Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid u jivverifika jekk hux minnu li meta gwardjan lokali ma jagħmilx biżżejjed ċitazzjonijiet għas-sodisfazzjon ta' l-A/O jew il-kunsill lokali, dan jitneħħa u xogħolu jibda jkun għassa ma' xi sit ta' kostruzzjoni, crane jew għeluq ta' triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-assenjar ta' Gwardjani Lokali fuq xogħol speċifiku isir mill-aġenziji rispettivi peress li din hija materja purament amministrattiva.
Dwar ix-xogħlijiet tal-WSC li ilhom għaddejjin diversi xhur f'San Gwann, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi nvoluti, jekk sarx xi sub contracting min-naħa tagħhom u jekk kienx hemm min ma tax is-servizz kif u meta mitlub mill-korporazzjoni? X'passi ttieħdu ta' penali eċċ. mill-korporazzjoni jekk dan irriżulta li kien il-każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratturi li tqabbdu mill-KSI fuq ix-xogħol ta' bdil tal-mains ta' l-ilma f'San Ġwann huma GA Services Ltd. li kellhom bħala "Sub-Contractor" lil Farcut Ltd.
Għal madwar 3 ġimgħat GA Services waqfu jaħdmu fuq il-proġett u konsegwenza t'hekk, il-Korporazzjoni żammetilhom il-"performance bond". Din ingħatat lura biss wara li żewġ partijiet qablu u ftehmu dwar programm ġdid għal proġett. Il-kuntratturi qed iżommu ma dan il-programm.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk xi membri jew uffiċjali tal-NECC li kienu responsabbli għall-introduzzjoni tal-ewro f'pajjiżna kellhomx xi interessi kummerċjali f'kampaniji li setgħu fl-istess ħin kienu qed jagħmlu monitoraġġ għal UE dwar l-effett inflazzjonarju jew le li seta' kellu dan il-pass mportanti għal pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta kunsill lokali jintalab mir-residenti biex jinbidel l-livell tat-triq ħalli l-ilma ma jkomplix jaqleb għal ġol-garaxxijiet, iridx jintalab il-permess ta' l-ADT? Jista' jgħid jekk l-ADT tridx tapprova x-xogħol qabel isir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li meta Kunsill Lokali jixtieq jibdel livelli ta’ toroq residenżjali kif jkunu stabbiliti mill-MEPA dawn għandhom jitolbu permess tal-MEPA. Il-MEPA minn naħa tagħha tista tikkunsulta mal-ADT iżda l-permess jingħata jew ikun miċħud mil-MEPA.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu eżattament xogħol l-uffiċjali awtorizzati mqabbda mill-Kumitati Konġunti tal-kunsilli lokali? Kemm hawn kumitati konġunti f'Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' l-Uffiċjal Awtorizzat jinkludi:
- li jokkordina x-xogħol kollu tal-Kumitat Konġunt dwar l-infurzar lokali;
- li jagħti kull struzzjonijiet kif deċiż mill-Kumitat Konġunt lill-aġenzija tal-gwardjani lokali u lis-service provider tas-sistema elettronika ta' l-infurzar lokali;
- li jikkordina x-xogħol kollu konness ma' l-infurzar lokali ma' entitajiet oħra bħal, l-Awtorita' dwar it-Trasport, id-Direttorat dwar Liċenzjar u Testijiet, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Lokali eċċ;
- li jattendi l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt; u
- li jagħti l-kummenti tiegħu lill-Bord tal-Petizzjonijiet dwar petizzjonijiet magħmula dwar ċitazzjonijiet maħruġa mill-Gwardjani Lokali.
Hemm tmien (8) Kumitati Konġunti f'Malta u wieħed (1) f'Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li tkun irtirat mill-Armata ta' 55 sena tkun mitluba tirreġistra mal-ETC filwaqt li persuna li tkun għamlet mill-inqas 25 sena servizz ma għandhiex obbligu simili, minkejja li ta' l-ewwel ġieli ħallsu NI Contributions akbar minn ta' l-aħħar?
Filwaqt li napprezza li persuna separata li kienet xi darba co owner ta' fond privat ma tistax tapplika għal sussidju fuq il-kera ta' flat privat, tista' l-Ministru tgħid jekk persuna simili tkunx eliġibbli għal xiri ta' fond tal-Gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond l-avviż ippublikat mill-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Novembru 2007, dwar bejgħ ta' postijiet taħt l-iskema ta' Shared Ownership, huma skwalifikati dawk il-persuni li minn 3 snin 'l hawn kellhom proprjeta' jew sehem minn proprjeta'.
Ninsab infurmata wkoll li, madanakollu, l-Awtorita' xorta tista' tikkunsidra applikazzjonijiet minn persuni li kellhom jew għandhom proprjeta' kemm-il darba, fid-diskrezzjoni assoluta tagħha, l-Awtorita' tqis li l-proprjeta' mhix adekwata għall-akkomodazzjoni residenzjali ta' l-applikanti u l-familja tagħha jew li l-proprjeta' ma tistax, minħabba raġunijiet legali, tekniċi jew loġistiċi, tiġi użata għal abitazzjoni jew likwidata fi żmien relattivament qasir.
