Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-pittura li kien hemm taħt il-Mina ta' Sta. Liena f'Bormla? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' titpoġġa fil-post oriġinali tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ngħarraf lil Onor. Interpellant li l-pittura li qiegħed jirreferi għaliha ġiet meħuda l-Mużew Marittimu meta kien qed isir xogħol ta' restawr mill-Cottonera Rehabilition Project fil-post imsemmi. Ta' min isemmi li l-kwadru kien suġġett għal xi atti vandali meta kien espost fil-min ta' Sana Liena. Din għadha qed tinżamm fil-post imsemmi.
Għaddejjin diskussjonijiet dwar fejn għandha tinżamm din il-pittura biex tkun imħarsa u protetta bl-aħjar mod possibli skond il-kriterji xjentifiċi mitluba f'każijiet bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Malta Drydocks li hemm jaħdmu fuq il-La Salle sarulhomx eżamijiet mediċi li juru li mhumiex jiġu affettwati mill-asbestos?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-ħaddiema tal-Malta Drydocks impjegati bħala laggers u Laboratory Testers jiġu ttestjati għall-effetti tal-asbestos b'mod regolari. Testijiet oħra jsiru biss fuq rakkomandazzjoni medika.
Meta jkun hemm indikazzjoni li hemm l-asbestos fuq xi vapur, hija procedura normali li jsiru standard tests min persuni kwalifikati f'dan il-qasam sabiex jiċċertifikaw li ma hemmx trab tal-asbestos fl-arja u ma hemm ebda periklu fil-post għall min jaħdem hemm.
It-Tarzna tagħmel mill-aħjar sabiex l-impjegati tagħha ma jigux esposti għall-materjal perikoluz ta' kwalunkwe tip. Madankollu, hija r-risponsabbilta tal-ħaddiema li jaraw li jagħmlu uzu mill-ilbiex u apparat protettiv provdut lilhom, skond il-kundizzjonijiet fejn jaħdmu u li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet dwar Saħħa u Sigurta'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jattendu għall-kura fiċ-Ċentru tad-Detox fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Applikazzjoni għal work permit
Question
Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta' persuni barranin li applikaw għall-work permit fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 (sal-31 ta' Awissu) sena b'sena? Jista' jgħid għal kull sena kemm minn dawk li applikaw ingħataw work permit, x'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu u x'inhi ċ-ċittadinanza tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Biss qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm inħarġu/iġġeddu permessi ta` impjieg lill-barranin kif ukoll in-numru ta` dawk li ġew rifjutati għas-snin mitluba minnu.
Ninfurmah ukoll li lista tal-persuni konċernati kienet tkun aġġornata kull xahar u din kienet toħroġ fil-Gazzetta tal-Gvern kull l-ewwel Tnejn ta` kull xahar. Mill-1 ta` Jannar 2002 din l-informazzjoni qed tidher biss fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni. Din il-lista tinkludi x-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw visas lill-persuni tas-sess femminil mir-Russja, l-Ukranja, is-Slovenja, il-Latvia, il-Litwanja, l-Estonia, is-Slovakkia, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, is-Serbia u l-Belorussia mis-sena 1990 sa l-2003 (sal-31 ta' Awissu)? Jista' jagħti l-eta' tagħhom? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extensions u għal kemm-il darba? Jista' jagħti għal kull waħda r-raġuni għaliex il-permess ingħata għall-visa u għal kull extension? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw extension bis-saħħa ta' garanzija magħmula minn terzi persuni u jgħid jekk dawn it-terzi persuni humiex irġiel jew nisa?
Response (BORG, TONIO)
Mill-pajjiżi kollha msemmija mill-Onor. Interpellant huma ċ-ċittadini mir-Russja, Serbja, Ukranja u Belorussja li llum għandhom bżonn il-viża biex jidħlu Malta. Minn dawn il-pajjiżi mis-sena 2000 sal-lum 88,093 ġew aċċettati u 1,110 ġew rifjutati. Mill-pajjiżi l-oħra kollha mill-1992 sal-lum gew rifjutati l-viża, 510 persuni fil-punt tad-dħul tagħhom f`Malta.
Il-bqija tal-informazzjoni mhux disponibbli f`forma kompjuterizzata.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Impjiegi f'lukandi/stabilimenti ta' divertiment
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu f'lukandi u stabilimenti ta' divertiment? Jista' jindika l-eta' tagħhom? X'job designation għandhom? Kemm ilhom Malta? X'ċittadinanza għandhom? Jista' jgħid jekk isirx kontroll biex jiġi assigurat li fil-fatt dawn l-impjegati jkunu qegħdin jagħmlu x-xogħol deskritt fil-work permit tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Kif diġa` għidt fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1516 f`din l-istess Seduta, fuq il-Website tad-Dipartiment ta` l-Informazzjoni tiġi ppublikata kull l-ewwel Tnejn tax-xahar, lista aġġornata ta` dawk il-barranin li għandhom permess biex jaħdmu f`Malta. Din il-lista turi ukoll ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Huwa d-dmir ta` Inspectors tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta` Impjieg li jassiguraw li l-barranin li qed jaħdmu Malta jkunu qed jagħmlu xogħol li għalih ingħataw permess.
Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qiegħed isir sabiex it-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ikun konformi ma' l-esiġenzi ta' Schengen?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bi preparazzjoni għal meta Malta tkun parti mis-sistema ta` Schengen, il-membri kollha tat-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija matul is-sena l-oħra u l-bidu ta` din is-sena bdew jingħataw taħriġ meħtieġ. Dan kien fl-ambitu ta` Twinning Project bejn Malta, ir-Renju Unit u Spanja, bil-parteċipazzjoni ta` esperti minn pajjiżi oħra ta` l-Unjoni Ewropea. Parti minn dan it-taħriġ kien jinvolvi wkoll lil xi membri mit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni kif ukoll tal-Forensika li ingħataw taħriġ barra minn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-leakage ta' drenaġġ fil-garaxx tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'għamel u x'qed jagħmel id-dipartiment biex tissolva din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tad-Dranaġġ qatt ma rċieva l-ilment imsemmi. Minkejja dan id-Dipartiment iċċekkja l-main tal-Gvern fi Triq Upper St. Albert u ma nstab l-ebda leakage.
Jista' il-Ministru jara li d-dipartiment tas-sanita' jieħu l-passi neċessarji kollha ħalli jitneħħa l-leakage ta' drenaġġ fil-garaxx tal-fond tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ilment dwar tnixxija ta' drenaġġ li għalija qiegħed jagħmel riferenza l-Onor Interpellant issa ġie solvut billi nbidlet il-medda kollha tas-sistema tad-drenaġġ tal-fond indikat.
Jista' il-Ministru jara li jiġu rtirati mill-aktar fis id-disembarkation cards li hemm l-ajruport li kważi ma jinqrawx minħabba t-tipa maħmuġa tagħhom li qed joħloq inkonvenjent għal min ikun irid jimlihom? Qed nibgħatlek disembarkation card under separate cover.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex jekk hemm xi disembarkation cards simili jitneħħew.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-problemi strutturali li hemm fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq? Id-dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet meħtieġa fl-indirizz indikat huma ta’ natura żgħira u dawn ser isiru fil-futur qrib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet tal-gvern? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3063 post li hu suġġett għall-sussidju fuq il-kera. Huwa stmat li s-sussidju ilaħħaq madwar Lm440,000.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet privati? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Lulju 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2003 kien hemm total ta’ 583 household li bbenefikaw miż-żewġ skemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar dwar sussidju ta’ kera ta’ postijiet privati. Dan is-sussidju kien jammonta għal Lm86,679.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu postijiet id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali li huma rekwiżizzjonati? Kemm għandu tal-privat? Kemm għandu tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 8739 post rekwiżizzjonat tal-Gvern filwaqt li 9767 huma tal-privat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex tagħti assistenza lill-volontarjat li jipprovdi servizz lill-persuni fil-bżonn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jikkonsidra l-volontarjat, partikolarment dawk il-għaqdiet mhux Governattivi li jipprovdu servizzi lill-persuni fil-bżonn, bħala wieħed mill-pilastri fl-iżvilupp ta’ soċjeta’ demokratika li ma tħalli lil ħadd barra.
Biex isostni dak li jemmen fih bil-fatti, fl-2001 dan il-Gvern għolla l-allokazzjoni ta’ fondi, biex jgħin finanzjarjament lil dawn l-għaqdiet fis-settur soċjali, minn Lm400,000 għal Lm700,000 fis-sena. Dawn il-fondi jiġu mqassma wara li jiġu evalwati l-proġetti sottomessi, fid-dawl tal-prijoritajiet għas-servizzi meħtieġa u l-livell tas-servizz provdut.
Dan kollu hu apparti għajnuna oħra li tingħata mid-diversi Ministeri lill-għaqdiet mhux governattivi fl-oqsma kulturali, soċjali, sportivi eċċ.
Minbarra għajnuna finanzjarja dan il-Gvern jgħin ukoll għaqdiet volontarji billi jassenja mpjegati pubbliċi biex jaħdmu ma’ dawn l-għaqdiet waqt li jkomplu jitħallsu minn fondi pubbliċi.
I
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet fejn hemm siti li qed jinbnew bħala proġetti ta' housing? X'inhu l-kejl ta' kull biċċa art? X'inhu l-valur ta' kull biċċa art? Kif ġiet akkwistata kull biċċa art? X'inhu ċ-ċens ta' kull biċċa art? Min kien is-sit ta' kull biċċa art? Min kien il-perit li għamel il-valur ta' kull biċċa art?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma għandu informazzjoni dwar iċ-ċens u min kien il-perit li għamel il-valutazzjoni ta’ kull biċċa art. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bil-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jikkonferma li d-dingies il-ġodda ta' l-administrative law enforcement baqgħu ma ġewx utilizzati minkejja li ninsabu f'nofs is-sajf u li dawn jinsabu maħżunin fil-compound ta' St. Andrews? Jista' jagħti r-raġunijiet għala ma ġewx utilizzati? Jista' jikkonferma wkoll li l-vetturi Korandos mogħtija lill-istess taqsima mhux qed jiġu wżati u li dawn jinsabu maqfulin fil-garage tal-pulizija? Jista' jagħti r-raġunijiet għala għadhom ma ġewx utilizzati ħlief għal parata tal-police day?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħmir imsemmi mill-Onorevoli Interpellant beda jintuża.