Tista' il-Ministru tgħid x'xogħlijiet ta' restawr jew manutenzjoni sar fuq id-diversi funtani u għejun f'Għawdex, telenka x-xogħlijiet jekk saru u tgħid meta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li xxogħolijiet ta' restawr jew manutenzjoni fuq iddiversi funtani u għejun f'Għawdex isiru regolarment.
Jista' il-Ministru jgħid jekk materjal edukattiv huwiex eżenti mid-dazju? Jekk iva għaliex qed jintalab ħlas ta' dazju fuq educational dvd's?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li materjal edukattiv hu suġġett għad-dazju ta' importazzjoni bir-rata ta' dazju imposta fit-Tariffa tad-Dwana skond il-materjal li jkun. L-unika eżenzjoni hi fuq materjal edukattiv prodott mill-Ġnus Magħquda jew mill-aġenziji speċjaliżżati tal-Ġnus Magħquda. Prodotti ta’ oriġini mill-Unjoni Ewropea mhumiex suġġetti għal dazju.
Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid min huma d-diretturi li jmexxu l-Malta Arbitration Centre u xi kwalifiki għandhom? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll meta ġew appuntati dawn id-diretturi, għal kemm ġew appuntati u x’renumerazzjoni għandhom? Jista’ l-Ministru jgħid, matul dawn l-aħħar tlett snin, kemm saru seduti tal-Bord u jagħti dettalji dwar l-attendenza?
Response (BORG, TONIO)
Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Malti ta’ l-Arbitraġġ huwa magħmul hekk:
Chairman : Dr. Max Ganado LL.D., LL.M. (Dal.)
Deputy Chairman: Dr. Godwin Muscat Azzpoardi
Ex-officio Member: Dr. A. Borg Barthet, Avukat Generali
Membri: Mr. Carlo Cini
Ms. Helga Ellul
Mr. George Fenech
Mr. Mario C. Grech
Mr. J.G. Vassallo
Dr. E. Woods
Bl-eċċezzjoni ta’ Dr. Max Ganado il-membri kollha inħatru fit-23 ta’ Frar 1998 mill-Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr. G. Gulia. Dr. M. Ganado ħa l-hatra tiegħu fl-1 ta’ Lulju tas-sena 2000.
It-terminu tal-ħatra tal-membri kollha huwa ta’ sitt snin. Jistgħu jerġgħu jinħatru.
Il-kwalifiki li għandhom huma dawk stipulati fl-Artiklu 4 tal-liġi jiġifieri "li kellhom esperjenza u jkunu wrew ħila fi ħwejjeġ li kellhom x’jaqsmu ma’ arbitraġġ internazzjonali jew domestiku, konċiljazzjoni u arranġament ta’ tilwim, kummerċ internazzjonali, negozju, industrija, investimenti w affarijiet marittimi, l-Avukat Ġenerali jkun membru ex-officio tal-Bord". Ic-Chairman u d-Deputy Chairman iridu jkunu persuni li pprattikaw bħala avukati għal mhux inqas minn 12 il-sena.
Ir-remunerazzjoni preżenti tal-membri tal-Bord hija hekk:
Chairman: Lm 3,000 p.a.
Deputy Chairman: Lm 2,000 p.a.
Avukat Generali: Lm 3,660 p.a.
Membri l-oħra: Lm 1,000 p.a.
Is-sur George Fenech kien irrinunzja għal kull remunerazzjoni u qatt ma rċieva ħlas.
Matul is-2001 saru 8 seduti, fis-sena 2002 saru 7 seduti u sa Ġunju ta’ din is-sena saru 5 seduti, total ta’ 20 seduta.
L-attendenza tal-membri għal dawn is-seduti kienet hekk:
Chairman - 19
Deputy Chairman - 13
Avukat Generali - 9
Sur Carlo Cini - 18
Sinjura Helga Ellul - 9
Sur George Fenech - xejn
Sur Mario C. Grech - 8
Sur J.G. Vassallo - 18
Dr. Edw. Woods - 19
Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid kemm hemm staff full time li jaħdmu mal-Malta Arbitration Centre, min huma u x’karigi għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Iċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ għandu biss żewġ impjegati full-time. Dawn huma s-Sur Godfrey de Marco, Reġistratur, u s-sinjura Rita Zammit, Segretarja.
Jista’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma li l-Malta Arbitration Centre qed imexxi b’deficit u kemm huwa dan id-defiċit? Jista’ il-Ministru jgħid ukoll kemm tilef flus, sena sena, matul l-aħħar ħames snin dan iċ-ċentru.
