B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1471 u cioe' b'referenza għar-rapporti li dehru dan l-aħħar fl-istampa lokali fejn intqal li annimali li jinqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jibqgħu jinżammu maqfula fil-kwarantina sakemm imutu, jista' il-Ministru jgħid jekk dan hux veru jew le? Kemm hemm annimali bħalissa f'dan il-post? Kemm minnhom inqabdu jiddaħħlu Malta illegalment jew ġew konfiskati mill-awtoritajiet? Kemm ilu hemm kull annimal? Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-ewwel żewġ partijiet ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li nagħtat għall- Mistoqsija Parlamentari numru 1471.
Għar-rigward tat-tielet parti ta’ din il-Mistoqsija ninsab infurmat li l-annimali li hemm fil-kwarantina ddaħħlu f’ dawn id-dati kif jidher hawn taħt :
Serp 8 ta’ Novembru 2002
Fkieren 8 ta’ Novembru 2002
Għasafar 15 ta’ Novembru 2002
Xadina 15 ta’ Novembru 2002
Pappagalli 15 ta’ Novembru 2002
Criev 15 ta’ Novembru 2002
Xadina 19 ta’ Awwissu 2003
Jista' il-Ministru jgħid x'progress qed isir fuq it-talba imressqa mir-residenti ta' Triq iż-Żekkuk Balzan, lit-Traffic Managment Directorate ta' l-Awtorita' tat-Trasport nhar il-20 ta' Lulju 2003, dwar il-ħtieġa li ssir keep clear faċċata tad-drive in tal-garazzijiet billi mhux qed ikun possibli li joħorġu il-vetturi minħabba il-wisa tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'għamlet il-pulizija dwar ir-rapport numru 9/V/990/2003 dwar każ fil-Marfa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara r-rapport li kien sar minn diversi bdiewa rigward ippumpjar ta` l-ilma fl-inħawi magħrufa bħala ta` Msid fil-Marfa, il-Pulizija kienet talbet il-parir ta` diversi dipartimenti u awtoritajiet oħra sabiex tara x`passi tista` tieħu fil-konfront tas-sidien ta` lukanda li hemm fil-qrib.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant għat-tisfija tad-dranaġġ f'Għawdex, li ser jiswa 'l fuq minn Lm3 miljun, ser jiġi finanzjat mill-fondi tal-Gvern Malti u tal-Unjoni Ewropea.
Fil-bidu ta' Ottubru li ġej, id-dokumenti tat-tender ser jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea għall-kummenti tagħhom.
Wara ssir is-sejħa pubblika għall-offerti. Din is-sejħa tiġi pubblikata wkoll fil-ġurnal uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li d-dipartiment tad-drenaġġ se jibda jifforma parti mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan l-eżerċizzju? Il-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema ġew informati b'din il-bidla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Ottubru, 2003 id-Dipartiment tad-Dranaġġ ser jibda jagħmel parti mill-Water Services Corporation. Nikkonferma li l-Unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema ġew infurmati b'din il-bidla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi dipartiment governattiv sabiex isir żvilupp li jinkludi proprjeta' 32, Eagle Str, Bormla?
Response (BORG, TONIO)
Skond informazzjoni miġbura mid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` l-proprjeta` f`32 Eagle Street, Bormla flimkien ma` proprjeta` oħra adjaċenti, kienet ġiet iddikjarata meħtieġa għal skop pubbliku taħt l-Ordinanza dwar Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi permezz tad-Dikjarazzjoni tal-President tar-Repubblika Numru 519 tal-4 ta` Awissu 1992 fuq talba tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar. Il-proċess ta` akkwist, li għadu ma tlestiex, qed isir taħt il-proċedura ta` Pussess u Użu għal skopijiet ta` slum clearance.
