Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet tal-Gvern — Lifts

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-Politika tal-Gvern fejn jidħlu il-lifts fil-qasam ta' postijiet ġodda tal-Gvern; fil-qasam ta' postijiet qodma tal-Gvern u fil-qasam tas-settur privat (Housing)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern dwar il-lifts fil-qasam ta’ blokki ġodda tal-Gvern hi li dawn il-blokki jiġu fornuti b’lift. Għal dak li jirrigwards blokki qodma tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar tikkunsidra applikazzjonijiet taħt Skema V biex tinstalla lift fejn ikun hemm persuna li jkollha diżabilita’ ta’ mobilita’ tgħix fil-blokk. Residenti f’dawn il-blokki li jkunu xtraw l-appartament mingħand l-Awtorita’ jintalbu jħallsu 50% tas-sehem tagħhom filwaqt li l-inkwilini l-oħra ma jħallsu xejn għall-installar. Taħt Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, persuni b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li jgħixu fi blokki privati jingħataw sa massimu ta’ Lm2,800 bħala sussidju biex jinstallaw lift fil-blokk tagħhom.

Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-kera li ġiet imwaqqfa fl-1998? Jista' jitpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra rigward ir-rakkomandazzjonijiet ta' din l-istess kummissjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sallum, il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, mwaqqfa fl-1998 mill-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien, għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha u dan minkejja diversi tentattivi minn naħa tiegħi biex tagħmel dan u l-fatt li l-membri tagħha kienu tħallsu qabel ma’ daħlet l-Amministrazzjoni ġdida Nazzjonalista f’Settembru 1998.

Reviżjoni tal-liġijiet tal-kera

Question

Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-Eċċellenza tiegħu il-professur Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament rigward reviżjoni sħiħa tal-liġijiet tal-kera, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Diskors tal-President — Użu tad-djar vojta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-E.T. il-President ta' Malta Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-parlament li jingħataw inċentivi għall-użu tal-ħafna djar vojta li hawn, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #1366 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Flats tal-Gvern — Taċ-Ċawla - Installazzjoni ta' lifts

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1187, peress li ma kien hemm ebda aċċenn għall-istallar ta' lifts bil-blocks, ma taħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li tiġi ndirizzata din il-problema tar-residenti tal-flats tal-Gvern f'Taċ-Ċawla li appuntu jkollhom il-faċilita' tal-lift?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jagħmel il­mistoqsija lill­Ministru kkonċernat.

Private Investigators

Question

Jista' il-Ministru jindika liema hija l-liġi li tirregola l- private investigators li kulma jmur qed isiru dejjem iktar numerużi? Jekk m'humiex regolati b'liġi ad hoc, jikkunsidra li jiġu regolati b'liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-servizz ta` private investigators huwa regolat bl-Att ta` l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389).

Housing — Użu ta' ħafna djar vojta li hawn

Question

Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors ta' l-E.T. il-President Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament fejn qal li ser jingħataw inċentivi għall-użu tal-ħafna djar vojta li hawn, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar is-suġġett kif dawn jiġu finaliżżati.
Leg 10 PQ #1402 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Skola tal-biedja

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex l-iskola tal-biedja ġiet trasferita għall-band oħra? Taħseb il-Ministru li l-premises il-ġodda ta' l-iskola tal-biedja huma addattati u adegwati għall-bżonnijiet kemm ta' l-istudenti kif ukoll ta' l-għalliema? Tista' tgħid ukoll kemm ilu pjanat dan it-trasferiment peress illi ma kien kemm ebda aċċenn jew ebda konsultazzjoni mad-diretti interessati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il­mistoqsija lill­Ministru konċernat.

Raħal Ġdid — Talba għal reserved parking

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1268 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' jekk jogħġbok tara li jsir mill-aktar fis ir-reserved parking għal anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba d-diżabilita' li għandha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku qed jevalwa l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata.

Rehabilitation project committee

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1331 u cioe' kemm intnefqu flus mir-rehabilitation project committee sa mit-twaqqif tagħhom, sena b'sena? Jista' jgħid liema huma l-proġetti li saru sa mit-twaqqif u kull proġett kemm ġie jiswa?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija appoġġ — Każ dwar tliet neputijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni jew inkella spjegazzjoni privata lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ġejt inkarigat minnha biex nagħmel din il-mistoqsija, għaliex ittieħdulha mill-kustodja tagħha it-tlett neputijiet (tfal tat-tifla) mill-aġenzija appoġġ? Jaf il-Viċi Prim Ministru li din il-persuna kienet qiegħda trabbi lil dawn it-tfal b'kunsens verbali mill-istess tifla tiegħu u fin-nuqqas tal-ġenituri tagħhom li ma kenux u ma humiex f'pożizzjoni li joffru trobbija lit-tfal in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li kwistjoni tant delikata, bħal ma hi l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħarsien dwar minorenni, u li hi s-suġġett ta’ din il-Mistoqsija, għandha tkun suġġetta għal spjegazzjoni pubblika. Iżda irrid ngħid li l-Qorti ċaħdet l-oġġezzjoni li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għamlet dwar il-ħruġ ta’ din l-Ordni.

