Jista' il-Ministru jgħid min huma l-avukati li jiċċekkjaw il-files tal-home loans, BOV, Palace Square, Valletta qabel ma jsiru l-kuntratti? Meta ġew ingaġġati u taħt liema kondizzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura kummerċjali tal-BOV, mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'għadu jimpedixxi lill-awtoritajiet konċernati milli jneħħu lis-sajjied Sqalli ta' nazzjonalita' Taljana li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, mill-blacklist ta' dawk il-persuni li m'għandhomx permess jidħlu f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 117 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 121 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 89, jista' il-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda separatament u jagħti l-ammonti separati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi — Direct orders
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 123 kemm huma l-ammonti ta' flus għal-direct orders awtorizzati mill-Ministru, Segretarju Permanenti, uffiċjali, eċċ, separatament skond l-awtorita' tal-Ministru tal-Finanzi stabbilita' għall-din il-leġislatura? X'kienet is-sitwazzjoni għall-leġislatura li għaddiet?
Response (DALLI, JOHN)
Kemm f'din il-leġislatura kif ukoll fil-leġislatura li għaddiet, il-proċedura għall-awtoriżżazzjoni ta' direct order, li trid tintalab lill-Ministeru responsabbli għall-finanzi skond ir-Regolamenti Finanzjarji, hi li s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru jkun delegat mill-Ministru responsabbli għall-finanzi għal dan il-għan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħabsin ta' ċittadinanza Maltija u barranija? Kemm minnhom se jiskontaw il-piena tagħhom din is-sena?
Jista' il-Ministru jgħid ukoll x'inhu n-numru ta' refuġjati u klandestini li jinsabu f'pajjiżna? Kemm minnhom huma rġiel, nisa, tfal u żgħażagħ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi preżentament hemm mitejn u ħamsa u sebgħin (275) priġunier fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Priġunieri Maltin hemm mija u erba` u tmenin (184) filwaqt li barranin hemm wieħed u disgħin (91).
Hemm madwar sebgħin priġunier li huwa maħsub li jispiċċaw is-sentenza tagħhom sa l-aħħar tas-sena.
Infurmat ukoll illi n-numru ta` persuni li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati u li jinsabu pajjiżna fil-mument huwa ta` 177. Dawn jikkonsistu f`122 persuna (61 raġel, 19 nisa u 42 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat tal-UNHCR; u 55 persuna (34 raġel, 15 nisa u 6 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat maħruġ mill-uffiċċju Malti tal-Kummissarju għar-Refuġjati.
Hemm ukoll 351 persuna li għandhom status umanitarju. Dawn jikkonsistu f`9 (kollha rġiel) b`ċertifikat tal-UNHCR; u 342 (179 irġiel, 53 nisa u 110 persuni taħt it-18-il sena) b`ċertifikat ta` l-uffiċċju lokali tal-Kummissarju għar-Refuġjati.
Dwar l-immigranti illegali ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li qed jinżammu mill-forzi tas-sigurta` hu ta` 405 li minnhom 316 huma irġiel, 54 huma nisa u 35 (21 subien, 14 bniet) għandhom taħt is-16-il sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 106 u cioe` jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul ix-xahar ta' Mejju, 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa s-segwenti:
Bla feruti
Bil-feruti
Fatali
Total
Mejju 2003
1,167
75
2
1,244
Universita' — Avukati li jagħmlu xogħol ta' traduzzjoni tal-lingwa Maltija
Question
Fid-dawl ta' avviż mill-UE għar-reklutaġġ ta' avukati li jafu l-Malti perfett biex jagħmlu xogħol ta' traduzzjoni, jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' kkonsidratx kemm 'il quddiem se jkollna avukati b'dawn il-ħiliet meta l-Malti lanqas biss m'għadu meħtieġ biex issegwi kors tal-liġi fl-Universita' ta' Malta? Tista' tiġi rikonsidrata u mibdula din id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-Malti mill-kors tal-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux eżatt meta wieħed jgħid li l-Malti m'għadux meħtieġ biex issegwi kors tal-liġi fl-Universita' ta' Malta u lanqas hu eżatt li jingħad li ittieħdet deċiżjoni li jitneħħa l-Malti mill-kors tal-liġi.
