Jista' il-Ministru jikkonferma li minħabba l-qtugħ ta' 10% tal-Ministeru tal-Finanzi minn nefqa awtoriżżata tad-dipartimenti u intrapriżi tal-Gvern hemm ċerti teams tal-MITTS li spiċċaw bla xogħol x'jipproċessaw u b'hekk il-ħaddiema se jiġu sparpaljati ma teams oħrajn tal-MITTS fuq bażi temporanja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-programm ta' żvilupp kontinwu matul dawn l-aħħar xhur, il-MITTS Ltd allokat diversi impjegati minn fuq attivitajiet msejjħa bħala non-core, għal fuq attivitajiet li huma core jew ta' qasam speċjalizzat bħal per ezempju, e-government, m-government, u Internat Technoligies. Il-MITTS Ltd qegħda wkoll tinvesti fi training speċjalizzat għall-impjegati tagħha, biex b'hekk tkun tista' tkattar il- valuri tal-ħaddiema tagħha fil-qasam tat-teknoloġija.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq ix-Xatt, Bormla? X'kien jinkludi t-tender u min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid sarx il-ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi oriġinarjament kienet ħarġet sejħa għall-offerti biex isir Triq San Ġorġ u li għaliha kienu tefgħu l-offerta tagħhom, General Road Services Ltd, Asfaltar Ltd u Silvar Construction and Services Ltd u li ntrebħet minn General Road Services Ltd.
Irriżulta illi peress li fi Triq San Ġorġ is-servizzi kollha instabu fil-wiċċ tat-triq, ix-xogħol meħtieġ ma setax isir. Għalhekk bi ftehim bejn il-Kunsill Lokali u l-Awtorita dwar it-Trasport ġie deċiż li l-kuntratt jintuża biex isir xogħol fi Triq ix-Xatt.
Ix-Xogħol fi Triq ix-Xatt li nkluda wkoll tibdil fil-mains ta' l-ilma għadu kif tlesta u ħa xahrejn u nofs. Dan mistenni li jqum madwar Lm13,800. Fil-mument id-Direttorat tat-Toroq qed jistenna r-riżultati tat-testijiet biex ikun jista' jiġi ċċertifikat ix-xogħol. S'issa għadu ma sar l-ebda ħlas lill-kuntrattur għax-xogħol li sar f'din it-triq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Ministeru ħareġ ċerti implementation dates għall-ċerti proġetti ta' IT mingħajr konsultazzjoni ma' min se jkun involut fil-MITTS?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal-liema proġetti qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-inkjesta li nżammet rigward il-culvert ta' Ħaż Żebbuġ ġietx magħluqa? Jista' il-Ministru jgħid kif baqa' l-istess Kunsill ta' Ħaż Żebbuġ mal-kuntrattur ikkonċernat?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li r-rapport ta` l-inkjesta għadu ma ġiex ippublikat. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 656.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq San Mikiel, Bormla? X'kien jinkludi t-tender u min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol u jekk għadu mhux mitmum, meta se jitlesta? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid sarx il-ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fit-triq imsemmija qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Committee biex jitranġa l-paviment tal-qawwi li hemm f'din it-triq li qed tirrikjedi wkoll xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma mill-Water Service Corporation. Għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq il-Mitħna, Bormla? X'kien jinkludi t-tender, min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid jekk sarx il-ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ingħata wara sejħa għal offerti li għaliha tefgħu l-offerta tagħhom, General Road Services Ltd, Asfaltar Ltd u Silver Construction and Services Ltd u li ntrebħet minn General Road Services Ltd.
Minħabba xogħol addizjonali li ma kienx previst, u li tfaċċa meta kien ser jinbeda x-xogħol u li kien jinkludi devjazzjoni ta' parti minn network ta' dranaġġ, xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma u bini ta' storm water culvert fi Triq Matty Grima ħa ħames xhur biex jitlesta peress li nstab li l-ilma tax-xita ta' wħud mir-residenzi ta' Triq il-Mitħna kien qed jispiċċa fid-dranaġġ.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm20,090.70, hekk kif ġie ċċertifikat mill-perit inkarigat, li minnhom il-kuntrattur tħallas Lm14,491.27.0.
Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq id-Dejqa, Bormla? X'kien jinkludi t-tender, min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid jekk sarx il-ħlas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fit-triq msemmija kien qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Project sabiex l-asfalt li kien jgħatti l-parti tal-paviment tal-qawwi li kien hemm f'din it-triq jitneħħa. Ix-xogħol bħalissa wieqaf peress li jrid isir xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Għalhekk għal-aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex għadu għaddej xogħol taħt il-Mina ta' Sta. Liena? Kemm ilu għaddej dan ix-xogħol u x'jinkludi? Meta jaħseb li se jitlesta x-xogħol u tingħalaq il-ħofra kbira li hemm taħt l-istess mina?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li taħt il-mina ta' Santa Liena f'Bormla qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Committee. Il-ħofra msemmija mill-Onor. Interpellant hija fil-fatt skavi arkeoloġiċi li qed jitwettqu fil-lokalita. Għalhekk għal aktar nformazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jintervjeni fil-każ ta' missier li għandu bżonn trasport għall-ġuvni b'diżabilita' biex imur iċ-ċentru tal-Birgu jew missieru jsirlu arranġament biex ikun jista' jwassal lit-tifel li l-partikularitajiet tiegħu jidhru separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment konċernat jista’ jipprovdi b’trasport lit-tifel tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant biex jattendi fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Ħal-Far. Dan peress li t-tifel hu residenti fil-catchment area ta’ dan iċ-Ċentru għal dak li jirrigwarda trasport provdut mid-Dipartiment.
B’dan kollu jistgħu isiru arranġamenti biex it-tifel ikun jista’ jattendi ċ-Ċentru tal-Birgu jekk il-missier jipprovdi trasport hu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix ftehim bejn il-Gvern Malti u dak Awstraljan dwar kura tas-saħħa b'xejn? Jista' il-Ministru jgħid jekk ċittadini Maltin li jkunu fuq żjara fl-Awstralja għandhomx dritt għal-kura b'xejn fi sptarijiet tal-istat Awstraljan u jekk ċittadini Awstraljani għandhomx l-istess drittijiet tal-istat Malti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant illi jeżisti ftehim bilaterali dwar servizzi tas-saħħa bejn il-Gvern Malti u l-Gvern ta' l-Awstralja; dan il-ftehim ġie ffirmat f'Lulju tal-1988 u emendat f' Awissu 1997.
Skond dan il-ftehim, ċittadini Maltin li jkunu fuq żjara fl-Awstralja għandhom aċċess limitat b'xejn għas-servizzi tas-saħħa tad-diversi stati fl-Awstralja (jigifieri t-territorju kollu ta' l-Awstralja kif ukoll il-gżira ta' Cocos (Keeling) u l-gżira tal-Christmas), sa perjodu ta' sitt xhur mill-bidu tal-mawra tagħhom fl-Awstralja.
Dan japplika biss f'każi ta' trattament ta' mard jew trawma li sseħħ matul il-btala u li jirrikjedi trattament ta' emerġenza qabel ma l-persuna tirritorna f'pajjiżha.
Jekk il-kundizzjoni medika ta' persuna eliġibbli taħt dan il-ftehim tirrikjedi ammisjoni fi sptar, dan jiġi trattat bħala pazjent pubbliku, u l-kura medika tingħata biss fi sptar pubbliku.
L-istess japplika għal ċittadini Awstraljani li jkunu għal btala f'Malta.
Studenti ta' ċittadinanza Maltija li jmorru biex jistudjaw fl-Awstralja mhumiex koperti minn dan il-ftehim tant li jeħtieġ li jkollhom l-Overseas Student Health Cover (OHSC).
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'użu qed isir minn Villa Francia f'Ħal-Lija li kienet tħalliet b'wirt għall-Istat? Jista' jgħid jekk hemmx possibbilta' li tibda tintuża mill-kunsill lokali tal-post?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm programm ta’ xogħol ta’ restawr ġo Villa Francia.
Għad m’hemmx deċiżjoni finali dwar l-użu tal-Villa.
Ħal-Lija/Ħal Balzan — Qtugħ fil-provvista ta' l-ilma
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1047 u cioe' jgħid kemm-il darba nqata' l-ilma f'Ħal Lija u Ħal Balzan mill-1 ta' Jannar sal-lum? Kemm-il siegħa kull darba? X'kienet ir-raġuni f'kull każ? Jista' jgħid ukoll għaliex wara li nqata' l-ilma mill-istess inħawi u bnadi oħra t-Tnejn 30 ta' Ġunju fit-8.00 a.m. fl-inħawi ta' Triq il-Forn f'Ħal Lija kien għadu ma ġiex bi pressa normali fuq 30 siegħa wara?
Response (GATT, AUSTIN)
Mill-ewwel ta' Jannar 2003 il-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma qatgħet l-ilma għal-darbtejn mill-lokalitajiet imsemmija. Fid-darbtejn, l-ilma inqata' għal-madwar 12-il siegħa.
