Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-awtoritajiet sanitarji milli jibagħtu lill-applikant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, f'dipartiemnt ieħor tal-gvern fejn ilu li għamel talba biex jitlaq mill-bidu ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikant li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant kien wiehed mill-impjegati li ntbaghtu jaħdmu minn Dipartiment ieħor għal mad-Diviżjoni tas-Sahha fuq xogħol ta' tindif. Billi hemm nuqqas ta' ħaddiema f'dan is-settur id-Diviżjoni tas-Saħħa m'hix f'qagħda li tibgħat lura lill-impjegat konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed issir diskriminazzjoni mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-għoti ta' akkomodazzjoni alternattiva? X'passi qed jittieħdu biex din id-diskriminazzjoni tieqaf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni hi waħda serja u l-Onor. Membru jrid jerfa r-responsabbilita’ ta’ dak li qiegħed jgħid billi jissostanzjha jew jirtirha mmedjatament.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Każ bil-file no. H14668
Question
Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal il-każ bin-nru. H14668 fi ħdan id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedji qed joffri d-dipartiment lil dawn l-applikanti li għandhom problema kbira familjari, iżjed u iżjed meta l-applikant joħroġ mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma’ oħrajn simili li għandu quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tad-diskussjonijiet li saru bejn l-AFM u l-Missjoni Militari Taljana lejn tmiem Lulju dwar is-sehem ta' Platoon Malti mal-Kontinġent Taljan fir-Rapid Deployment Force ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Filwaqt li nikkonferma li f’Lulju li għadda saru taħdidiet dwar is-suġġett, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taħdidiet għadhom għaddejjin u qegħdin isiru mal-Ministeru tad-Difiża Taljan.
Entitajiet Maltin — Outstanding payments minn naħa Libjana
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-ammonti outstanding li għad għandhom id-diversi entitajiet Maltin x'jiġbru min-naħa Libjana? Jista' jagħti d-dettalji sħaħ kif ukoll tal-perjodu ta' dawn il-pendenzi?
Response (BORG, JOE)
Minħabba li l-entitajiet Maltin li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma fil-maġġor parti entitajiet kummerċjali, ma nħossx li hu xieraq li nagħti figuri speċifiċi li huma ta' natura kummerċjali u, għaldaqstant, kunfidenzjali.
Madanakollu, il-figura globali li għandhom jieħdu dawn l-entitajiet min-naħa Libjana taqbeż is-seba' miljun lira u nofs Maltin.
Ma għandi l-ebda diffikulta pero li ngħaddi konfidenzjalment l-informazzjoni mitluba lill-Onorevoli Interpellant.
Koperazzjoni bejn l-Italja u l-Libja — Immigrazzjoni illegali
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu d-dettalji tal-briefing li Malta ngħatat bħala acceding country ta' l-Unjoni Ewropea min-naħa Taljana dwar il-koperazzjoni eżistenti bejn l-Italja u l-Libja dwar l-immigrazzjoni illegali?
Response (BORG, JOE)
L-Italja kellha diskussjonijiet ta' natura bilaterali mal-Libja iżda ma ngħatawx dettalji ta' dawn id-diskussjonijeit lill-Istati Membri l-oħra. Dawn id-diskussjonijiet wasslu sabiex l-Italja titlob lill-Unjoni Ewropea biex, l-Unjoni Ewropea tibgħat, għat-tieni darba, delegazzjoni fil-Libja għal aktar diskussjonijiet. It-terms of reference ta' din id-delegazzjoni ġew diskussi mill-Istati membri u l-acceding countries f'Lulju li għadda.
Malta qegħda tipparteċipa sa fejn possibbli fl-inizjattivi ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-immigrazzjoni illegali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim ta' koperazzjoni konsulari bilaterali ma' xi pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jippermetti lil dan il-consular corps jagħti s-servizz tiegħu lil dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn m'għandniex ambaxxati jew career consul u li jkunu qed ifittxu li jiksbu visa għal Malta? Jekk iva, meta sar u ma' min?
Response (BORG, JOE)
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ma' pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni konsulari fuq bażi bilaterali. Permezz ta' dan il-ftehim, l-Ambaxxati u ċerti Konsolati ta' dan il-pajjiż jkunu jistgħu joħorġu visa għal Malta taħt kundizzjonijiet li jkunu qablu bejniethom iż-żewġ pajjiżi.
