Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' industriji ta' l-ikel, ta' l-iproċessar u ta' l -agro-industrija, tat-tjur u l-bhejjem, xorb u tabakk li rċevew għajnuna finanzarja sabiex iwettqu l-investiment meħtieġ u jkunu konformi mar-regoli ta' l-UE matul din is-sena?
Dawn l-industriji kollha se jkunu konformi mar-regoli sa Mejju li ġej?
Kemm hu mistenni li tiżdied il-produzzjoni ta' dawn l-industriji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-għajnuna li qed tingħata lis-settur agrikolu hi skond dak li ġie miftiehem mal-UE kif indikat fl-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agricultur’ (SMPPMA) jew skond skemi oħra bħal dawk approvati mill-Kabinett bħal fil-każ tal-processuri tal-laħam tal-majjal. Tmien (8) processuri tal-laħam tal-majjal iffirmaw kuntratti mad-Diviżjoni għall-Affarijiet Veterinarji biex jircievu l-għajnuna finanzjarja. Bicceriji fil-każ tat-tjur qed ilestu Business Plans skond ma tesiġi l-UE biex ikunu jistgħu jircievu l-għajnuna finanzjarja. Il-Malta Dairy Products (MDP) rceviet għajnuna finanzjarja skond l-iSMPPMA.
Fir-rigward tal-irziezet, l-Onor. Interpellant jaf sew li l-Gvern irnexxielu jinnegozja perjodi ta’ transizzjoni għas-settur tal-ħalib u għalhekk l-investiment necessarju jista’ jsir bl-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE matul il- perjodu ta’ transizzjoni.
L-industriji ta’ l-ikel, ta’ l-ipprocessar u ta’ l-agro-industrija, tat-tjur u tal-bhejjem iridu jkunu konformi mar-regoli sa Mejju li ġej.
Rigward iż-żieda fil-produzzjoni, l-Onor. Interpellant jaf ukoll li hemm kwoti abbażi li ġew miftiehma ma’ l-UE bħal fil-każ tal-ħalib u tat-tadam għall-ipprocessar, u l-produzzjoni ma tistax taqbeż dawk il-livelli.
Skond il-pjani tal-gvern għall-wara s-sħubija, jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jiżdiedu jew jonqsu l-impjiegi fl-agro-industrija, l-industrija ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar u tat-trobbija tat-tjur u l-bhejjem, xorb u tabakk?
Kemm hu n-numru ta' ħaddiema u self-employed illum li jaħdmu ma' dawn l-industriji u kemm hu n-numru ta' koperattivi, fabbriki, kumpanniji, eċċ. attwali f'Malta u Għawdex separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex mid-disgħa persuni li ġew rapportati f'Mejju ta' din is-sena b'nuqqasijiet waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom fl-iskola primarja ta' Ħal-Lija, tnejn biss weħlu ċ-charge?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ li għalih jirreferi l-Onor. Membru jirrigwarda 7 u mhux 9 persuni. Passi ittieħdu fil-konfront ta' sebgħa kollha kemm huma.
Jista' il-Ministru jgħid kemm jammontaw ir-Raps/Reps li hawn jaħdmu f'Malta, Għawdex u Kemmuna?
Jista' jgħid kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista jgħid ta' liema nazzjonalita huma? Jista' jgħid min qiegħed jimpjegahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor. Membru jagħti spjegazzjoni ta' x'inhuma Raps jew Reps?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħwienet li huma awtorizzati li jbiegħu s-Souvenirs lit-Turisti li hawn f'Malta, Għawdex u Kemmuna?
Jista' jgħid liema huma, lokalita' b'lokalita' ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju msemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
ETC — Persuni ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu b'mod illegali
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 672 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u cioe' f'kummentarju fuq Capital Radio fl-4 ta' Ġunju, fis-2.15 ta' wara nofsinhar intqal li hemm kuntratturi li qed iħaddmu ħaddiema barranin illegalment u jħallsuhom bi 80c fis-siegħa u dan anke fuq proġetti tal-gvern. Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara jekk dan l-abbuż hux qed isir jew le? Jekk jinstab li dan hu minnu, jista’ jagħti dettalji dwar fuq liema xogħol kienu qed jitħaddmu u min kienu l-kuntratturi in kwestjoni u fuq kollox jittiehdu l-passi meħtieġa skond il-liġi??
