MTA — Infiq mhux awtorizzat f'wieħed mill-uffiċini
Question
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar infiq allegatament mhux awtorizzat f'uffiċċju tal-MTA? Jikkonferma li l-uffiċċju konċernat kien dak ta' Amsterdam? Huwa minnu li l-persuna nkarigata minnu spiċċat ħadet promotion għal director international affairs?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet jinsabu fi stat avvanzat u hemm persuna sospiża. Mhix etika għalhekk li f'dan l-istadju nagħti aktar tagħrif.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq overseas travel mill-MTA is-sena li għaddiet u din is-sena s'issa? Kemm intnefaq fuq konsulenti fl-istess medda ta' żmien? Kemm hemm ħaddiema tal-MTA koperti b'personal insurance schemes privati a spejjeż tal-MTA innifisha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għaż-zebra crossing li hemm Vjal ir-Rihan San Ġwann bejn id-Delta Home Centre u l-ex BDS Showroom, jista' il-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-gvern billi din iż-zebra crossing hija unsafe kemm għall-adulti u t-tfal li jużawha matul il-jum? Jikkonferma li kien hemm nies li ġarrbu inċidenti proprju f'din iż-zebra crossing minħabba l-location tagħha? Huwa minnu li saret xi talba mill-kunsill lokali biex isiru xi alterazzjonijiet għal din iż-zebra crossing location u jekk iva, x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern ċentrali? Għaliex ma saritx centre strip fl-area meta hemm centre strip fil-kumplament tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali ta' San Ġwann qegħdin f'kuntatt biex jaraw hemmx lok li z-zebra crossing imsemmija ssir Pelican Crossing, peress illi, minn meta tneħħa l-parking area, it-triq twessgħat, bil-konsegwenza li l-vetturi qed jgħaddu b'aktar veloċita. S'issa l-Awtorita' għad m'għandha l-ebda rapport dwar każi ta' inċidenti f'din il-lokalita.
Jikkonferma l-Ministru li Maltin Awstraljani li jakkwistaw passaport Malti mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja fl-Awstralja wara li jibagħtu għadd ta' dokumenti mitluba, qegħdin isibu li fil-fatt l-applikazzjoni tagħhom għall-passaport u ċittadinanza doppja ma jfissru xejn meta dawn imorru Malta? Jekk dan huwa minnu, dan ma jfissirx li l-gvern Malti mhuwiex jirrispetta d-deċiżjonijiet ta' l-istess nies li jibgħat huwa stess f'Canberra f'ambaxxata li tqum lill-poplu Malti eluf kbar ta' liri kull sena? Jaf ukoll li meta dawn il-Maltin mill-Awstralja jiġu Malta b'passaport li jkun maħruġ minn idejn uffiċjali governattivi Maltin f'Canberra, xorta waħda qegħdin jintbagħtu Kastilja meta jmorru biex japplikaw għal xi liċenzja tas-sewqan jew ID card sabiex jakkwistaw ċertifikat li juri li fil-fatt għandhom tassew ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-unika Awtorita` li tista` tikkonferma bil-miktub li persuna tgawdi d-dritt ta` ċittadinanza doppja huwa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates.
Li jiġri f`pajjiżi barra minn Malta (u mhux fl-Awstralja biss), l-Ambaxxati jew il-Kummissjonijiet ta` Malta joħorġu passaport Malti lil dawk il-persuni li jidhru li jikkwalifikaw biex iżommu żewġ ċittadinanzi.
F`Malta, meta dawn il-persuni japplikaw għal xi servizz minn xi Dipartiment tal-Gvern jew Entita` oħra jiġu mitluba biex jipprovdu ittra mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza li tikkonferma li huma għandhom dritt iżommu żewġ ċittadinanzi. Ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza huwa li joħroġ tali konferma. Dan iżda ma jfissirx li l-passaport Malti mhux validu jew ma jiswa xejn kif qed jipprova jagħti l-impressjoni l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża matul dawn l-aħħar sena u nofs biex żammejna żewġ ambaxxaturi f'Ruma? Fl-isfond tal-problema finanzjarja li qed jiffaċċja pajjiżna, ma kienx ikun aktar għaqli kieku ħallejna ambaxxatur wieħed ġewwa Ruma minflok tnejn, peress li x-xogħol li hemm fl-ambaxxata Maltija f'Ruma jista' faċilment isir minn ambaxxatur wieħed kif kien isir fl-imgħoddi?
