Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li l-Gvern inaddaf u jirranġa l-arkata mkissra u t-triq tal-wied magħrufa bħala Ta' Taħt l-Ixkora, f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tindif u manutenzjoni f'dawn l-inħawi hija responsabilita' tal-Kunsilli Lokali u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Filwaqt li x-xogħol meħtieġ fuq it-Triq ta' Xkora ser isir iktar 'il quddiem, meta jkun possibbli.
Tista' l-Ministru tara li tingħata l-informazzjoni lill-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħatu separatament, u li għandu l-mara tiegħu f'San Vincenz de Paule Residence peress li jixtieq ikun jaf għaliex ma rċeviex il-bonus? Jista' jiġi nfurmat kemm ser ikollu pensjoni u jekk hux ser jibda jirċievi pensjoni? Jista' dan l-anzjan jkun infurmat bil-miktub dwar il-pożizzjoni tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tara l-każ ta' l-anzjana xebba li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li dejjem ħallset l-bolol u peress li hi tħoss li għandha pensjoni mhux xierqa? Tista' l-Ministru tara jekk hemmx xi żball? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata b'mod dirett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tara li jsir kisi ta' bitħa interna ta' post tal-Gvern li tintuża minn żewġ inkwilini peress li jidħol l-ilma minnha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex anzjana armla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tnaqsilha s-sussidju fuq il-kera? Tista' din il-persuna tiġi nfurmata direttament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar telefonati anonimi li saru u li għadhom isiru lis-sindku tal-Mosta? Jarax li jekk ġie lokalizzat psot minn fejn saru t-telefonati anonimi xi snin ilu x'inhu jżomm lill-puliżija milli tipproċedi skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.
Jista' l-Ministru jivverifika kif il-MEPA laqgħet talba - applikazzjoni MEPA 02588/07 - għal ristorant class 6 fi Triq Mensija, San Ġiljan, meta dan il-fond huwa mdawwar minn djar ta' residenti li għandhom dritt jgħixu fil-kwiet? Jista' jgħidli jekk hemmx oġġezzjonijiet minn nies, residenti u l-kunsill lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Iżda sadanittant tajjeb li l-Onorevoli Interpellant jinnota li mis-sit elettroniku pubbliku (website) ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wieħed jista’ josserva li din l-applikazzjoni PA 2588/07 fil-fatt għadha qed tkun ipproċessata. S’issa daħlu żewġ oġġezzjonijiet minn terzi persuni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26452 jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm daħħal il-gvern jew id-Diviżjoni tas-Saħħa meta 3489 karozza ġew clamped fl-Isptar San Luqa? Kemm kien l-ammont totali mħallas lill-kumpanija u kemm minnhom tħallsu lid-Divizjoni tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Gvern u d-Diviżjoni tas-Saħħa ma jdaħħlu l-ebda flus mill-clamping tal-karozzi fl-Isptar San Luqa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies Malta bil-visa bil-ħsieb li jagħmlu vaganza u baqgħu Malta? Kif qed jiġu klassifikati bħala dawk li jiġu fuq vaganzi (long stay)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kontinwament tagħmel spezzjonijiet għal persuni ta' nazzjonalita' barranija li jistgħu jkunu Malta wara li tkun skadietilhom il-visa. Fil-fatt matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 157 persuna li kienu Malta irregolarment.
Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li ssir Triq A. Caligari, Ħaż-Żabbar? Meta hu pproġettat li jinbeda x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ADT għadu kemm lesta area estensiva ta' bini tat-toroq ġewwa l-area ta' Bieb is-Sultan.
Dawn it-toroq jinkludi Triq Guzeppi Micallef, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Għasel, Triq Bieb is-Sultan u Triq il-Baħrija. Fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fi Triq Alessio Errardi wkoll.
It-toroq ta' Ħaz-Zabbar ser jitkomplew skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li toħroġ l-iskema ta' għajnuna mill-MEPA għall-irranġar, titjib u tibdil ta' galleriji? F'liema lokalitajiet se jkunu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27173.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-futur se jiġu ngaġġati eks-suldati u eks-pulizija biex joqogħdu għassa ma' l-immigranti rregolari? Għaliex mhux persuni oħra? Jista' jilqa' s-suġġerimenti li dawk li jinsabu bla xogħol u għamlu l-kors ta' security guard ikunu ntitolati li jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li hemm il-ħsieb li fil-futur se jiġu ngaġġati fuq bażi każwali eks pulizija u eks suldati biex joqogħdu għassa ma’ l-immigranti irregolari. Il-policy sa issa kienet li dawn in-nies jiġu ngaġġati minn fost dawk li servew f’korp dixxiplinat.
Is-suġġeriment li jiġu ingaġġati nies li għamlu kors ta’ Security Guards biex jagħmlu għassa ma’ immigranti rregolari ġie innotat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 27050, 26906 u 26698 u 26868 u jgħid kemm tħallsu flus fuq kull proġett sal-lum? Meta hi l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet għal xogħlijiet pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għar-rigward ta’ l-ewwel parti tal-mistoqsija, it-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-uniku proġett li għadu eliġibbli għal fondi ta’ l-EU huwa il-Gozo Sewage Treatment Plant u l-aħħar data li fiha jistgħu jiġu sottomessi kontijiet hija it-30 ta’ Settembru 2007.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga f'liema stadju wasal l-istudju tal-Lands Department fir-rigward ta' l-effett li qed ikollhom is-siġar tal-Ficus fuq il-Kon-Kattidral ta' San Gwann?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ma hu qiegħed jagħmel l-ebda studju fir-rigward tal-effetti li qed ikollhom is-siġar tal-Ficus fuq il-Kon-Katidral ta' San Ġwann.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27065 u jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27064 u jgħid kemm kienet in-nefqa u jagħti breakdown ta' din in-nefqa inkluż overtime ta' ħaddiema għall-open days li saru f'Mater Dei fit-30 ta' Ġunju, 2007 u l-1 ta' Lulju, 2007?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27062 u jgħid kemm kienet in-nefqa sa' l-1 ta' Lulju, 2007 mill-bidu li twieled il-ħsieb li jinbena sptar fl-area f'Tal Qroqq?