgu Conservation works to St. Anne's Gate, Senglea Conservation works to St. Helen's Gate, Bormla Conservation works to Rinella Gunpowder Magazine Guardhouse Conservation works to St. John's Bastions, Birgu Restoration works, Victoria lines Conservation works to Fort Ricasoli Cleaning and restoration of Portes des Bombes 40,000 24,000 28,000 11,500 11,000 8,000 6,000 7,000 23,000 5,500 15,000 47,000 15,000 10,000 55,000 19,000 20,000 19,000 28,000 30,000

Mużewijiet pubbliċi — Xogħol ta' rinovar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet ta' rinovar ta' mużewijiet pubbliċi fis-snin 2000,2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta saru u kemm swew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija Numru 925.
Leg 10 PQ #935 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Malta — UE - Schengen visas

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, il-Gvern jibdiex jipproċessa biss Schengen visas? Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix sistema li biha l-Gvern ikun jista' joħroġ Schengen visa li tkun limitata ġeografikament għal żjara għal Malta biss jekk l-applikant jindika li hu jixtieq iżur lil Malta biss?

Response (BORG, TONIO)

Mad-dħul ta` Malta fl-EU, f`Mejju tal-2004, il-Gvern Malti jibqa` joħroġ biss visas validi għal Malta, peress li ma jkunx għadu parti minn Schengen. Mad-dħul ta` Malta fis-sistema Schengen, ikun possibli li tinħareġ visa with "Limited Territorial Validity" skond kif hemm provdut fil-Common Consular Manual u ċioe` f`każijiet li jkunu ġustifikati. bħal per eżempju każijiet umanitarji, każijiet ta` interess nazzjonali, każijiet ta` obligazzjonijiet internazzjonali, etc."
Leg 10 PQ #936 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Persuni ta' nazzjonalita' Afrikana — Introduzzjoni ta' visa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx jew hux se jsir studju dwar l-impatt ta' l-introduzzjoni tal-visa għal ċittadini minn pajjiżi mit-tramuntana ta' l-Afrika (mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE), fuq it-turiżmu minn dan ir-reġjun?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-tweġiba hi fin-negattiv.
Leg 10 PQ #937 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ċittadini Libjani — Visas

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew Malta ċittadini Libjani matul 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 sena b'sena? Jista' il-Ministru jgħid meta l-Gvern fi ħsiebu jimponi l-visa fuq ċittadini Libjani?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` ċittadini Libjani li ġew Malta fis-snin speċifikati hu kif jidher hawn taħt:- 1998 1999 2000 2001 2002 38,166 45,839 44,955 32,386 24,011 Il-ħtieġa ta` visa se tidħol mhux iktar tard mill-1 ta` Mejju, 2004.
Leg 10 PQ #938 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Persuni ta' nazzjonalita' Libjana — Introduzzjoni ta' visa

Question

Billi bejn issa u s-sħubija formali ta' Malta fl-UE se jkollha tiġi ntrodotta l-visa lil ċittadini mil-Libja, jista' il-Ministru jgħid jekk hux qegħdin jittieħdu miżuri amministrattivi fl-Ambaxxata Maltija fi Tripli biex tkun tista' tipproċessa b'effiċjenza l-applikazzjonijiet għal visa lejn Malta minn ċittadini Libjani għal skop ta' turiżmu jew xogħol? Jista' jgħid jekk l-Ambaxxata Maltija fi Tripli tistax tesentdi s-servizz tagħha fi bliet oħrajn fil-Libja billi ċittadini Libjani li ma jirrisjedux fi Tripli jkollhom jivjaġġaw mijiet ta' mili lejn Tripli biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom u dan ġranet qabel jistgħu jkunu jafu jekk l-applikazzjoni tagħhom ġietx milqugħa jew rifjutata?

Response (BORG, JOE)

Peress li sa mhux aktar tard mill 1 ta' Mejju 2004, ċittadini Libjani se jkollhom bżonn visa biex jiġu Malta, l-Ambaxxata Maltija ġewwa Tripli qiegħda tiġi attrezzata, kemm f'sens ta' impjegati, kif ukoll f'termini ta' infrastruttura, sabiex tkun tista' tilqa' b'mod effiċjenti u sistematiku l-influss mistenni ta' ċittadini Libjani li jkunu se jżuru 'l pajjiżna, u li għal dak il-għan jkollha bżonn tinħareġ visa mill-Ambaxxata Maltija fi Tripli. Minbarra l-visa normali, ċittadini Libjani li jżuru Malta ta' spiss, se jkunu jistgħu jibbenefikaw billi jingħataw multiple entry visa. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet barranin ser jeżamina kif ser ikun il-flow ta' aplikazzjonijiet għall-visa, u minn liema bliet fil-Libja jiġu. Fuq kollox, il-Ministeru se jara li l-applikanti kollha jinqdew sew, malajr u mingħajr tfixkil. Kwalunkwe diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu għall-bidu se jiġu ndirizzati mill-ewwel, u ser nagħmlu dak kollu possibbli sabiex is-servizz tal-ħruġ tal-visa ikun wieħed effiċjenti u effikaċi.