Response (BORG, JOE)
Ilu bosta snin li Malta għandha żewġ Ambaxxaturi joperaw minn ġewwa l-Ambaxxata Maltija f'Ruma: sas-sena l-oħra, wieħed minn dawn l-Ambaxxaturi akkreditat għall-Italja, għall-Albanija, għall-Iżrael u għall-Isvizzera, flimkien ma' numru ta' organiżżazzjoni internazzjonali, filwaqt li kien hemm Ambaxxatur ieħor li kien akkreditat għall-Organiżżazzjoni Dinjija ta' l-Ikel (FAO). Is-sena l-oħra, inħasset il-ħtieġa li jsir tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet rispettivi, u għalhekk illum il-ġurnata għandha Ambaxxatur akkreditat għall-Italja u għal San Marino filwaqt li l-responsabbiltajiet l-oħrajn huma f'idejn l-Ambaxxatur l-ieħor.
Ghalhekk, ma naqbel xejn ma' dak li qed isostni l-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Ruma kien isir, kif ukoll li faċilment jista' jsir, minn Ambaxxatur wieħed.
Jista' il-Minsitru jgħid x'xogħol sar fir-Robert Sammut Complex f'din l-aħħar sena? Jista' jagħti n-nefqa b'mod separat? Jista' jgħid ukoll x'użu għandu dan iċ-ċentru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-kumpless Robert Sammut sar xogħol ta' restawr, tiġdid u tisbieħ matul din l-aħħar sena.
Il-faċċata ġiet restawrata b'teknika li tikkonserva l-bini (mir-Restoration Unit tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura) filwaqt li s-sular t'isfel ġie mibdul u billi saru modifikazzjonijiet, ġiet stallat sistema ġdida elettrika u oħra awdjo-viżiva, PA System, inbidlet l-art, l-aperturi u l-għamara, twaħħlu air-conditioners u soffitti, saret stallazzjoni ta' lift biex il-bini kollu jkun aċċessibbli minn persuni b'diżabilita', twaħħlu faċilitajiet sanitarji ġodda u l-kumpless ġie kkonnettjat direttament mad-drenaġġ.
Fis-sular ta' fuq sar xogħol ta' restawr u tiġdid fis-sala billi tqaxxret miż-żebgħa antika filwaqt li nżebgħu biss il-gwarniċi u iz-zokklatura b'kuluri addattati. Sar ukoll titjib fis-sistema elettrika, faċilitajiet sanitarji ġodda, iċċaqlaq il-Wellis Organ sabiex is-sala tkun konformi mar-regolamenti tal-fire exit u twaħħlu twieqi ta' l-istained glass , fost xogħolijiet oħrajn. Għad hemm tender pubbliku li qed jiġi evalwat mill-Kumita ta' l-Għażla tad-Dipartiment tal-Kuntratti, li jinkorpora stallazzjoni ta' palk u raised flooring b'sistema integra ta' air conditioning u ventilazzjoni, alarm, kif ukoll pannelli akustiċi għal smiegħ aħjar. Tender oħra li għadha qed tiġi evalwata hi dik tas-siġġijiet filwaqt li tender għas-servizzi awdjo-viżivi ġiet evalwata u l-kuntratt ingħata. Iċ-ċentru ser jintuża għal programmi ta' ħidma dwar il-litteriżmu, konferenzi, seminars, korsijiet ta' taħriġ u attivitajiet kulturali u edukattivi.
Barra minn hekk, saret ukoll applikazzjoni sabiex jiġi kostruwit substation ta' l-elettriku biswit il-ġnien pubbliku, ħalli titjieb is-supply tad-dawl.
Rendikont tan-nefqa s'issa hi hawn annessa u qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn complimentary teachers u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk hux se joħorġu sejħiet sabiex in-numru ta' dawn il-complementary teachers jiżdied?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hawn 74 'Complementary Teachers, 10 minnhom f'Għawdex.