Jista' il-Ministru, jagħti indikazzjoni ta' meta jaħseb li x-xogħol fuq Triq Notabile Part B ser jibda wara li issa ix-xogħol fuq l-ewwel parti ilu li spiċċa għal xi ġimgħat? Jista' il-Ministru ukoll jagħti indikazzjoni ta' meta jaħseb it-tender biex isir l-aħħar parti tat-Triq Notablie li tmiss ma naħa ta' Triq il-Knisja il-Qadima ser toħrog?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi ħarġet sejħa għall-offerti sabiex tiġi asfaltata l-bqija ta' Triq Notabile u li din i-sejħa ser tagħlaq fis-26 ta' Settembru.
Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni meta ser jibda ix-xogħol fuq il-ġibjun meħtieġ fi Triq il-Bwieraq wara li sar it-twaqqih tal-bini biex titwessa il-pjazza ma' Triq is-Salib Imqaddes, peress li minħabba li din il-pjazza tinsab f'bajjella qawwija, id-djar fiż-żona jerqu meta tkun xita aktar minn normal. Jista' il-Ministru jara li x-xogħol isir qabel ix-Xitwa biex anke il-Kunsill ta' Birkirkara ikun jista' jagħti il-wiċċ tat-tarmak?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-twaqqiegħ ta' bini li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien sar bħala pass preparatorju sabiex it-triq tkun tista' tinfetaħ u jkun jista jinbena l-ġibjun taħt l-art. Bħalissa d-Direttorat għat-Toroq qed iħejji l-istejjem neċessarji sabiex il-ġibjun ikun jista jsir.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi irranġata Naxxar Road mill-HSBC f' B'Kara saċ-ċimiterju ta' Ħal Lija peress li tinsab fi stat ħażin u hija triq prinċipali u traffikuża? Hemm il-ħsieb li din tiddaħħal fi programm ta' toroq fis-sena finanzjarja li jmiss?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq distributorja msemmija qiegħda diġa fil-lista ta' prijoritajiet ta' xogħol li jridu jsiru skond ir-road resurfacing Master Plan u x-xogħol fiha u maħsub li jsir skond il-prijoritajiet ta' dan il-programm.
Kemm inġabru vetturi mill-pulizija minn Jannar sal-15 ta' Settembru? Mil-liema lokalitajiet? X'isir minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel tmien xhur u nofs ta` din is-sena, it-Taqsima tal-A.L.E. tal-Pulizija u l-Pulizija Distrettwali ġabru 107 vettura mitluqa, minn dawn il-lokalitajiet f`Malta filwaqt li f`Għawdex il-vetturi mitluqa tneħħew mis-sidien tagħhom stess.
Albertown; Attard; Baħar iċ-Ċagħaq; Balzan; B`Bugia; B`Kara; Birgu; Bormla; Fgura; Floriana; Gżira; Ħamrun; Iklin; Isla; Lija; Marsa; M`Skala; Mosta; Mrieħel; Naxxar; Paola; Pieta`; Qormi; San Ġiljan; San Ġwann; Siġġiewi; Sliema; Swieqi; Tarxien; Xagħjra; Żabbar u Żejtun.
Dawk il-vetturi hekk miġbura, li jibqgħu ma jittieħdux lura mis-sid leġittimu tagħhom fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni ta` avviż ta` tneħħija mill-Kummissarju tal-Pulizija fil-Gazzetta tal-Gvern u fi tliet ġurnali lokali oħra, li bih isejjaħ lil dak is-sid sabiex jieħu lura dik il-vettura, jiġu mibjugħa, jew, fil-każ li dawn ma jkunux tajbin biex jintużaw fit-triq, jiġu meqruda, kif provdut f`regolament 8(1) ta` Avviż Legali 94 ta` l-1997.