Response (GALEA, LOUIS)
Ser nitlob lill-awtoritajiet kompetenti skond il-liġi jinvestigaw l-abbuż allegat fil-Mistoqsija u jieħdu l-passi stabbiliti fejn jirriżulta.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 617 u cioe' jista' jgħid jekk ingħatawx il-kuntratti kollha tax-xogħol u manutenzjoni li se jsiru fis-sajf fl-iskejjel ta’ l-Istat? Dawn kollha ngħataw wara sejħa pubblika? Lil min ingħataw il-kuntratti? Għal-liema skola? Kemm se jiswa x-xogħol f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-biċċa l-kbira tat-tenders għal xogħlijiet li ser isiru fl-iskejjel ta' l-Istat matul is-sajf, ġew pubblikati u l-kuntratt ingħata jew wasal biex jingħata. Għad baqa' numru ta' tenders li ser jiġu pubblikati fi żmien qasir.
Hemm xi xogħlijiet ta' natura żgħira li ma jirrikjedux sejħiet pubbliċi imma ikunu jistgħu isiru hekk kif jippermettu r-regolamenti tal-Gvern.
Lista tal-kuntratti, fejn ser jinħadmu u b'liema prezz, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'xi każi l-prezz mhux qed jidher għalissa għaliex l-offerti jkunu għadhom mhux aġġudikati jew il-kuntratt ikun għadu ma ngħatax.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il talba saret biex vapuri u bastimenti militari jidħlu fl-ibħra u l-portijiet Maltin f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid liema talbiet ġew aċċettati u liema le? Jista' jgħid f'kull każ mil-liema qawwa militari saret it-talba?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li fis-sena 2002 ingħataw 90 permess sabiex vapuri u bastimenti navali barranin jkunu jistgħu jżuru Malta. Ma kien hemm l-ebda talba li ġiet miċħuda. Dawn il-bastimenti ġew minn dawn il-pajjiżi:
Belġju
Franza
Ġermanja
Greċja
Indja
Irlanda
Italja
Kanada
Olanda
Polonja
Renju Unit
Spanja
Stati Uniti ta' l-Amerka
Tunisia
Turkija
Bejn Jannar 2003 sa issa, ingħataw 77 permess sabiex vapuri u bastimenti navali barranin iżuru Malta. Ma kien hemm l-ebda talba li ġiet mċħuda.
Il-bastimenti li ġew din is-sena, kienu minn dawn il-pajjizi:
Danimarka
Finlandja
Franza
Ġermanja
Italja
Marokk
Olanda
Renju Unit
Rumanija
Spanja
Stati Uniti ta' l-Amerka
Tunżija
Turkija
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-talba saret biex ajruplani militari jidħlu fl-ispazju tal-ajru Malti f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid liema talbiet ġew aċċettati u liema le? Jista' jgħid f'kull każ mil-liema qawwa militari saret it-talba?
Response (BORG, JOE)
Ninsab infurmat illi fis-sena 2002, ingħataw 461 permess biex ajruplani militari jidħlu fl-ispazju ta' l-ajru Malti. Ma kien hemm l-ebda talba li ġiet miċħuda.
L-ajruplani li ġew fis-sena 2002, kienu minn dawn il-pajjiżi:
Afrika ta' Isfel
Albanija
Alġerija
Arabja Sawdija
Awstrija
Belġju
Bulgarija
Ċina
Danimarka
Eġittu
Emirati Għarab Magħquda
Franza
Ġermanja
Iran
Italja
Jugoslavja
Kanada
Korea ta' Fuq
Kroazja
Libja
Lussemburgu
Malasja
Marokk
Mawretanja
NATO
Norveġja
Olanda
Oman
Renju Unit
Repubblika Ċeka
Russja
Sirja
Slovakkja
Slovenja
Spanja
Stati Uniti ta' l-Amerika
Sudan
Tunisija
Bejn Jannar 2003 sa issa, ingħataw 452 permess biex ajruplani militari jidħlu fl-ispazju ta' l-ajru Malti. Minn dawn, l-ebda talba ma ġiet miċħuda.
