Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura — Inizjattivi favur iż-żgħażagħ
Question
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-inizjattivi internazzjonali li ħa jew li qed jagħmel il-Ministeru favur iż-żgħażagħ minn wara l-elezzjoni 2003? F'kull każ, ittieħdu passi sabiex issir konsultazzjoni ma' Ministeri jew għaqdiet ta' NGO's li fihom hemm l-interessi taż-żgħażagħ fuq is-suġġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn wara l-elezzjoni 2003 :
1. Ġie mwaqqaf is-Segretarjat tal-Euromed Youth Platform. Malta ħadet l-inizjattiva li l-kwartieri ġenerali tal-Platform ikunu hawn Malta permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea u b-koperazzjoni mill-Ministeru għaż-żgħażagħ u Kultura. L-għan ta' dan il-Platform huwa li jġib flimkien żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran. Dan il-platform ġie varat Malta bejn is-17 u l-21 ta' Settembru 2003 permezz ta' laqgħa għal madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa mill-pajjiżi firmatarji tad-dikjarazzjoni ta' Barcellona kif ukoll mill-pajjiżi li ser jissieħbu fl-Unjoni Ewropea s-sena ddieħla.
2. B'inizjattiva bejn il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Gvern Malti, 30 youth leader minn diversi għaqdiet internazzjonali ġew Malta għal żjara ta' xahar.
Matul din iż-żjara dawn il-Youth Leaders attendew kors ta' taħriġ li kien immirat biex jingħataw tagħlim fil-lingwa Ingliża partikolarment fuq terminoloġija relatata ma' xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ;
Jagħti l-faċilita' lill-parteċipanti biex :
jsiru jafu aktar dwar il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' Malta;
jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversi asptti tal-qasam taż-żgħażagħ fuq livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.
Jinkoraġixxi kuntatt bejn għaqdiet Ewropej taż-żgħażagħ;
Jippromwovi aktar mobilita' fost iż-żgħażagħ.
3. 55 żagħżugħ/a Maltin ipparteċipaw mill-programm ta' skambji organizzati mill-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura f'international youth meetings fil-Ġermanja u fl-Italja;
4. 6 Youth Leaders Maltin minn diversi għaqdiet mhux governattivi attendew
training course ġewwa Peseckendorf fil-Ġermanja fuq stedina tal-Council of cultural youth education in the land Saxony-Anhalt, Germany. Diversi għaqdiet Maltin ġew
mistiedna jinnominaw parteċipant;
5. Żewġ delegati żgħażagħ ser jirrapreżentaw lil Malta fil-First Education Youth Summit of the Commonwealth fl-Iskozja. Id-delegati ġew magħżula mill-Junior College.
6. Fil-ġranet li ġejjin mistennija tiġi delegazzjoni Ċiprijotta biex ikomplu jsiru laqgħat bl-iskop li jissaħħu r-relazzjonijiet eżistenti bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam taż-żgħażagħ. Għal din iż-żjara qed issir konsultazzjoni mal-Young Enterprise.
7. Fis-settur kulturali saret ħidma sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-aċċessibilita’ tagħhom għal siti storiċi fost dawn kien hemm il-kunċerti tat-12 ta’ Settembru b’ħidma ma’ Summer Schools, Workshops fiċ-Ċentru ta’ Kreattivita’ ta’ San Ġakbru.
Matul dawn ix-xhur saret ħidma sabiex :
Jitfassal il-programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja. Il-ħsieb hu li jsiru aktar proġetti ta’ outreach f’lokalitajiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li d-Dipartment taż-żgħażagħ jaħdem akar fuq proġetti ta’ sħubija ma organizazzjonijiet bħal Sedqa.
Matul dawn ix-xhur kompla għaddej ix-xogħol fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali għaż-żgħażagħ. Għall-ewwel darba din ser tkun bbażata fuq metodoloġija stabbilita’ mill-Kunsill ta’ l-Ewropa. Review team magħmul minn esperti żar Malta u tkellem ma’ diversi stakeholders.
