Jista' il-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari numru 258 u cioe' jara li jitpoġġa post ieħor l-arblu li hemm f' Għar Żerriegħa limiti tar-Rabat sabiex dan ma jkunx ta' periklu għall-bdiewa li jgħaddu mill-modijiet ta' l-inħawi? Jista' jara li dan isir u jiġi rranġat qabel ma jkun hemm xi inċidenti? L-arblu jinsab fejn ir-residenza tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. Id-dettalji ta' persuna oħra midħla sew ta' dan il-post qed jintbagħtu separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Minn investigazzjoni li saret jirriżulta li hemm bżonn li l-arblu msemmi jiġi mċaqlaq. Dan ix-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie vvutat għall istipendji ta’ l-istudenti tas-Sixth Form għas-sena skolastika li għadha kemm intemmet? Kemm thallas fi stipendji lill-iskejjel tas-Sixth Forms imqassmin separatament fi skejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti? Kemm kien hemm studenti li ħadu stipendju mnaqqas f'kull kategorija ta' skejjel? Kien hemm studenti li tneħħielhom l-istipendju għal kollox?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' stipendji għall-istudenti tas-Sixth Form u ta' aktar minn LM 2.5 miljun. Fil-livell Post Sekondarju kollu hemm 5,200 student li huma eliġibbli biex jirċievu l-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti.
Kull wieħed minn dawn l-istudenti, fil-bidu tas-sena jingħata card b'valur ta' Lm100 biex bihom ikun jista' jixtri kotba u materjal edukattiv ieħor li jgħinu fl-istudju tiegħu. Bejniethom fil-forma ta' din il-card dawn l-istudenti jirċievu Lm520,000.
Barra minn dan, dawn l-istudenti jieħdu wkoll Lm40 fix-xahar tul is-sena akkademika bejn Ottubru u Ġunju.
Tħallsu fi stipendji fi Skejjel Statali Lm1,764,377.79ċ
Skejjel tal-Knisja Lm 221,262.29ċ
Skejjel Indipendenti Lm 27,954.39ċ
Kien hemm 2775 student fi skejjel Statali li ħadu stipendju imnaqqas
212 student fi skejjel tal-Knisja li ħadu stipendju imnaqqas
83 student fi skejjel Indipendenti li ħadu stipendju imnaqqas.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 824 u cioe' jgħid jekk qattx sar survey mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni fost l-istudenti kollha ta' Malta biex jiġi stabbilit kemm minnhom jixorbu xorb alkoħoliku b' mod regolari? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti d-dettalji? Jekk fin-negattiv, jista' jara li dan isir fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull sentejn, mis-sena 1995, issir l-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and other Drugs) flimkien ma' xi 26 pajjiż fl-Ewropa. Fis-survey, ikun hemm bejn 10 u 12-il mistoqsija dwar ix-xorb alkoħoliku. Għalhekk dan hu servej komprensiv ħafna. Is-servej isir mis-Sezzjoni 'Guidance and Counselling' fi ħdan l-iStudent Services, flimkien ma' l-Aġenzija Sedqa. Il-Counsellors u l-Guidance Teachers ma' l-uffiċjali inkarigati u jkunu 'briefed' dwar dak kollu li jkun hemm fis-servej. Ir-rapport jasal għandna wara sentejn.
L-aħħar servej sar f'Jannar 2003.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk il-PSD huwa suġġett obbligatorju, kif hemm 9 skejjel tal-Knisja u 5 indipendenti li m'għandhomx għalliema mħarrġa f'dan is-suġġett skond it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 614? Hemm il-ħsieb li jittieħdu xi passi mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata? X'inhi t-tifsira ta’ l-istess tweġiba dwar il-Kulleġġ Saint Edwards?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema tal-PSD fl-iskejjel ta' l-Istat x'aktarx li huma għalliema mħarrġa jew fil-PSD jew f'suġġetti qrib bħalma huma s-social Studies, Home Economics, Guidance & Counselling u Psychology. Dawn l-għalliema jirċievu aktar taħriġ permezz ta' in-service courses regolari organizzati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
L-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja jew Indipendenti għandhom l-istess kwalifiki u qegħdin jattendu għall-istess taħriġ bħal dawk ta' l-iskejjel ta' l-Istat.
F'dan is-sens it-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba tal-mistoqsija numru 614 hi korretta.