Dan sar biex jitwettaq tibdil fis-sistema tad-distribuzzjoni li titma' lil dawn il-lokalitajiet, liema sistema kienet qadima ħafna u ddum biex timtela wara qtugħ fol-provvista.
Bix-xogħol li sar, il-pressa issa hija aħjar. Fuq kollox, is-sistema issa hi f'qagħda li tiġi għan-normal ferm aktar malajr wara xi interruzzjoni fis-servizz.
Jikkunsidrax il-Ministru li l-funtana li tinsab fil-bitħa li hemm maġenb id-daħla minn Triq San Pawl , Raħal Ġdid terġa tinqala u tingħata lill-Kunsill ta' Raħal Ġdid? Peress li din il-funtana oriġinarjament kienet tagħmel parti mill-patrimonju u l-pjazza ta' Raħal Ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Billi jien infurmat li Triq San Pawl, Raħal Ġdid ma teżistix nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżatt fejn tinsab din il-funtana.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kemm saru ċitazzjonijiet minn wardens f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jelenka liema kienu l-liġijiet li nkisru u kemm saru ċitazzjonijiet f'kull każ?
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1141 u cioe' kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2002 sal-lum fid-dipartimenti tal-gvern kollha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ trasferimenti bejn ministeru u ieħor kif approvat mill-“Management and Personnel Office” mill-1 ta’ Jannar, 2002 sat-8 ta’ Lulju, 2003 huwa ta’ 456.
Dwar it-trasferiment fi ħdan l-istess ministeru u mhux fl-Uffiċċju tiegħi, nitlob l-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat billi dawn it-trasferimenti jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru rispettiv.
Trasferimenti bejn dipartiment u ieħor fid-dekasteru tiegħi fl-istess żmien kienu 32.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għad-dewmien biex jinħarġu/jirċievu c-cheques tac-children allowance il-benefiċċjarji kkonċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm żewġ raġunijiet prinċipali li kkawżaw ftit dewmien li mhux tas-soltu fil-ħruġ taċ-ċekkijiet taċ-Childrens’ Allowance.
Din is-sena bdiet titħaddem sistema elettronika ġdida u aktar soffistikata biex tivverifika d-depożiti fil-banek ta’ l-applikanti. Dan sar biex ikun żgurar li l-allowance titħallas bir-rata korretta u skond kif dovut. Fl-istess ħin kellhom jittieħdu wkoll passi amministrattivi biex jiżguraw li din is-sistema tkun konformi mal-provvedimenti ta’ l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, li nġiebu fis-seħħ riċentement.
Irrid ngħid li kien hemm ukoll każijiet ta’ dewmien fil-ħruġ ta’ l-allowance li ma kienux dovuti għar-raġunijiet li semmejt. Bħal ma ġara f’kull sena li għaddiet, din is-sena wkoll kien hemm applikazzjonijiet li jew waslu tard jew kellhom informazzjoni nieqsa jew skorretta. Dawn ta’ l-aħħar kellhom jintbagħtu lura fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex tinġabar mill-applikant l-informazzjoni nieqsa jew dik korretta skond il-każ.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment konċernat qed jagħmel dak kollu possibbli biex jiżgura li l-pagamenti li għad fadal isiru jinħarġu fl-iqsar żmien.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tinħareġ il-pensjoni ta' l-armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Jista' il-Ministru jispjega kif kamra fil-ġnien tal-Psychiatric Unit tal-isptar San Luqa qed tintuża għat-trobbija ta' l-għasafar? Jikkonfermax li din il-kamra qed tintuża f'dan is-sens mill-kap ta' din il-unit stess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Huwa veru li kamra fil-ġnien tal-Psychiatric Unit ta' l-isptar San Luqa qegħda tintuża għat-trobbija ta' l-għasafar. L-uniku skop għal din il-kamra huwa li jservi bħala forma ta' terapija u żvog għal pazjenti rikoverati f'din il-Unit.
Dan it-tip ta' żvog jeżisti wkoll f'ċerti swali fl-isptar Monte Carmeli. Eżempju l-Young People's Unit u l-Male Ward 8.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-air conditioners fis-swali 7/8 ta' l-irġiel fir-residenza San Vinċenz de Paule humiex bil-ħsara? Jekk iva, jistgħu jittieħdu passi biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-air conditioners fis-swali ndikati mill-Onor. Interpellant kienu jaħdmu regolarment iżda peress li wieħed mill-kompressuri kien jeħtieġ tiswija, l-air conditioners ma kienux qed ilaħħqu mas-sħana li għamlet f’dawn l-aħħar ġranet.
Ninsab infurmat ukoll li t-tiswijiet fuq il-kompressur issa tlestew u qed isiru t-testijiet meħtieġa.