Ninsab infurmat illi kif inhu imsemmi fir-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari numru 21207, 27969 u 28067 il-Park and Ride fi Crown Works/Horn Works Ditch bdiet topera fis-6 ta’ Novembru, 2006 u l-estensjoni bdiet topera fit-12 ta’ Settembru, 2007.
L-Awtorita’ Dwar it-Trasport izzomm biss estimi tal-patrunaġġ tax-shuttle bus. L-estimi tal-patrunaġġ sal-lum huma:
Xahar
Estimi tal-Patrunaġġ
Novembru 2006
1020
Dicembru 2006
2736
Jannar 2007
1574
Frar 2007
1674
Marzu 2007
1589
April 2007
1504
Mejju 2007
1437
Gunju 2007
1263
Lulju 2007
1255
Awwissu 2007
1352
Settembru 2007
1336
Ottubru 2007
1148
Novembru 2007
1251
Dicembru 2007
1514
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pazjenti li jieħdu l-IPRAVENT għall-inhaling jew ma jsibux din il-mediċina in stock fiċ-ċentri tas-saħħa jew l-isptar jew inkella jtuhom anqas mit-tliet tubi li huma ntitolati għalihom kull xahrejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ħa l-azzjoni neċessarja biex jinxtara u jitqassam stokk tal-prodott Ipratropium Bromide inhaler. It-tender għax-xiri ta' Ipratropium Bromide inhaler qiegħed jiġi proċessat wara li ntalbu xi kjarifikazzjonijiet. Fil-frattemp inxtara stokk biex jitqassam.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni, li r-referenza tagħha qed tintbagħat separatament, sal-lum għadha ma ġietx ipproċessata tant li r-riċerki ħadu aktar minn 7 xhur? Tista' tara li din l-applikazzjoni tiġi deċiża minħabba li titratta persuna b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li r-riċerki mitluba mill-Awtorita' tad-Djar, dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant, issa waslu u qed jiġu verifikati.
Ninsab infurmata wkoll li, hekk kif isiru dawn il-verifiki, il-persuna konċernata tiġi nfurmata bl-ammont ta' l-għotja u biex tersaq għall-kuntratt.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li minħabba li ma sarx fire station, id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu juża garage tal-Head Quarters tal-Pulizija, Floriana u li dan ħoloq tensjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel riferenza għar-Risposta li tajt għad-Domanda Nru. 29550 u nerġa' nsostni li l-Fire Station tal-Furjana kien u għadu jeżisti fil-Garage tal-Pulizija.
Nassigura kemm lill-Onorevoli Interpellant kif ukoll lill-poplu Malti kollu li r-relazzjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili (li hu wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija) u l-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma kienu tajbin daqs kemm huma llum. Dan jirriżulta speċjalment minn koperazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Dipartimenti li kemm il-darba jidhru fil-pubbliku jaħdmu id f'id.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li llum hemm biss żewġ fireman għaż-żona tal-Floriana u rapid response unit waħda (small fire engine) għall-zona, li mhuwiex suffiċjenti? Jaf ukoll li dan jikkrea periklu għall-istess ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili?
Response (BORG, TONIO)
F'Malta jeżisti Fire Department wieħed li huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ninsab infurmat illi għal aktar effiċjenza, il-Fire Department huwa mqassam madwar Malta permezz ta' erbgħa Fire Stations sabiex tintlaħaq kull esiġenza fl-inqas ħin possibbli, pero' f'każ ta' ħtieġa tissejjaħ għajnuna minn xi stazzjon viċin. Fil-każ tal-Furjana, din tissejjaħ minn Kordin. Dawn l-arranġamenti ilhom fis-seħħ għal madwar sena u ma hemm l-ebda diffikulta' sabiex jitħaddmu.
Jaf l-Viċi Prim Ministru li kellu jiġi kreat Eurocity Fire Brigade għall-Belt? Jaf li dan qatt ma sar u għalhekk teknikament l-Belt tiddependi fuq dawn iż-żewġ ħaddiema tal-Floriana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-terminu Eurocity jirreferi għal tip ta' vettura ta' kontra in-nirien li minnhom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jipposjedi waħda. Sa fejn hu magħruf, ma teżisti ebda Eurocity Fire Brigade, u għalhekk qatt ma kien hemm xi ħsieb li din titwaqqaf kif l-Onor Interpellant indika fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm fireman mal-protezzjoni ċivili u kemm hemm voluntiera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' Station Officers, Leading Assistance and Rescue Officers u Assistance and Rescue Officers huwa ta' 118 filwaqt illi n-numru ta' voluntiera huwa ta' 75.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull tip ta' hospitality fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid minn ta l-approvazzjoni għal dan l-infiq f'kull każ separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reggħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jafx x'kienet r-raġuni li rreżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda uffiċjal fi Skala 1 sa Skala 4 li rreżenjaw jew li għalqilhom il-kuntratt u ma reġgħux applikaw għall-istess pozizzjoni minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru.
Fi ħdan l-Awtorita` dwar it-Trasport ta’ Malta kien hemm riżenja tal-Kap Ezekuttiv liema riżenja saret għall-raġunijiet personali.