Erba' skejjel Indipendenti ġew avżati li l-PSD hu suġġett obbligatorju u għandu jkun parti mill-kurrikulu tagħhom immedjatament.
Informat li f'St. Edward's College, il-PSD kien parti mis-sessjonijiet ta' gwida li kienu jmexxu l-House Tutors kull filgħodu. Mis-sena skolastika li ġejja (2003-2004), il-PSD ser ikun suġġett obbligatorju fil-kurrikulu ta' din l-iskola.
B’referenza għall-mistoqsija numru 827, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' nies li bħalissa huma fuq il-Methadone Maintenance Programme? Kemm qam dan il-programm fl-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm huwa stmat li jqum matul din is-sena finanzjarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li huma fuq il-Methadone Maintenance Programme hu ta’ 535.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena dan il-Programm, inkluż is-salarji tal-professjonisti u l-istaff, qam Lm23,697. Hu stmat li matul din is-sena dan il-Programm ser iqum madwar Lm62,000.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ETC hix aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali u dan fid-dawl tal-fatt li m'hemmx lift sabiex dawn il-persuni jattendu korsijiet organizzati mill-ETC stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Jista' l-Onor Membru jispeċifika għal liema post qed jirreferi?
Istitut Tekniku Mikiel Anġ Sapiano — Għalliema u Ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'ser jiġri mill-għalliema u l-ħaddiema l-oħra tal-Istitut Tekniku Mikiel Anġ' Sapiano?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) ħareġ diversi Sejħiet għall-Applikazzjonijiet sabiex jingaġġa għalliema u gradi oħra għad-diversi Istituzzjonijiet tiegħu jew fuq bażi ta' 'attachment' jew b'kuntratt. Apparti l-membri tal-pubbliku in ġenerali li jistgħu japplikaw, dawn is-sejħiet ikunu miftuħa wkoll għall-għalliema u gradi oħra li hemm fl-Istitut Tekniku Mikiel Ang Sapiano.
Dawk l-għalliema li jagħżlu li ma jmorrux ma' l-MCAST, jintbagħtu jgħallmu fl-Iskejjel tad-Diviżjoni filwaqt li dawk l-impjegati li jintgħażlu u jmorru ma' l-MCAST, iżommu d-dritt li jirritornaw lura mad-Diviżjoni, apparti li jżommu d-drittijet kollha tal-grad tagħhom bħala impjegati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' jkun hemm okkażjonijiet fejn l-MCAST jitlob lid-Diviżjoni li jitħallewlu xi impjegati fil-gradi tekniċi jew industrijali eċċ, sakemm jimpjega minn barra jew jikkuntrattja għax-xogħol meħtieġ. Meta l-MCAST jinforma lid-Diviżjoni li m'għadx hemm bżonn is-servizz ta' dawn in-nies, isiru l-arranġamenti sabiex jintbagħtu jaħdmu fl-iskejjel l-oħra tad-Diviżjoni.
Jista' il-Ministru jgħid min huma ż-żewġ technical officers li ġew impjegati ma l-Awtorita' tad-Djar bejn it-13 ta' April 2003 u l-15 ta' Lulju 2003 u min huma ż-żewġ impjegati oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tal-kuntratt li l-Awtorita' tad-Djar għamlet ma dawn iż-żewġ impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi nippubblika l-ismijiet ta’ l-impjegati konċernati.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ż-zewġ ħaddiema ġodda li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant ma ġewx impjegati b’kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma skond il-Ftehim Kollettiv eżistenti ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' il-Ministru jgħid x'program għandu l-Gvern għal-xogħlijiet ta' restawr fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera huma li jiffinaliżża proġetti diġa' mibdija, partikolarment is-swar tad-daħla u Bieb Sant' Anna, Isla, il-Kappella tas-Salvatur, Kalkara u l-Armerija fil-Birgu. Rigward Bieb Sant' Anna u l-Kappella tas-Salvatur nixtieq ngħid li jinsabu fi stadju avvanzat. F'Bormla qed titkompla l-ħidma madwar il-Bieb ta' Santa Liena.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment tas-Saħħa Pubbliku fl-investigazzjonijiet tiegħu fir-rigward l-inkonvenjent fil-fond numru 5, Sqaq Marine, Numru 2, Kalkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt investigazzjoni mid-dipartiment tas-Saħħa Pubblika ta' l-inkonvenjent fil-fond indikat, instab sadd fis-sistema tad-drenaġġ tal-fond Nru 6 fl-istess triq. Wara li tneħħa dan is-sadd, saru diversi testijiet fid-drenaġġ tal-fondi ta' mal-ġemb. Dawn dejjem irrizultaw fin-negattiv.