Mhux eskluż li ftehim bħal dan li għadu qed jiġi diskuss jintlaħaq fil-ġejjieni ma' pajjiżi oħrajn membri ta' l-Unjoni Eworpea.
Peress li n-negozjati għadhom għaddejjin, ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni għalissa.
Ftehim bejn Malta u l-Libja — Kumitat inter-ministerjali
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm kumitat inter-ministerjali sabiex jagħmel review tal-ftehim bilaterali bejn Malta u l-Libja ħalli jiġi żgurat li dawn il-ftehim huma konformi ma' l-esiġenzi ta' l-Unjoni Ewropea? Minn min kien kompost?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li ġie mwaqqaf kumitat inter-ministerjali sabiex jagħmel review tal-ftehim bilaterali bejn Malta u l-Libja ħalli jiġi żgurat li dawn jikkonformaw ma' l-acquis communautaire.
Il-kumitat jikkonsisti minn:
Dr Anthony Borg Barthet, Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Kap tal-Kumitat;
Dr Godwin Grima, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni;
Dr Josette Zerafa, Direttriċi (legali) Fid-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea;
Mr Patrick V Cassar, Assistent Direttur fid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Bilaterali;
Mr Peter Paul Mallia, Desk Officer fid-Direttorat tar-Relazzjonijiet Bilaterali.
Jista' il-Ministru jgħid lil min qed tappoġġja Malta għal siġġu fuq l-Executive board tal-UNESCO fl-elezzjonijiet ta' Ottubru 2003?
Response (BORG, JOE)
L-elezzjonijiet għall-Bord Eżekuttiv tal-UNESCO jsiru b'vot sigriet, u għaldaqstant mhux għaqli li wieħed jistqarr pubblikament lil min Malta se tapoġġja fl-elezzjonijiet li se jsiru lejn l-aħħar ta' Ottubru 2003.
Ċerti pożizzjonijiet li se tieħu Malta f'dawn l-elezzjonijiet għadhom qed jiġu negozjati ma' pajjiżi oħrajn. Madankollu, jiena lest li ngħaddi l-informazzjoni dwar il-ftehim li ntlaħqu sa issa b'mod kunfidenzjali lill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-Tieni Distrett Elettorali li se jkunu asfaltati sa l-aħħar tas-sena 2003?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport għadha kif ħarġet żewġ sejħiet għall-offerti għall-asfaltar ta' Triq il-Misk kif ukoll għall-asfaltar ta' Triq is-Summien kantuniera ma' Triq Merħba fil-Fgura.
Dan sar wara li fix-xhur li għaddew ħarġu sejħiet għall-offerti għall-asfaltar ta' Triq Karmelo Ritchie u Triq Karmelo Penza fix-Xgħajra. Kif ukoll tlesta xogħol li kien għaddej fi Triq Matty Grima, Triq ix-Xatt u Triq il-Mitħna f'Bormla, Triq Rinella u Misraħ l-Arċisqof Gonzi fil-Kalkara u Triq Hompesch fil-Fgura.
Id-Direttorat tat-Toroq qiegħed f'kuntatt mal-Kunsilli Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb fit-toroq kollha fil-pajjiż u l-prijoritajiet jiġu aġġornati, minn żmien għal żmien skond l-eżiġenzi li jkunu qed jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-bord tad-diretturi tal-Malta Enterprise? Jista' jgħid jekk għandhomx xi onorarja u benefiċċji oħra, jekk hu fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhuma?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-membri fuq il-bord tad-diretturi tal-Malta Enterprise huma :
Mr Joseph Zammit Tabona, Chairman
Mr George Borg, Deputy Chairman
Prof Joe Bannister
Mr Anton Borg
Mr Vincent Farrugia
Mr Reginald Fava
Mr John Magro
Mr David Newman
Ms Yvonne Pulis
Mr Paul Zahra
Għalissa m'hi qed titħallas ebda onorarja lil dawn il-membri.