It-tfassil ta’ din il-politika issa wasal fi stadju avvanzat. Nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru sejjer ikun organizzat seminar ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' housing (file no. H17965) billi l-persuni konċernata toqgħod f'garage li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li spetturi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar għamlu diversi tentattivi biex jispezzjonaw il-garage fejn kien iddikjara li joqgħod l-applikant, anke wara li għamlu appuntament, iżda qatt ma ġew murija l-post. Barra minn hekk ġew infurmati li ħadd ma joqgħod f’dan il-garage. Għalhekk l-applikazzjoni ġiet kanċellata.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-iskola tal-biedja fix-Xewkija, Għawdex ġiet magħluqa? Jista' jgħid x'se jsir mill-istudenti u x'faċilitajiet alternattivi se jiġu provduti lilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-bini ta' l-iskola Kelinu Galea tax-Xewkija gie mgħoddi lill-MCAST biex din is-sena jinfetħu korsijiet ġodda fil-livell Post-Sekondarju fi ħdan l-Istitut ta' l-Agrikummerċ. L-istudenti li din is-sena jinsabu fit-tieni sena gew akkomodati fil-Kumpless Ninu Cremona, Victoria. F'din l-iskola qed ikompli jingħataw it-taħriġ meħtieġ skond il-kors tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm diversi magni, fosthom dik ta' l-istress test, li ilhom bil-ħsara għal diversi xhur u għadhom ma ġewx irranġati? Jaf li l-pazjenti qed jintbagħtu ġo clinics privati biex jagħmlu dan it-test bażiku?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Sptar Ġenerali — Nuqqas ta' ingwanti/maskli protettivi
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-operating theatre hemm nuqqas ta' ingwanti u maskli protettivi? Jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Għoti ta' kumpens mill-HSBC Bank
Question
Peress illi qed jingħataw deċiżjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji kontra l-HSBC Bank Malta plc gia Mid Med Bank Ltd; peress illi l-bank imsemmi qed jirrifjuta milli jagħti l-kumpens a tenur ta' l-istess deċiżjonijiet, jista' il-Prim Ministru jgħid min se jħallas dawn il-kumpensi u x'rimedji għandhom dawk l-impjegati li jkunu rebħu l-każ u mingħand min?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Gvern għandu parir legali li l-Bank imsemmi hu suġġett għall-ġurisdizzjoni tat-Tribunal skond l-Att dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji.
Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li linji ta' telefon ċellulari jiġu aktar kontrollati fis-sens illi kull linja li tiġi mibjugħa għandha tiġi reġistrata u dan biex jitnaqqas l-abbuż ta' użu ħażin?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza t-talba tiegħu lill-Ministeru konċernat.
B'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 1402, jista' il-Ministru jgħid għaliex l-iskola tal-Biedja ġiet trasferita għal band'oħra? Jaħseb li l-premises il-ġodda ta' l-iskola tal-biedja huma adattati u adegwati għall-bżonnijiet kemm ta' l-istudenti kif ukoll ta' l-għalliema? Jista' jgħid ukoll kemm ilu pjanat dan it-trasferiment peress illi ma kien hemm ebda aċċenn għalih qabel jew ebda konsultazzjoni mad-diretti interessati?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istaff u studenti ta' l-iskola tal-Biedja tax-Xewkija ġiet integrata fl-iskola Sekondarja tas-subien Ninu Cremona. L-istudenti u l-għalliema ser igawdu l-istess faċilitajiet li kienu igawdu l-istudenti ta' l-istess skola Junior Lyceum u Sekondarja. It-trasferiment ġie deciż matul il-vaganzi tas-sajf u sar biex anke f'Għawdex inkunu nistgħu nibdew inpoġġu s-sisien għall-fergħa ta' l-Istitut ta' l-Agrikummerċ ta' l-MCAST.
Jogħġbu l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku? Meta hu maħsub jew mistenni li dawn jiġu konklużi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru taħdidiet fuq ir-riforma fit-trasport pubbliku bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Dawn it-taħdidiet qed jitrattaw is-suġġerimenti tal-Kunsilli Lokali dwar ir-rotot fil-lokalitajiet tagħhom, tibdil f'rotot eżistenti u possibilitajiet ta' rotot ġodda kif ukoll l-idejat li jinħolqu "hubs" ġodda barra dawk eżistenti.
Jogħġbu l-Ministru jara li jitħaffu u jitlestew ix-xogħlijiet fil-parti t'isfel ta' Triq Ninu Cremona, f'Raħal Ġdid, liema xogħlijiet ilhom għaddejjin għal diversi xhur issa, meta suppost damu ferm inqas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi x-xogħol imsemmi qed isir mill-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jitfa' ftit dawl fuq it-talba li ġie rrapportat li Malta se tagħmel għall-fond ta' solidarjeta' ta' l-Unjoni Ewropea wara l-għargħar ta' Settembru 2003, dwar meta se ssir din it-talba u f'kemm flus se tikkonsisti din it-talba?