L-ajruplani li ġew din is-sena, kienu minn dawn il-pajjiżi:
Alġerija
Arabja Sawdija
Belarus
Bulgarija
Danimarka
Franza
Ġermanja
Greċja
Italja
Kanada
Kuwajt
Libja
Malasja
Marokk
Monako
Namibja
Oman
Pakistan
Portugall
Renju Unit
Rumanija
Russja
Spanja
Stati Uniti ta' l-Amerika
Sudan
Svizzera
Tuneżija
Turkija
Ukranja
Urugwaj
Sa l-aħħar tas-sena 2002 ajruplan li jgħaddu mill-ispazju ta' l-ajru Malti biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu u jerġa' jgħaddi mill-ispazju ta' l-ajru Malta fi triqtu lura fl-istess ġurnata jgħodd bħala permess wieħed. Fl-ewwel parti ta' l-2003 f'dawn iċ-ċirkostanzi dawn bdew jitqiesu bħala żewġ permessi. Reċentement is-sistema reġgħet ġiet bħalma kienet fl-2002.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-ufiċjali tal-NSO li siefru fuq xogħol fis-sena li qegħdin fiha u x'kien il-għan taż-żjara tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru qed tingħata fit-tabella hawn annessa.
Ta' min jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' dan is-safar jiġi ffinanzjat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-bini fejn isiru l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC huwa kollu addattat għal dan il-għan? Hemm xi pjan biex dawn l-eżamijiet isiru f'bini aktar modern u fejn ma jkunx hemm ħsejjes żejda ta' traffiku bħal f'ċerti ċentri fil-Belt Valletta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet jagħmel użu minn għaxar skejjel ta' l-Istat u waħda tal-Knisja biex jorganizza l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC. Il-faċilitajiet huma l-istess faċilitajiet użati mill-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel.
Barra dawn iċ-Ċentri, id-Dipartiment jagħmel użu mill-erba' Ċentri tiegħu, tlieta f'Malta u wieħed f'Għawdex biex ikun jista' jakkomoda n-numru kbir ta' studenti li joqgħodu għal dawn l-eżamijiet matul ix-xahar ta' Mejju.
Id-Dipartiment qiegħed iwettaq pjan ta' ħidma biex jimmodernizza u jtejjeb l-ambjent fiċ-Ċentri tiegħu. Tant li bejn is-sena 1999 u 2003 intefqet is-somma ta' Lm127,615 f'restawr u titjib fl-ewwel sala taċ-Ċentru ta' Sant'Iermu, fiċ-Ċentru t'Għawdex kif ukoll fir-raba' sular ta' l-iskola Primarja tal-Belt Valletta fejn ġie installat lift għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Id-Dipartiment ukoll ikkunsidra diversi postijiet oħra barra l-Belt Valletta sabiex ikun jista' jorganizza l-eżamijiet il-bogħod miċ-ċentru iżda ma sabx li dawn kienu addattati biex isiru fihom.
Id-Dipartiment huwa kommess li jkompli jaħdem u jirsisti sabiex bir-riżorsi disponibbli jorganizza l-eżamijiet f'postijiet moderni skond il-ħtiġijiet tal-lum.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li joħorġu r-riżultati tas-SEC u MATSEC? Meta huwa ppjanat li jsiru r-resits? Jista' jagħti t-timetable għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li huwa maħsub li r-riżultati tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola joħorġu fit-tielet ġimgħa ta' Lulju, bħalma ġara fi snin oħra.