Eurostat — Statistika - NSO

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-istatistika kollha dwar Malta tal-Eurostat li tiġi mgħoddija lill-NSO tiġi ippubblikata minn dawn ta' l-aħħar, l-aktar fejn jidħlu finanzi pubbliċi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika dwar Malta li tippubblika l-Eurostat, fil-maġġoranza kbira tal-każi toriġina mill-NSO. Normalment il-Eurostat tuża dik l-istatistika f'pubblikazzjonijiet tagħha fejn it-tagħrif fuq Malta jidher f'tabelli kumparattivi ma pajjiżi oħra Ewropej, membri tal-UE jew fi stat ta' accession. Apparti l-fatt li m'għandux id-dritt legali biex jerġa jippublika pubblikazzjonijiet maħruġa mill-Eurostat, l-NSO m'għandux riżorsi umani u finanzjarji biex iwettaq ħaġa bħal din. Naturalment, l-NSO regolarment joħroġ statistika fuq kull suġġett li huwa jinvestiga, permezz ta' news releases, pubblikazzjonijiet oħra kif ukoll tal-website tiegħu fuq l-Internet (http://www.nso.gov.mt). Minn naħa l-oħra, l-istatistika tal-Eurostat tinħareġ fuq il-website tagħha http://europa.eu.int/comm/eurostat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li ħadmet mas-servizzi Ingliżi fil-perjodu 1951-1966 u allura tħallsu l-kontribuzzjonijiet soċjali tagħha matul dan il-perjodu hijiex intitolata għal pensjoni tas-sigurta' soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-ufficcju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali li jkopri l-lokalita’ taghha.
Leg 10 PQ #965 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet — Dħul fil-Junior Lyceum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum? Kemm kienu bniet u kemm subien? Kemm għaddew suġġett b'suġġett? X'kien in-numru ta' studenti li għaddew mill-ħames (5) suġġetti? Kemm kien hemm studenti li kienu eliġibbli li jagħmlu dan l-eżami u għażlu li ma jagħmluhx?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat mid-Dipartiment u t-tagħrif ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #966 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet — Eżami tar-Reliġjon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li talbu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon? Dawn kienu tfal ta' ġenituri Maltin? Kien hemm minn talab biex ma joqgħodx għal xi eżami ieħor minbarra r-Reliġjon?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 39 talbu li ma joqogħdux għall-eżami tar-Reliġjon. (Kien hemm ukoll 10 studenti 'expatriate' li awtomatikament ikunu eżenti mir-Reliġjon). Mid-39 student imsemmija fuq, 28 għandhom il-ġenituri Maltin, 3 għandhom wieħed biss mill-ġenituri ta' ċittadinanza Maltija, u 8 għandhom il-ġenituri it-tnejn barranin. Studenti li talbu li ma joqogħdux għal xi eżami ieħor minbarra r-Reliġjon: Studju Soċjali 10 Malti 17
Leg 10 PQ #967 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola tal-Ħandaq — Xogħol ta' maintenance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-iskola tal-Ħandaq, li qabel kienet tas-servizzi Ingliżi, jsirilha xogħol ta’ maintenance? Huwa l-ħsieb li din tinbena mill-ġdid jew li jsir xogħol kbir ta’ maintenance biss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola tal-Ħandaq ser isiru xi xogħolijiet ta' maintenance, partikolarment fuq is-soqfa biex dawn ma jibqgħux iqattru. Dan is-sajf ser issir ħidma sabiex tinħatt boiler room biex il-kamra tkun tista' tiġi kkonvertita għat-tagħlim, xogħolijiet żgħar ta' tisbieħ, tibdil ta' xi katusi tad-drenaġġ u xi overhead high tension cables ser jintradmu taħt l-art. Qed isiru diskussjonijiet mall-MEPA dwar din l-iskola sabiex tkun tista' tinbena skola ġdida f'dawn l-inħawi jew fil-viċin. Dan is-suġġett kien ukoll diskuss f'konsultazzjonijiet pubbliċi li għamlet il-MEPA riċentament.
Leg 10 PQ #968 Sitting 22 2003-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini ta' skola — Ġużeppi Despott - Verdala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-iskola Ġużeppi Despott tal-Verdala tinbena mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sar l-audit u tħejja master plan għall-iskola Ġużeppi Despott, li jieħu in konsiderazzjoni diversi fatturi, fosthom iċ-ċaqlieq demografiku ta' l-istudenti, il-ħsibijiet Edukattivi futuri, l-istat tal-bini eżistenti u l-ħtiġijiet li jirrikjedi l-Kurrikulu Nazzjonali. Peress li l-kumpless Ġużeppi Despott hu magħmul minn diversi blokok, li wħud minnhom għandhom valur storiku, il-Fondazjoni għall-Iskejjel ta' Għada ser tieħu ħsieb biex tirrestawra dawk il-blokok li jridu jinżammu, filwaqt li twaqqa' n-nissan huts u tibni kumpless modern għal madwar elf student. Wara li saret konsultazzjoni mas-surmast ta' l-iskola, saret applikazzjoni għall-outline development permit lill-MEPA, liema applikazzjoni qed tiġi pproċessata.