Ċentru għall-Kreattivita' — Bord tad-diretturi - membri
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-bord tad-diretturi taċ-Ċentru għall-Kreattivita'? Jista' jgħid jekk għandhomx xi onorarja u benefiċċji oħra u jekk fl-affermattiv, jgħid x'inhuma?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l--membri tal-Bord tal-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita' huma kif ġej :
Is-Sur Michael Fenech Chairperson
Id-Dott. Petra Bianchi Membru
Is-Sn. Ann Monsarrat Membru
Id-Dott. Joseph Chetcuti Membru
Is-Sn. Isabelle Gatt Membru
Is-Sur Trevor Zahra Membru
Is-Sur Carmel Bonello Membru
Is-Sur Charles Xuereb Segretarju tal-Bord
M'għandhomx l-ebda onorarja jew benefiċċji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet għal staff nurse fl-SVPR rispettivament? Jaf li sabiex nurses jieħdu leave anke ta' nautra importanti bħal honeymoon, mard fil-familja, safar, eċċ jridu jsibu replacement b'nurses oħra huma stess inkella l-istess leave jiġi rrifjutat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-ġebel fil-bajja ta' Golden Bay f'Għajn Tuffieħa ma tnaddafx peress li dan qed jikkawża inkonvenjent lill kull min jinżel fil-baħar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalkemm jidher li dan il-ġebel ilu hemm għal bosta snin, ser jittieħdu l-passi neċessarji biex fejn hu possibli, dan jitneħħa manwalment.
Jista' il-Ministru jara li titnaddaf il-bajja ta' Għajn Tuffieħa (Golden Bay) mill-ġebel li fiha peress li huwa ta' inkonvenjent u ta' periklu għas-saħħa tal-Maltin u tat-turisti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Peress li l-bozza fi Triq San Franġisk, ir-Rabat Malta li tinsab iddawwal parti minn Triq G. Borg Olivier ilha maqtugħa għal dawn l-aħħar ġimgħat, jista' id-dipartiment konċernat jara li tissewwa mill-aktar fis possibbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-manutenzjoni meħtieġa saret fl-1 ta' Lulju 2003.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 259 u cioe' peress li l-kuntratti tal-plots tar-residenti f'Għar Barka r-Rabat ilhom sa mis-snin tmenin fuq konvenju u dan minkejja li ħafna residenti saħansitra xtraw iċ-ċens, jista' il-Ministru jara li ma titkompliex tittawwal din l-anomalija u jawtorizza r-riċerki, arranġamenti oħra eċċ sabiex isiru l-kuntratti? Jista' jassigurani li fi żmien qasir isir dan il-proċess u cioe' jibdew isiru l-kuntratti kif ilha x-xewqa tar-residenti għal dawn l-aħħar 20 sena?
Response (BORG, TONIO)
Waħda mill-prioritajiet li għandha t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern hija li tħallas is-sidien ta` proprjeta` privata li ttieħdet sabiex tiġi żviluppata bħala oqsma tad-Djar.
Dan seta` ikun possibli biss permezz tal-Att XI ta` 2002 li ġie fis-seħħ fil-5 ta` Marzu ta` din is-sena.
Dan l-Att jemenda l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88). Mal-pubblikazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta fil-Gazzetta tal-Gvern, il-Kummissarju tal-Artijiet isir il-proprjetarju assolut tal-art mingħajr ebda formalita` oħra u r-residenti ikunu jistgħu jersqu għal kuntratt mal-Awtorita` tad-Djar.
L-Onorevoli Membru irid japprezza li din is-sitwazzjoni m`hiex biss f`Għar Barka, ir-Rabat imma tista` tgħid fl-oqsma kollha tad-Djar tal-Gvern f`Malta.
Għaldaqstant it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tkun tista` tagħmel dan meta ikollha il-fondi meħtieġa.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 55 u 254, jista' il-Ministru ġentilment jgħidli minn fejn se jiġu l-flus dovuti għall dawn l-ispejjeż ġodda b'riżultat ta' sħubija u li naturalment il-Gvern Malti se jkollu iżid fin-nefqa tiegħu wara sħubija?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm xejn x’wieħed iżid ma dak li diġa ingħata bħala risposta għall Mistoqsijiet Parlamentari numru 55 (Seduta 4) u 254 (Seduta 16).