Huwa veru li f'mument kienet issawwret proposta biex dan isir. Iżda kien hemm rejazzjoni pożittiva minn naħa tal-bord tal-Fakulta' tal-Liġi għall-kontroversja negattiva li din il-proposta qanqlet.
Informat li s-sitwazzjoni illum hi:
a) Il-Malti fil-livell Ordinarju tas-SEC hu rekwiżit obbligatorju għal KULL Kors fl-Univesita' ta' Malta. Huma eżenti biss ulied l-emigranti Maltin li jkunu irritornaw u ma jkunx ilhom Malta żmien biżżejjed biex jitgħallmu l-Malti u, naturalment, l-istudenti barranin.
b) Il-Malti u l-Ingliż fil-livell intermedju tal-MATSEC hu rekwiżit obbligatorju għal dħul fil-Fakulta' tal-Liġi. Qabel kien rekwiżit il-livell avvanzat. Is-Senat ta' l-Universita', filwaqt li żamm l-obbligu tal-Malti fil-livell intermedju, fetaħ il-livell avvanzat għal diversita' usa ta' suġġetti. Dan sar fid-dawl ta' l-iżvilupp li qed iseħħ fil-professjoni legali li illum m'għadhiex ristretta għal pariri u kawżi fil-Qrati u minflok qed tinfirex f'diversi oqsma ta' speċjalizazzjoni kif tirrikjedi r-realta' ġdida li qed tgħix Malta fl-UE u fl-ekonomija globalizzata.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 822 u cioe' b’referenza għall-mistoqsija numru 466 li saret lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura, jista' l-Ministru jgħid min hu d-direttur li jirrappreżentah fuq il-Kunsill Malti għall-Isport? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'ħidma wettaq fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport u xi pjanijiet hemm sabiex l-isport u l-attivita` sportiva jsiru aktar popolari? Fl-aħħarnett jista' jgħid fil-qosor x'ġie organizzat fis-sena skolastika li għaddiet f'dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Direttur li jirrappreżenta l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fuq il-Kunsill Malti għall-Isport huwa s-Sur Euchar Camilleri.
Filwaqt li s-Sur Camilleri għandu diversi karigi fil-ħidma amministrattiva fi ħdan il-Kunsill, fosthom bħala Chairperson tal-Bord tat-Tmexxija tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, u membru fuq bordijiet oħra qed jaħdem fuq skema bil-għan li tiffaċilita' l-użu mill-iskejjel tal-faċilitajiet sportivi reġjonali li għandu l-Kunsill fil-Marsa, l-Kottonera, fil-Pixxina Nazzjonali, eċċ.
Wieħed jifhem li mhux fil-kompitu tal-Kunsill Malti għall-Isport jew xi Direttur tiegħu li jorganizza attivitajiet, iżda li jfasal u jħaddem politika nazzjonali fil-qasam sportiv. Inizjatttivi meħuda mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jkunu jistgħu jiġu koordinati aħjar permezz tar-rappreżentant tal-Ministeru fuq il-Kunsill Malti għall-Isport.