Irziezet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn f'pajjiżna irziezet tat-tiġieġ; irziezet tal-fniek; irziezet tal-majjal u irziezet tal-baqar? Jista' jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar kif sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea se tolqot u taffettwa n-numru ta' dawn l-irziezet? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid kif dan se jsir u minn liema rapporti u studji jirriżulta dan? Jekk huwa possibbli, jista' ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' rziezet huwa: Tiġieġ (Broilers/Layers) 355 ir-razzett Majjal 172 ir-razzett Baqar 149 ir-razzett Għar-rigward ta' fniek dawn mhumiex irreġistrati fil-mument, iżda fil-futur qrib, dawk li għandhom iżjed minn 20 fenka, ser ikunu jridu jirreġistraw mad-Divizjoni tal- Ikel u Attivita' Veterinarja, u għalhekk ser ikollna figura ghal dawn. Ma kienx meħtieġ li jsiru xi rapporti minħabba li l-parti l-kbira ta’ l-annimali fl-irziezet għall-laħam jew ħalib kellhom permess / kwoti skond il-Konvenzjoni ta’ l-Kunsill ta’ l-Ewropa li hija riflessa fil-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropeja. Sar survey intensive fuq kull razzett ta’ l-industrija tal-bajd, fejn hemm numru ta' rziezet li m' għandhomx gaġeġ adattati. Intlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropeja biex 12 ir-razzett ikollhom żmien ta’ tranżizzjoni ta' sentejn biex jirranġaw il-gaġeġ.

Santa Venera — Triq Fleur-de-Lys - rampa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 957 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern u cioe' jista' il-Ministru jara li ssir rampa fil-bankina fi Triq Fleur-de-Lys sabiex jagħmlu użu minnha persuni li jkunu qed jaqsmu minn fuq iż-zebra crossing ta' ħdejn ir-Roxy?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt ir-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali biex jaraw x'l-aħjar li jsir.
Leg 10 PQ #1414 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Ċentru Malti ta' l-arbitraġġ

Question

In vista tas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċentru Malti ta' l-arbitraġġ, jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux pjani li jagħlaq iċ-ċentru jew jekk hux se jgħaddilu s-subvention li kien wiegħdu?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern ma għandu ebda intenzjoni li jagħlaq iċ-ċentru, anzi ta` min isemmi li kien proprju fil-leġislatura l-oħra li dan beda jopera. Mhux biss, iżda bl-Att XXXI ta` l-2002 saru numru ta` emendi sabiex dan jiġi aġġornat maż-żminijiet u l-ħtiġijiet. Għalkemm ir-riżultati ma humiex kompletament sodisfaċenti fis-sens li n-numru ta` persuni li rrikorrew għall-arbitraġġ huwa żgħir, pero` l-Gvern huwa kommess sabiex isostnih u jissudah billi huwa post tajjeb fejn jiġu meħlusa aktar malajr pendenzi legali. Għalhekk għandhom jittieħdu numru ta` miżuri għal dan il-għan.

Industrija tal-kostruzzjoni — Skart

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 958 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u cioe' Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy rigward skart konsistenti f'terrapien ta' l-industrija tal-kostruzzjoni? Fejn qed jintrema' dan l-iskart illum? Min huma s-soċjetajiet privati li huma nvoluti f'dan il-proċess? Xi ħlasijiet isiru sabiex isir dan ir-rimi? Kien hemm tenders għal dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy rigward skart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni hija li dan l-iskart ma jibqax jintefa' l-Magħtab, iżda jintefa' f'barrieri li m'għadhomx jintużaw għall-iskop oriġinali tagħhom sabiex dawn jiġu rijabilitati għall-użu agrikolu skond il-gwidi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar. Din il-policy diġa' qed tiġi mplimentata. Fis-sena 2002, it-taqsima tax-xogħlijiet fi ħdan dan il-Ministeru ħarġet sejħa għal tenders ristretta għal dawk il-konsorzji li kienu ġew shortlisted fi proċess ieħor pubbliku relatat ma' l-Integrated Solid Waste Management Project. Il-kuntratt għall-immaniġġjar ta' l-iskart ta' l-industrija tal-kostruzzjoni ngħata lill-konsorzju magħmul minn Polidano Brothers Ltd. u Staedtereinigung West Nolting GmbH & Co. Ltd, kumpanija Ġermaniża. It-tariffa għar-rimi ta' dan l-iskart hija Lm1.18ċ kull tunnellata mingħajr VAT.