Ix-xogħol ta' dawn l-għalliema hu li jgħin lil dawk it-tfal li jiġu identifikati mill-għalliema tagħhom li għandhom problemi fil-'literacy' u fin-'numeracy'. L-għalliema tal-'Complementary' jiktbu profil ta' l-istudenti u jifformaw program ibbażat fuq 'Literacy, Oracy and Numeracy'.
Dawn l-għalliema jew ikunu bbażati full-time fl-iskola jew jaħdmu ma' żewġ skejjel differenti. Jagħtu servizz lit-tfal fil-Years 1 - 4 u xi drabi wkoll lil dawk fil-Years 5 u 6.
Mhux il-ħsieb li joħorġu sejħiet sabiex in-numru ta' l-għalliema tal-Complementary jiżdied.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed jagħti l-Ministeru tiegħek biex għaqdiet sportivi jkunu jistgħu jikkumbattu t-teħid tad-droga fl-isport? Liema sport qed jiġi mgħejjun u kif?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jalloka fondi biex jgħin lil assoċjazzjonijiet li jkunu jridu jagħmlu testijiet ta' l-anti-doping barra 'l-pajjiż.
Matul is-sena li għaddiet saru talbiet għal għajnuna finanzjarja mill-Malta Amateur Bodybuilders Association, mill-Malta Football Association u mill-Kummissjoni Regatta.
L-għajnuna finanzjarja mill-Ministeru lil dawn l-għaqdiet matul l-2002 kienet ta' Lm 500, Lm4,000 u Lm 400 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-ombudsman ta’ l-Universita`? Meta ġie appuntat? Jista' jgħid kemm kellu lmenti minn meta ġie maħtur sena b'sena? X'kienu l-ilmenti prinċipali? Kemm ingħataw raġun?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Ombudsman ta' l-Universita' huwa il-Professur Victor G Griffiths li ġie appuntat fis-16 ta' Awissu 1998.
Mir-rapporti li l-Prof. Griffiths bagħat lil-Ombudsman Parlamentari jirriżulta li sal-31 ta' Diċembru 1999 saru 74 ilmenti minn studenti u 16 minn staff ta' l-Universita'. Fl'2000 kien hemm 18 l-ilment minn studenti u 10 minn staff. Fil-2001 ilmenti minn studenti kienu 19 u 8 mill-istaff, u fl-2002 l-ilmenti minn studenti kienu 16 u minn staff kienu 11.
L-ilmenti prinċipali ta' studenti jirrigwardaw eżamijiet, 'tests' u kwestjonijiet dwar ommissjoni fil-korsijiet mixtieqa. Ilmenti prinċipali ta' membri ta' staff, kemm dawk akkademiċi u kemm le, jirrigwardaw kwestjonijiet konnessi ma' l-impieg u promotions.
L-Ombudsman ta' l-Universita' jista biss jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet ta' l-Universita'. Dwar l-eżitu tax-xogħol ta' l-Ombudsman ta' l-Universita' nirreferi l-Onor. Membru għar-rapporti tiegħu li ser jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 832 dwar studenti b'dislessja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sar studju fost it-tfal li għadhom kemm daħlu l-iskola f'numru ta' skejjel biex jiġi determinat kemm minnhom ibatu bid-dislessja. Dan l-istudju għadu għaddej u għadu kmieni biex joħorġu r-riżultati.
L-indikazzjonijiet preliminari jindikaw li r-riżultati f'Malta aktarx ser ikunu jixbħu dawk f'pajjiżi oħra. Studju tal-'British Dyslexia Association' jindika li 4% ta' istudenti għandhom problemi serji u sa 10% għandhom problemi inqas gravi.
Id-Diviżjoni toffri għajnuna kemm lit-tfal bi programm apposta, kif ukoll lill-ġenituri biex tgħinhom biex jifmhu din il-kundizzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 424 u cioe' jgħid għaliex minkejja li nbniet latrina ġdida fil-Crafts Village ta' Ta' Qali din għadha magħluqa għad-detriment tat-turisti li jkollhom jużaw il-latrina mibnija mis-servizzi Ingliżi fi żmien it-tieni gwerra? Meta nbniet il-latrina ġdida u kemm swiet?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 83 u 569 u cioe' l-ħidma bl-akbar metikolosita' li saret, jista' il-Ministru jinformani kemm mill-521 tunnellata se jkun allokat għall-MDP, kemm għall-industrija ta' l-ikel u kemm għall-importaturi?