Aktar investigazzjonijiet fil-madwar huma ppjaniti li jsiru fil-futur qarib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-awtorita' tad-djar f'kampanji biex tippromwovi l-awtorita' stess (bħal fuq it-televiżjoni, fuq il-gazzetti, fuq ir-radju, fuq billboards, eċċ. fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u din is-sena s'issa? Jista' jgħid ukoll kemm hemm ivvotati fondi għal dan l-iskop għas-sena kurrenti (2003)? Dan ix-xogħol ta' marketing qed isir mill-istess awtorita' tad-djar jew mis-settur privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hi kif ġej:
1998 Xejn
1999 Lm36
2000 Lm236
2001 Lm1,300
2002 Lm3,444
2003 Lm13,590
Ma jiġux ivvutati fondi speċifikament għall-marketing ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. Fondi għal dan l-iskop jagħmlu parti mill-ispejjeż amministrattivi ta’ l-Awtorita’.
Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol ta’ marketing qed isir mill-Awtorita’.
Ta’ min jgħid li din is-sena ngħatat spinta fir-rigward ta’ reklamar ta’ bejgħ ta’ appartamenti tal-Gvern li huma mikrija kif ukoll dawk li nbnew ġodda. Bis-saħħa ta’ dan il-bejgħ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha dħul aktar biex tkun tista’ tiffinanzja l-bini ta’ appartamenti ġodda kif ukoll l-irranġar ta’ residenzi sub-standard.
Din is-sena ngħatat ukoll prominenza lill-inizjattiva tal-Care and Repair tant li l-konkorrenza għal din l-inizjattiva kibret b’mod qawwi minn 32 talba fl-2001 għal 54 talba fl-2002, u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm diġa’ 179 talba. B’riżultat tar-reklamar, l-applikazzjonijiet għall-irranġar u titjib ta’ residenzi sub-standard żdiedu minn 323 fl-2001 għal 406 fl-2002 u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm 401 applikazzjoni.
L-ambaxxati barranin Maltin ġieli ħadu sehem f'xi attivitajiet organizzati minn fondazzjonijiet politiċi barranin fil-pajjiżi konċernati? Jekk iva, meta u x'kien is-sehem tagħna?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol diplomatiku ta' Ambaxxatur jinkludi, fost oħrajn l-osservanza u l-istudju mill-qrib u l-interpretazzjoni ta' l-iżviluppi politiċi tal-pajjiż/i li huwa jkun akkreditat għalihom. F'dan is-sens l-Ambaxxaturi, bħala prassi diplomatika, huma mistennija li jattendu konferenzi, seminars u laqgħat politiċi ta' natura akkademika u diplomatika organiżżati minn istituti, fondazzjonijiet jew entitajiet speċjaliżżati fir-relazzjonijiet internazzjonali.
Jekk id-domanda qed tirreferixxi għall-fondazzjonijiet politiċi bħal dawn, allura r-risposta hija fil-pożittiv u l-attendenza mill-Ambaxxaturi hija waħda varja.
Jekk, minn naħa l-oħra, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferixxi għall-attivitajiet organizzati minn partiti politiċi fil-pajjiżi akkreditati, allura l-attendenza mill-Ambaxxaturi hija dejjem waħda ta' osservatur diplomatiku u l-attendenza riċenti hija kif ġej:
L-Awstralja
06 - 08 Ġunju, 2003
It-tielet Konvenzjoni tal-Partit Liberali
Il-Ġermanja
23 ta' Mejju, 2003
1 ta' Ġunju, 2003
17 ta' Ġunju, 2003
140 anniversarju ta' l-SPD
SPD Bundesparteitag
CDU Wirtchafstag 2003
L-Ingilterra
14 ta' Ġunju, 2003
"
Conference of Enlargement of the European Union
" miżmuma fil-
House of Commons
L-Italja
24 ta' Frar, 2003
18 - 19 ta' Lulju, 2003
Seminar organiżżat
mill
-Alleanza Nazionale "Mentre l-Europa guarda ad Est. Una politica per il Mediterraneo".
Konferenza organizzata mis-
Socialist International - "Democracy Building in
Iraq".