Kemm baqgħu ma tħallsux multi tat-Tribunal Lokali għall-perjodu Jannar 2000 sat 30 ta' Ġunju minkejja l-avviż fil-gażżetti fejn ingħata sal-31 ta' Lulju biex isir il-ħlas? Jista' jelenka in-nuqqas ta' ħlas Tribunal bi Tribunal? X'passi oħra ittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u t-Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġew boarded out tul dawn l-aħħar snin? Jista' jagħti dettalji separatament għall-Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm statistika dwar kemm persuni jiġu boarded out minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jżomm biss statistika dwar persuni li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita’ wara li jkunu ġew ċertifikati minn bord mediku tad-Dipartiment li jkunu nkapaċi għax-xogħol għal mill-anqas tlett snin. Din l-istatistika tinżamm b’mod globali u mhux skond il-post fejn dak li jiġi hekk ċertifikat ikun jabita.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' ranġar tal-pumping station tad-drenaġġ fil-Marsa li għerqet bl-ilma tax-xita wara l-maltempata li saret?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pumping Station tal-Marsa, li hija l-qalba tas-sistema tad-dranaġġ fin-naħa t'isfel ta' Malta, sarulha diversi ħsarat kemm strutturali kif ukoll fl-impjant propju.
Grazzi għall-ħidma f'waqtha ta' l-uffiċjali u l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dranaġġ, id-Dipartiment kien f'pożizzjoni li jerġa jħaddem il-pompi. Dan pero' ma setax isir mill-ewwel minħabba nuqqas fil-provvista ta' l-elettriku. Immedjatament il-provvista tad-dawl ġiet għan-normal il-pompi reġgħu bdew jaħdmu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bdiewa li għandhom raba' fl-inħawi ta' Imtarfa ingħatawx risposta għall-ilment li għamlu ma' l-Awtorita' tar-Riżorsi permezz ta' ittra bid-data 10 ta' Settembru 2003? L-isem ta' l-uffiċjal ma' min għamlu l-ilment qed jintbagħat separatament.
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma waslu l-ebda lmenti minn bdiewa fl-inħawi ta' l-Imtarfa permezz ta' ittra bid-data ta' l-10 ta' Settembru 2003.
Tista' tindaga għaliex pensjonanti li kienu jaħdmu mal-Kumpanija Farsons, li taħt kundizzjonijiet normali, ikollhom il-pensjoni tagħhom aġġustata mal-Collective Agreement tal-kumpanija, ilhom minn Jannar tas-sena 2002 ma jirċievu ż-żidiet li kellhom jinħarġu skond il-collective agreement ta' dak iż-żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li r-reviżjonijiet tal-pensjonijiet li għamel referenza għalihom l-Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni issa tlestew u l-ammont il-ġdid dovut mistenni jitħallas mal-pagament tal-pensjoni ta’ Ottubru.
Fejn tinsab bħalissa x-xadina li ddaħħlet Malta maqfula ġo bagalja? X'se jsir minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li x-xadina tinsab il-Kwarantina. Qed isiru arranġamenti mill-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (M.E.P.A.) biex din tintbagħat ġo post addattat barra minn Malta.
B'referenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi rigward provvista baxxa ta' l-elettriku fi Triq San Remig, Kirkop, jista' l-Ministru ġentilment jgħidli fiex waslu l-pjanijiet tal-bini ta' substation li kellha tinbena? Fejn se tinbena? Meta bejn wieħed u ieħor se titlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-Substation inbniet fi Triq Karlu Darmanin f'Lulju 2002.
Hemm xi skema biex anzjani li jkunu qed jgħixu fil-komunita` fi djar substandard u li ma jkunux iridu joħorgu mid-dar tagħhom, jigu megħjuna biex itejbulhom fejn ikunu qed jgħixu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tamministra tlett Skemi li permezz tagħhom kemm sidien kif ukoll inkwilini jistgħu jingħataw somma sa massimu ta’ Lm3,500 fil-każ ta’ postijiet perikolużi u sa massimu ta’ Lm2,500 fil-każ ta’ postijiet sub-standard biex isiru xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’dawn il-postijiet.
Dawn l-iskemi huma:
Skema Z, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mis-sidien;
Skema 5, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi privati okkupati mill-inkwilini jew ċenswalisti; u
Skema W, dwar sussidju fuq xogħolijiet ta’ rranġar fi djar proprjeta’ tal-Gvern. Taħt din l-iskema l-massimu ta’ l-għotja ma jeċċedix l-Lm1,000.