Response (BORG, JOE)
Wara l-maltemp qalil tat-Tnejn 15 ta' Settembru 2003 u tal-ġranet ta' wara fuq il-gżejjer Maltin, il-Gvern Malti ġie assigurat illi għandu dritt japplika għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni Ewropea taħt il-provvedimenti tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri Numru 2012/2002, li waqqaf il-Fond ta' l-Unjoni Ewropea għal Solidarjeta' ma' pajjiżi milquta serjament minn diżastri kbar, prinċipalment naturali. Nhar il-Ġimgħa 19 ta' Settembru, uffiċċjali għoljin minn bosta Ministeri ewlenin iddiskutew bejniethom dwar il-koordinament meħtieġ għall-ġbir ta' tagħrif ddettaljat sabiex tintefa' applikazzjoni f'dan ir-rigward. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt li l-formoli ta' applikazzjoni jridu, skond il-provvedimenti ta' l-istess Direttiva, jiġu sottomessi fi żmien għaxar ġimgħat mid-data meta l-maltemp laqat lil pajjiżna l-ewwel darba li l-għajnuna finanzjarja li tista' tiġi awtoriżżata biex titħallas mill-Fond tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li hemm speċifikat fl-artikli relattivi tad-Direttiva.
Jogħġbu l-Ministru jispega fil-qasir x'inhi l-politika tal-gvern fir-rigward ta' l-imgħaxijiet imħallsa mill-banek, u dan in vista li dawn ir-rati ta' l-imgħax qed jonqsu ħafna u għalhekk forsi wieħed jista' jispjega lil dawk il-pensjonanti li m'humiex daqshekk au courant mal-politika ekonomika u monetarja u allura ma jifhmux dan il-proċess bil-konsegwenza li mhux qed jagħmlu l-aħjar użu mid-depożiti tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li permezz tat-tibdil fil-liġi li seħħ fl-1994, il-Bank Ċentrali ta’ Malta sar responsabbli għall-formulazzjoni u implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dan sar fl-isfond tal-politika tal-Gvern illi, bħal kif jiġri f’pajjiżi żviluppati, il-kundizzjonijiet fis-settur monetarju m’għandhomx jibqgħu jkunu determinati minn ordnijiet jew kontrolli diretti maħruġa mil-Ministru tal-Finanzi, iżda permezz ta’ politika monetarja aktar attiva f’proċess ta’ liberizzazzjoni fis-settur finanzjarju.
Bħala parti minn dan il-proċess, il-rati ta’ l-imgħax tal-banek, kemm fuq self kif ukoll depożitu, ġew liberaliżżati kompletament. B’hekk, il-banek għandhom id-dritt illi jiffissaw jew ibiddlu r-rati ta’ l-imgħax skond il-kundizzjonijiet fis-suq tal-flus u skond ir-riskju.
L-għan tal-Bank Ċentrali huwa illi jipprova jinfluwenza il-livell ta’ l-imgħaxijiet billi jintervjeni fis-suq tal-flus sabiex jiżgura stabbilita’ fis-settur monetarju u biex il-valur tal-lira Maltija jkun sostenibbli. Dan jagħmlu billi jistabbilixxi u jbiddel ir-rata ċentrali ta’ intervent fid-dawl ta’ l-iżviluppi monetarji u ekonomiċi, b’mod partikulari r-rata ta’ l-inflazzjoni, ir-riservi barranin u xejriet fir-rati ta’ l-imgħax fis-swieq barranin ewlenin.
Kif huwa magħruf sew, ir-rati ta’ l-imgħax fix-xena internazzjonali niżlu għall-livell rekord minħabba tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u inflazzjoni baxxa. Ir-rati lokali għaldaqstant niżlu wkoll. F’dan ir-rigward, tajjeb infakkar illi l-politika tal-Gvern dwar ħruġ ta’ stocks hija illi l-pubbliku jingħata preferenza fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet.
Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jara li jinħareġ id-derequisition order RO 34233 għal fond li ilu battal għal numru ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-fond qiegħed f’lokalita’ fejn id-Dipartiment konċernat qiegħed jagħmel eżerċizzju ta’ tneħħija ta’ rekwiżizzjonijiet. Għalhekk ir-rekwiżizzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija titneħħa dalwaqt.