Fid-dawl tal-ħidma bl-akbar metokolosita' li saret, jista' il-Ministru jinformani kemm attwalment jiġi mpurtat trab ta' ħalib xkumat mill-MDP, mill-industrija ta' l-ikel lokali u f'kompożizzjoni ma' prodotti mpurtati lesti?
Jista' il-Ministru ġentilment jinformani skond it-tagħrif li għandu, kemm mill-521 tunnellata in kwestjoni se jkunu allokati għall-industrija ta' l-ikel, għall-MDP u għall-prodotti impurtati lesti li jkunu suġġetti ta' din il-materja prima?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li mgħandix xi nżid mar-risposti li tajt għal Mistoqsijiet Parlamentari 83 u 569.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar il-proġett tal-fabbrika ġdida tal-ħalib frisk? Din se tkun lesta qabel Mejju 2004 jew wara u fil-każ, meta hu maħsub li din tkun inbniet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li, wara li saru konsulenzi kemm ma’ esperti Ewropej kif ukoll ma’ esperti privati, ġie deciż li għas-snin li ġejjin tiġi upgraded il-fabbrika preżenti. Ix-xogħol diġa beda u huwa pprogrammat biex jitlesta is-sena d-dieħla.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 577 u cioe' b'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi fil-Leġiżlatura li għaddiet dwar il-pagamenti dovuti lill-Ex Ħaddiema ta'l-Ex Lukanda Verdala għall pagi dovuti lilhom li ma' ġewx imħallsa, jista ' l-Ministru jaġġornani dwar is-sitwazzjoni u cioe' meta l-MDC u l-GWU se jifthemu sabiex jitħallsu l-pagamenti nkwistjoni lill-ħaddiema u b'hekk tissolva problema li ilha pendenti sa minn meta nxtrat il-lukanda mis-sidien attwali ?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi rrispettat il-ftehim li kien hemm bejn il-GWU u l-ministru preċedenti li kien assigura lill-GWA li appena din tibgħat it-talba għall-pagamenti in kwestjoni, jitħallsu lura dawn il-pagi dovuti għal sigħat ta' xogħol li baqgħu ma tħallsux għalihom sal-lum il-ħaddiema in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onororevoli Interpellant mhux qed jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi fil-mistoqsija tieghu. Jekk qed jirreferi għaż-żmien ta' qabel ma' l-MDC xtrat il-bini tal-lukanda Verdala permezz tas-subbasta, l-pożizzjoni hija eżattament kif deskritta fit-tweġiba għall-PQ Nru. 577. Jekk qed jirreferi għaż-żmien ta' wara li l-MDC xtrat il-bini tal-lukanda, ma jirriżultax li hemm xi arretrati ta' pagi li għadhom dovuta minn dak iż-żmien.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 576 u cioe' jista' jgħid jekk il-Medigrain f'Mejju tas-sena d-dieħla hux se tkun eżenti mit-TARIC fuq l-importazzjoni tal-qmuħ u ċ-ċereali minn non EU ? Kemm fil-fatt huma t-tariffi u d-dazji li l-UE timponi fuq l-istati membri fuq materja prima mportata ta' din ix-xorta mportata minn non EU ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx aċċettata biex tibda tagħmel użu mill-karta r-roża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Bormla — Care & repair unit - spezzjoni f'dar ta' anzjana
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-unit tal-care & repair fi ħdan l-awtorita' tad-djar qed jieħu żmien twil biex jagħmel spezzjoni lil persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt saret f’Awissu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għal xi benefiċċji (bħal bonus) mit-tarzna ta' Malta minħabba li r-raġel tagħha ħadem għal snin kbar hemmhekk? Jekk fl-affermattiv, xi trid tagħmel biex din il-pesuna tibda tirċievi dawn il-benefiċċji?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 201 dwar l-istess suġġett.