It-Tuneżija
F'Lulju ta' l-2003
Il-Kungress ta' l-RCD
(Constitutional Democratic Rally)
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxati li qed jippjanaw attivitajiet biex ifakkru l-40 sena mill-kisba ta' l-Indipendenza ta' pajjiżna s-sena d-dieħla? Liema huma? Dawn se jkunu kollha sponsored?
Response (BORG, JOE)
Kif ikun xieraq, l-Erbgħin anniversarju mill-kisba ta' l-Indipendenza ta' Malta is-sena d-dieħla se jitfakkar permezz ta' attivitajiet f'Malta, kif ukoll barra minn Malta. Inizjattivi li jiġu ssuġġeriti f'dan ir-rigward mill-Ambaxxati Maltin ta' barra jiġu nkwadrati, fil-waqt propizju, u koordinati mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta, skond il-bżonn.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-MITTS hijiex tikkonsidra li tadotta d-Danish document management system? Jekk iva, x'kuntatti saru ma' l-awtoritajiet Daniżi f'dan ir-rigward?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-MITTS Ltd mhijiex tikkonsidra li tadotta d-Danish Document Management System.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV's ta' l-Ambaxxaturi Matlin residenti barra l-pajjiż li nħatru mis-sena 2002 'il quddiem?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CVs ta' l-Ambaxxaturi Maltin residenti barra l-pajjiż li nħatru mis-sena 2002 'l quddiem.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħatriet t'Ambaxxaturi ġodda flimkien ma dawk li, fil-perijodu msemmi, ġew assenjati pajjiżi ġodda, huma kif jidher hawn taħt:
Isem
Data tal-Ħ
atra
Pajjiż
Mr Carmel J Aquilina
21-03-2002
Copenhagen (minn Madrid)
Dr Joseph Cassar
01-04-2002
Moscow (minn Ruma)
Mr Edward Melillo
16-05-2002
Ruma
Ms Cecilia Attard Pirotta
29-07-2002
Madrid
Dr Abraham Borg
09-08-2002
Albanija, FAO, Iżrael Svizzera
Mr Ives de Barro
01-09-2002
Tunis (minn Canberra)
Mr Alfred Falzon
01-09-2002
Stockholm
Dr Ivan Fsadni
01-09-2002
Canberra
Mr John Lowell
23-01-2003
Washington
Mr Walter Balzan
01-04-2003
Vienna (minn New York)
Mr Victor Camilleri
01-04-2003
New York (minn Brussels)
Mr Saviour Borg
01-07-2003
Geneva (minn Beijing)
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-fifth financial protocol Taljan?
Response (BORG, JOE)
Il-Ħames Protokoll dwar Assistenza Ekonomika, Teknika u Finanzjarja qiegħed taħt l-eżami tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Barranin tas-Senat Taljan.
Hekk kif is-Senat jerġa' jiftaħ wara l-btala tas-sajf, il-Protokoll, wara li jkun approvat mill-istess kummissjoni, għandu jkun ippreżentat lis-Senat sabiex jittieħed vot fuqu.
Wara s-Senat ikun għad jonqos li l-Protokoll jgħaddi minn proċedura simili fil-Parlament Taljan, jiġifieri l-ewwel jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament biex imbagħad jitressaq għall-vot parlamentari.
Malta Drydocks — Ħaddiema li qed jagħmlu xogħol fuq il-La Salle
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Health & Safety Authority sabiex ikun żgurat li l-ebda ħaddiem ma jkun espost għall-asbestos minn fuq il-vapur La Salle?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bastiment tal-gwerra li jappartjeni lil xi stat barrani ma jaqgħax taħt l-interpretazzjoni ta’ post tax-xogħol kif mogħtija f’artiklu 2 tal-Att ta’ l-2000 dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol. Għal din ir-raġuni ma jistgħux isiru spezzjonijiet minn uffiċċjali tal-Awtorita’ fuq il-vapur La Salle.
L-Awtorita’ dejjem saħqet illi f’okkażjonijiet bħal dawn, il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom ikunu ikkunsidrati fil-fażi ta’ tendering għall-kuntratti għal tiswijiet ta’ vapuri li jaqgħu taħt din il-kategorija, u speċifikati fl-eventwali kuntratti b’mod li jorbtu liż-żewġ partijiet involuti, jiġifieri lill-klijent u lil min ikun ser jagħmel ix-xogħol.
Nonostante, l-Awtorita’ kitbet lit-Tarzna biex tindaga dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu u biex tenfasiżża l-ħtieġa ta’ dawn l-istess miżuri.