Response (BORG, TONIO)
Huwa minnu skond ma jien infurmat li f`din is-sena d-deficit jammonta għal sittin elf lira (Lm60,000).
Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid min huwa l-Executive Offficer / Reġistratur li jmexxi l-Malta Arbitration Centre u x’inhuma l-kundizzjonijet tax-xogħol tiegħu u meta ġie nominat?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Reġistratur taċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ huwa s-Sur Godfrey de Marco. Għandu salarju totali ta` Lm8,810 fis-sena u naturalment igawdi il-benefiċċju normali skond il-liġi ta` "vacation" u "sick leave".
Huwa inħatar mill-Bord taċ-Ċentru fl-1 ta` Lulju 1999.
Jista’ l-Onorevoli Ministru jagħti dettalji, sena b’sena, dwar kemm il-każ gie riferut lill-Malta Arbitration Centre? Min kienu l-arbitri li ddeċidew dawn il-kawżi u kemm fil-fatt ġew deċiżi każi ta’ arbitraġġ?
Response (BORG, TONIO)
Il-każi li ġew riferuti liċ-Ċentru Malti ta` l-Arbitraġġ sa l-14 ta` Lulju ta` din is-sena kienu hekk:
2000 - 2 każi
2001 - 5 każi
2002 - 17-il każ
2003 - 17-il każ
Minn dawn s`issa ġew deċiżi 16-il każ u f`żewġ każi oħra ġew imwaqqfa l-proċessi mill-partijiet stante transazzjoni.
Rigward it-tieni parti tad-domanda jidhirli li l-ismijiet tagħhom ma għandhomx jiġu imxandra.
Jista’ l-Onorevoli Ministru jikkonferma li l-unika persuna speċjalizzata fl-arbitraġġ u medjazzjoni u li kienet taħdem bħala konsulent mal-Malta Arbitration Centre, isimha qed nibgħatu separatament, kellha l-impieg tagħha terminat? Jista’ l-Onorevoli Ministru jgħid meta l-impieg tagħha ġie terminat u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant kellha kuntratt definitiv mill-10 ta` Settembru 2001 sat-30 ta` April 2003. Għalhekk ai termini ta` l-istess kif għadda ż-żmien miftiehem hija ma baqgħetx impjegata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda bejn it-13 ta' April 2003 sal-15 ta' Lulju 2003 ma l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġew impjegati żewġ technical officers ma’ l-Awtorita’ tad-Djar. Dawn issostitwixxew impjegati oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorita’.
Jista' il-Minstru jgħid kemm il-persuna hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? F'liema lokalita' iddikjaraw li huma kienu residenti qabel? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Lulju 2003 in-numru ta` persuni li kienu qed jinżammu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 275. Minn dawn 265 huma rġiel u 10 huma nisa.
Il-lokalita` dikjarata meta ġew irreġistrati hija kif turi t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont ta' kemm kien hemm membri tal-istaff li talbu li ma jibqgħux jaħdmu fid-dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' minn Ottubru 1998 s'issa? Kemm hi l-medja ta' staff li dan id-dipartiment kellu fl-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista' sħiħa ta' inizjattivi ġodda (u mhux kontinwazzjoni ta' xogħol li kien imbeda qabel) li d-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' ħa tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont tal-proposti kollha sinifikanti li d-Direttur tad-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' għamlet tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal id-Direttorju tan-Nisa li ilu jinġabar għal bosta snin? X'inhu n-numru ta' nisa li jidhru fuqu s'issa? Meta se jkun ippublikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-2001 sar eżerċizzju mid-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta’ biex jiġi aġġornat id-Direttorju tan-Nisa li hu miġbur f’forma elettronika. Dan l-eżerċizzju kien jikkonsisti fi ħruġ ta’ ‘l fuq minn 4,000 kwestjonarju lil nisa professjonisti u f’karigi għolja kif wkoll lill-assoċjazzjonijiet tan-nisa u entitajiet oħra relevanti. L-informazzjoni ta’ l-409 kwestjonarju li daħlu lura ġiet imdaħħla f’data base ġdida.
Biex ikun konformi mal-provedimenti ta’ l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, qabel ma’ din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq il-web site tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, id-Dipartiment konċernat talab bil-miktub lil dawk li kienu rrispondew il-kwestjonarju biex jagħtu l-permess tagħhom biex tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwarhom. Ninsab infurmat li s’issa d-Dipartiment irċieva 235 risposta.
Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta — Kummisjoni għall-Avvanz tal-Mara
Question
X'ħidma ssir mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara u mid-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta' biex nisa jkunu nominati għal bordijiet u kummissjonijiet? Xi strateġija ntużat f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istrateġija tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara biex nisa jkunu nominati għal bordijiet u kummissjonijiet hija fuq żewġ binarji:
· Waħda għal aktar għarfien dwar nisa professjonali u f’karigi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
· L-oħra biex jizdiedu l-opportunitajiet tan-nisa biex jilħqu dawn il-karigi.
Din il-ħidma, li l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara tesegwixxi permezz ta’ l-Eżekuttiv tagħha, id-Dipartiment għan-Nisa fis-Soċjeta’, tinkludi:
- Tisħiħ u aġġornar tad-Direttorju tan-Nisa Maltin;
- Monitoring u pubblikazzjoni ta’ statistika dwar ir-rappreżentanza ta’ nisa u rġiel fuq bordijiet u kumitati aġġornata kull sena fir-Rapport Annwali tad-Dipartiment;
- Rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet konċernati biex ikun hemm rappreżentanza bilanċjata ta’ nisa u rġiel fuq bordijiet u kumitati;
- Sottomissjoni ta’ proposti biex jissaħħu l-opportunitajiet għall-avvanz tal-mara fis-Servizz Pubbliku;
- Sottomissjoni ta’ proposti lill-iStaff Development Organisation (SDO) biex tkun inkluża l-perspettiva tal- gender fit-taħriġ li jingħata lill-uffiċċjali pubbliċi;
- Kors ta’ ‘Women in Management’ organiżżat flimkien ma’ l-SDO;
- Workshops għan-nisa kandidati fil-kunsilli lokali;
- Kampanja fil-medja biex
o aktar nisa jikkontestaw l-elezzjonijiet u
o biex l-elettorat jeleġġi kemm nisa u kemm irġiel;
- Analiżi annwali tar-riżultati ta’ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Dipartiment tas-Sanita' — Leakage tad-drenaġġ - Kalkara
Question
Jista' il-Ministru jara li d-Dipatiment tas-Sanita' jieħu l-passi neċessarji kollha ħalli jitneħħa l-leakage ta' drenaġġ fil-fond numru 5, Sqaq Marine Numru 2, Kalkara peress li wara li kont għamilt mistoqsija parlamentari 786 ftit taż-żmien ilu jirriżulta li din il-problema mhix solvuta kollha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għalkemm instab sadd fis-sistema tad-drenaġġ biswit il-fond bin-numru 5, fuq ordni tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dan tneħħa.
Infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għadu għaddej bl-investigazzjonijiet tiegħu sabiex l-inkonvenjent jiġi eliminat.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma it-toroq imniżżla fil-programm ta' toroq li għandhom isiru fil-futur qarib, il-Fgura, Kalkara u Ħaż Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi ftit xhur ilu tlesta x-xogħol li kien qed isir fi Triq Hompesch fil-Fgura u Labour Road f'Ħaż-Żabbar, fejn twaħħlu wkoll it-traffic lights, kif ukoll Triq Rinella u Misraħ l-Arċisqof Gonzi fil-Kalkara.
L-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda fil-proċess li tippubblika sejħa għall-offerti sabiex tiġi asfaltata l-aħħar parti ta' Triq Merħba u Triq is-Summien fil-Fgura, filwaqt li qed isiru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar sabiex jiġu asfaltati Triq l-Għakrux, Triq il-Berebies, Triq Sant Antnin u Sqaq Ganton.
Id-Direttorat tat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb fit-toroq kollha tal-pajjiż u l-prijoritajiet jiġu aġġornati, minn żmien għal żmien skond l-eżiġenzi li jkunu qed jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid jekk in-nollijiet tal-cargo u tal-passiġġieri tal- Gozo Channel hux se jiġu riveduti? Meta kien l-aħħar li l-accounts ta' din il-kumpanija ġew skrutinati minn accountant jew awditur pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Revizjoni tan-nollijiet tal-Cargo u tal-passiġġieri tal-Gozo Channel issir skond kif meħtieġ u apparagun tas-servizzi mogħtija mill-istess kumpanija.
L-aħħar accounts tal-kumpanija ġew skrutinati minn awdituri pubbliċi u huma għas-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta' Settembru, 2002.