Ħaż-Żabbar — Triq Bieb is-Sultan

Question

B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti tiegħi fil-leġislatura l-oħra u konsultazzjonijiet mad-direttur tat-toroq, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq Bieb is-Sultan, Żabbar li kif jaf kienet twessgħet kollha ħlief għall-parti żgħira li tħalliet b'għalqa fin-nofs? Billi ntqal diversi drabi li kien beda l-proċess biex din l-għalqa tiġi esproprjata wara, jista' ġentilment jgħid fiex wasal dan il-proċess ta' esproprjazzjoni u meta hemm il-ħsieb li bejn wieħed u ieħor titwessa' din il-parti tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-parti ta' l-għalqa li għadha ma tteħdietx u li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma kienitx inxtrat mill-iżvilluppatur li bena fil-ġenb ta' din it-triq skond il-liġi. Fil-preżent għadhom għaddejjin il-proċeduri mas-sidien ta' din l-għalqa sabiex din l-art tkun tista' tinxtara.

Gwardjani lokali — Regolamenti dwar parkeġġ f'zoni ristretti f'każi ta' emerġenza

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra l-ħruġ ta' regolamenti/linji gwida lill-gwardjani lokali sabiex f'każi ta' emerġenza, bħalma hu l-każ ta' anzjan li jgħix fid-dar ta' l-anzjani Marina Home li jirrikjedi l-bdil ta' ċilindru ta' l-ossiġnu u l-parkeġġ huwa kważi impossibbli, il-fatt li wieħed jieqaf fuq zona ristretta sakemm jgħabbi lill-istess pazjent, ma jkunx il-każ li persuna tiġi mmultata? Jekk fl-affermattiv, jista' ikun il-każ li l-gwardjan bin-nru. 122 jiġi avżat b'dan?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Membru li l-Gwardjani Lokali normalment jimxu fuq ir-regolamenti/linji ta` gwida li jistgħu jingħataw lilhom f`każi ta` emerġenza mill-Kunsill Lokali fejn ikunu qegħdin jagħmlu l-beats tagħhom. Għaldaqstant nixtieq nissuġġerixxi lill-Onor. Membru biex it-talba tiegħu jagħmilha lill-Kunsill ikkonċernat.

BICAL — Arretrati

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir l-aħħar pagament in konnessjoni ma' arretrati tal-BICAL?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Kontrollur qiegħed bħalissa fil-proċess li jillikwida il-kumpaniji assoċjati mal-BICAL biex b'hekk tkun tista' issir distribuzzjoni lid-depożitanti u kredituri tal-Bank.

Anzjani — Home-help

Question

Jista' jgħid kemm hawn anzjani bħalissa li mhux qed jingħataw home-help għax il-persuni li s-soltu jipprovdu dan is-servizz jinsabu bil-leave? Jista' jgħid jekk hemmx replacements għall-persuni bil-leave? Jekk m'hemmx kif qed jiġu mgħejjuma l-anzjani li għandhom bżonn is-servizz tal-home-help?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li każijiet fejn l-Assistenti Soċjali jkunu bil-leave fit-tul u xi klijent tagħhom ma jkunx jista’ jgħaddi mingħajr is-servizz ta’ Home Help, il-klijent jingħata replacement. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta’ klijenti tas-servizz tal-Home Help li ma jingħatawx dan is-servizz għax l-Assistenti Soċjali assenjati magħhom ikunu bil-vacation leave jew sick leave, għax ma jkunx possibbli li dawn ta’ l-aħħar jiġu rimpjazzati, jvarja minn ġurnata għall-oħra. Id-Dipartiment responsabbli jara li, kemm jista’ jkun, in-numru ta’ Assistenti Soċjali bil-vacation leave jkun wieħed raġjonevoli u mqassam fuq kull distrett/reġjun biex ma jkunx hemm impatt negattiv fuq l-għoti tas-servizz. Sfortunatament, dan ma japplikax fil-każ tas-sick leave li t-teħid tiegħu hu mprevist. Madankollu, mill-esperjenza ta’ din is-sena, li fil-fatt hi l-ewwel sena li l-Assistenti Soċjali ngħataw kundizzjonijiet ġodda ta’ xogħol inkluż id-dritt għall-vacation u sick leave, d-Dipartiment konċernat qed jara kif jista’ jtejjeb l-effiċjenza tas-servizz.