Tagħrif dwar it-timetables ta' l-eżamijiet supplementary ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda tiffunzjona l-Qorti tal-Familja peress li jidher li hemm numru konsiderevoli ta' kawżi mwaħħla quddiem is-sekonda awla?
Response (BORG, TONIO)
Preżentement għadu għaddej xogħol ta` kostruzzjoni u abbelliment fil-post fejn ser tiffunzjona l-Qorti tal-Familja. Kif dawn jitlestew wieħed ikun jista` jieħu deċiżjoni fuq il-ġurnata meta din tista` tibda topera.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju u r-rapporti dwar l-Air Space liberisation li sar mill-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza wkoll għal dak li ntqal in konnessjoni mal-mistoqsija numru 1079 , l-istudji u r-rapporti li saru, kemm interni kemm esterni , ma jistgħux jiġu mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra, għaliex hemm fihom informazzjoni kummerċjali fuq l-Air Malta ta' natura kunfidenzjali.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita — Talbiet - electric wheelchair
Question
Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti qabel it-talba li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal electric wheelchair li hemm quddiem il-kummissjoni nazzjonali persuni b' diżabilita' - servizz għajnuniet speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna, li ghaliha hemm riferenza f’din il-Mistoqsija, qieghda fis-27 post tal-lista ta’ persuni li qeghdin fil-waiting list tas-Servizz Ghajnuniet Specjali.
Billi tħabbar li l-Gvern sejjer jippubblika l-istrateġija tiegħu għas-snin 2004-2007 billi apparti milli jinkludi l-oġġettivi kollha tal-e-Europe 2005, sejjer jaddotta numru ta' azzjonijiet oħra li jirriflettu l-karatteristiċi tal-pajjiż fosthom il-pożizzjoni ġeografika kif ukoll l-ekonomija li jħaddem jista' il-Ministru jelabora aktar dwar dan? X'livell ta' konsultazzjoni sejjer ikun hemm u kemm huwa mistenni li jieħu żmien dan il-proċess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru irnexxielu jibni qafas ta' konsultazzjoni kontinwa li fih jigbor il-parti l-kbira tal-players involuti fil-qasam tas-socjeta ta' l-informazzjoni. Kif ghamel meta addotta l-pjan eEurope+ 2003 u meta habbar l-istrategija ta' l-eMalta li twassal sa l-ahhar tas-sena 2003, dan il-Ministeru ser isostni l-politika tieghu ta' konsultazzjoni u ser jiddiskuti l-pjan strategiku fi hdan il-Kunsill tas-socjeta ta' l-informazzjoni. L-istrategija minnha nnifisha ser tkun prodott tal-process ta' konsultazzjoni kontinwa ghaliex tinkludi fiha bosta mill-perspettivi li twasslu lill-Ministeru mid-diversi oqsma rilevanti f'dan il-qasam.
X'għamla sejjer ikollu l-Kunsill Konsultattiv dwar is-soċjeta' tal-informazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-gimghat li gejjin il-Ministeru ser jikteb lill-organizzazzjonijiet u individwi kollha identifikati biex jistiedinhom jippartecipaw f'dan il-Kunsill. L-istruttura u t-termini ta' riferenza tal-Kunsill jithabbru meta dan jitlaqqa' ghall-ewwel darba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew installati web phones fit-toroq u fil-pjazez ewlenin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa issa ġew installati 41 (wiehed u erbgħin) web phone fit-toroq u fil-pjazez ewlenin. Il-kumplament tal-web phones qed jiġu installati.
Kemm kien hemm student li qagħdu u li jew mistennija joqogħdu għall-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma ħareġ l-ebda sejħa biex jilqa' applikazzjonijiet minn studenti li jixtiequ joqogħdu għall-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence.
Id-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni din is-sena nieda korsijiet wara l-ħin ta' l-iskola għal 5th Formers biex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-livell ta' l-ECDL. Għal dawn il-korsijiet qed jattendu 1574 student.
Qed isiru taħdidiet bejn entitajiet differenti biex dawn l-eżamijiet jibdew isiru mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.