Jista' il-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-Bord ta' l-Amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali? Kollha jirċievu ħlas? Jekk iva, kemm hu l-ħlas li jirċievu? Jieħdu xi allowances oħra? Jekk iva, x'inhuma?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Bord ta' l-Amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali huwa ffurmat minn dawn il-persuni :
Is-Sur Maurice Gruppetta Chairman Eżekuttiv
Is-Sur Joe Cassar Segretarju
Is-Sur Franco Azzopardi Membru
Is-Sur Peter Bonello Membru
Is-Sur Robert Ebejer Membru
Il-ħlas li jirċievu dawn il-membri huwa kif ġej :
Chairman Lm 9,000 fis-sena
Segretarju Lm 3,000 fis-sena
Membru Lm 1,000 fis-sena
Iċ-Chairman huwa wkoll intitolat għal persentaġġ ta' l-operational surplus li tista' tagħmel il-Pixxina matul is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mpjegati mal-Pixxina Nazzjonali? Meta daħal kull wieħed minnhom? Hemm impjegati tal-gvern li huma seconded mal-pixxina? Jekk iva, min huma u x'inhu x-xogħol tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija Numru 1072.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq fuel fil-Pixxina Nazzjonali fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar? Jista' jgħid kemm tħallsu s-issa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li n-nefqa fuq fuel għall-Pixxina Nazzjonali fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien kif ġej :
Jannar Lm 7,812
Frar Lm 11,636
Marzu Lm 7,254
April Lm 6,409
Mejju Lm 2,366
Ġunju Xejn
Total Lm 35,477
Minn din is-somma s'issa tħallsu Lm 27,432.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet mill-Pixxina Nazzjonlai fl-ewwel sitt shur ta' din is-sena? X'kienu l-oġġetti prinċipali li nsterqu? Jista' jgħid ukoll minn fejn sar dan is-serq, jekk hux mid-deck/dressing rooms? Kien hemm serqiet minn xi uffiċini? Kien hemm każi fejn iddaħħlu l-Pulizija? Jista' jgħid ukol x'passi ttieħdu sabiex, kemm jista' jkun, dawn l-affarijiet jiġu evitati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher hawn taħt :
1. Fil-25 ta' Frar kien irrapurtat sgass f'wieħed mill-uffiċini. Ma kien instab xejn
nieqes u l-persuna konċernata qatgħetha li ma tagħmilx rapport lill-pulizija.
2. Basket u telefon ċellulari kienu rrapurtati nieqsa minn fuq id-deck fit-2 ta'
Mejju u l-każ kien rappurtat lill-pulizija li ħadet il-każ f'idejha.3. Rapport ta' basket żgħir nieqes minn fuq id-deck kien rappurtat fis-26 ta' Ġunju.
Skond ir-rapport, il-basket kien fih telefon ċellulari u arloġġ ta' l-idejn.
Il-basket instab ftit wara iżda t-telefon ċellulari baqa' nieqes. Sar rapport
lill-pulizija li qed tinvestiga l-każ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentri 746 li tittratta dwar l-E-Europe 2005 action plan, jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu jew se jittieħdu f'dan is-sens?
Jista' jgħid ukoll liema huma dawk l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li huma responsabbli mit-twettiq ta' l-istess action plan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, b'kollaborazzjoni ma' l-eMalta Commission huwa responsabbli għall-programm 'eContent' li huwa wieħed mill-inizjattivi fi ħdan l-istess Action Plan. Ir-rwol tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fir-rigward ta' l-eContent huwa dak ta' disseminazzjoni tal-programm.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li ħareġ mill-ICT Learning Centre fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħames Għawdxin li jaħdmu mal-Maltacom p.l.c. u li ta' kuljum iridu jmorru Malta għax-xogħol u jirritornaw lura fil-għaxija qegħdin jiġu mġiegħla li biex jingħataw is-servizz ta' trasport iridu bilfors jiffirmaw dikjarazzjoni li huma personalment responsabbli għall-ħlas ta' danni lilhom personali u/jew lill-passiġġieri fl-istess vettura u għal kull ħlas ieħor spettanti lil terzi anke f'każ ta' danni fuq proprjeta' mobbli u/jew immobbli tal-Maltacom p.l.c. jew ta' terzi u dan f'każ li l-assigurazzjoni maħruġa fuq l-istess vettura għal kwalunkwe raġuni ma tkoprix l-istess danni? Għaliex sħabhom Maltin ħaddiema tal-Maltacom ma ġewx imġiegħla jiffirmaw l-indemnity form?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba n-natura kummerċjali ta' Maltacom p.l.c., mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Tista’ il-Ministru jgħid u jispjega għaliex fl-iskola primarja tax-Xewkija Għawdex minn teaching staff ta’ 11 hemm 4 minnhom li huma instructors? Ma jidirlhux il-Ministru li erbgħa minn ħdax huwa persentaġġ għoli ħafna tenut kont anke l-bżonnijiet tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull skola f'Malta u f'Għawdex issib kemm għalliema kif ukoll instructors.
L-instructors laħqu dan il-livell wara li kien sarilhom kors pedagoġiku. Id-Diviżjoni ma tagħmel l-ebda differenza bejnhom u bejn l-għalliema fejn jidħol it-taħriġ tagħhom (In-Service Courses).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-għajnuniet kemm finanzjarji kif ukoll tekniċi li l-Unjoni Ewropea se tagħtina fir-rigward tal-proġett skart u ta' l-engineered landfill? Se tagħtina dawn l-għajnuniet qabel ma nsiru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi għajnuniet finanzjarji u tekniċi li l-Unjoni Ewropea ser tgħaddi lil pajjiżna. Bħala fondi pre-accession, Malta diga` gawdiet għajnuna finanzjarja ta' iktar minn 1.9 miljun EURO f'diversi studji u proġetti, bħalma huma:-
Evaluation of Solid Waste Management Proposals, 92,000 Euro
Environment - Strategies for Compliance with Environmental Acquis 200,000 Euro
and other Feasibility Studies,
Analysis and Approximation for Malta in the field of Environmental 200,000 Euro
Legislation,
Establishing Institutional Capacity in the Environment Sector, 1,400,000 Euro
A Solid Waste Management Strategy for the Maltese Islands. 92,000 Euro
Valur Totali 1,984,000 Euro
Fir-rigward tal-proġett skart, l-għajnuna finanzjarja u teknika tikkonsisti f'għajnuna li l-Unjoni se tipprovdi matul il-kumplament ta' din is-sena. Din l-għajnuna tiswa iktar minn 4.2 miljun EURO u tikkonsisti f'għajnuna teknika u fil-proġett tal-impjant tat-tisfija tad-dranaġġ f'Għawdex.
Technical assistance for the preparation of a project to upgrade the 198,000 Euro
composting plant and the material recycling and recovery facility,
Technical assistance for the support of waste collection services and 179,000 Euro
management,
Technical assistance for the development of implementation systems for 150,000 Euro
producer responsibility directives,
Gozo Sewarage Treatment Plant {Valur totali 7.2 miljun EURO 3,700,000 Euro
(EU Funds: 3.7 miljun EURO, Malta Funds 3.5 miljun EURO)}
Valur Totali 4,227,000 Euro
Fir-rigward ta' l-engineered landfill, l-għajnuna li Malta rċeviet s'issa tikkonsisti f'żewġ żjajjar ta' familjariżżazzjoni, waħda minnhom (li diġa` saret) għall-benefiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Naxxar, fejn żewġ kunsillieri u s-Segretarju Eżekuttiv attendew żjara ta' familjariżżazzjoni dwar l-operat ta' l-engineered landfill, u t-tieni waħda ( li ser issir aktar tard dan ix-xahar) fejn grupp ta' nies tekniċi Maltin minn numru ta' entitajiet governattivi (bħal WasteServ Malta Ltd., Malta Environment and Planning Authority, the University Environment Institute, the Federation of Industries, Ministeru tas-Saħħa u oħrajn) ser iżuru diversi stabbilmenti (inkluż hazardous waste management facility) ġo l-Ingilterra. Tajjeb li nżid ngħid li hemm żjajjar oħrajn ippjanati li ser isiru iktar tard din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi kontribuzzjonijiet mill-familji jew xi tip ta' ħlas biex il-proġett skart u engineered landfill jiffunzjonaw tajjeb?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jiffinanzja dawn il-proġetti mill-voti allokati għal dan il-għan.