Servizz ta' trasport pubbliku — Rotta San Pawl il-Baħar
Question
Jista' il-Ministru jara li s-servizz tal-linja li kien jiġi wżat qabel fuq ir-rotta San Pawl il-Baħar via Fleur-de-Lys, Valletta u vice-versa jerġa' jibda jaħdem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan is-servizz kien jeżisti żmien ilu u kien ġie mwaqqaf peress li ma kienx isir użu minnu. Fl-2001, għaż-żmien tas-sajf, reġa ġie ntrodott bi ftehim mal-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun u Santa Venera u reġa ġie mwaqqaf għall-istess raġunijiet.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-ground tal-football il-kbir komplut bl-area ċirkostanti f'Ta' l-Infetti Ħaż-Żebbuġ, li bħalissa jinsab encroached f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC jista' jgħaddi f'idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b'ċens taħt l-iskema taċ-ċentri sportivi? Dan ikun jista' jiġi wżat għal skop kummerċjali wkoll?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ingħad fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 887, nikkonferma li l-ground tal-football f`Ta` l-Infetti Ħaż Żebbuġ jista` jgħaddi f`idejn iż-Żebbuġ Rangers FC b`ċens. Fil-fatt id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` bħalissa qed jaħdem fuq numru ta` proprjetajiet, fosthom dan il-każ, sabiex fil-futur mhux il-bogħod titressaq Riżoluzzjoni Parlamentari sabiex dawn jingħataw lil diversi Għaqdiet Sportivi u Għaqdiet mhux Governattivi oħra, b`ċens jew b`kera skond il-każ. Il-ħsieb huwa li l-ground tal-Infetti flimkien ma` l-area tad-dressing rooms jingħata b`ċens temporanju ta` 49 sena lil Żebbuġ Rangers FC. Il-kundizzjonijiet taċ-ċens, f`każijiet bħal dawn, jistipulaw illi l-użu tal-faċilitajiet sportivi għandu jkun esklussivament għall-isport li jista` jinkludi uffiċini għall-amministrazzjoni sportiva, gymnasiums, sport clinics, u faċilitajiet oħra għal min juża jew jiffrekwenta din il-proprjeta`, iżda mhux tali li jibdel in-natura prinċipali tal-kumpless sportiv. Dan ikun jista` jinkludi faċilitajiet ta` bar jew catering.
Raħal Ġdid — Anzjan li qed jistenna biex jidħol fl-SVPR
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-anzjan - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - jidħol fl-SVPR minħabba l-importanza tal-każ tiegħu? Tista' il-familja tiegħu tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz mill-Isptar San Luqa fit-3 ta’ Settembru, 2003.
Fil-każ ta’ applikazzjonijiet dwar persuni li jkunu l-Isptar San Luqa, il-prassi hi li s-Supretendent Mediku ta’ l-Isptar jipprijoritiżża l-applikazzjonijiet ta’ pazjenti biex jiġu trasferiti fir-Residenza meta jkun hemm il-post.
Jista' il-Ministru jgħid jekk in-nuqqas ta' 900 ħaddiem għamlux effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Malta Drydocks? L-ispiża ordinarja ta' Drydocks impruwvjat? Jekk iva, b'liema mod?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li t-tnaqqis ta' 722 ħaddiem mit-Tarzna matul l-2002 naqqset l-ammont ta' flus li tħallsu f'pagi, t-telf tat-Tarzna ma naqasx għax jinħtieġ ukoll illi jitbiddlu l-prattiċi tax-xogħol antikwitati li jeżistu u jsir ftehim kollettiv ġdid li jirrifletti s-sitwazzjoni moderna ta' tarzna f'suq kummerċjali kompettittiv.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-ispiża tal-pagi fis-snin 2001 u 2002 u kemm hi n-nefqa għall-overtime fil-Malta Drydocks?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ispiża tal-pagi tal-Malta Drydocks kienet kif ġej:
Sena 2001 - LM22,311,796
Sena 2002 - LM18,868,276
Dan l-ammont jinkludi l-overtime u night shift kif muri hawn taħt:
Sena 2001 - LM4,698,678
Sena 2002 - LM3,942,430
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kliniċi privati liċenzjati f'Għawdex? Kemm minn dawn għandhom: 1) permess biex jieħdu x-rays u x'tip ta' x-rays; 2) permess biex jagħmlu endoscopic interventions; 3) permess għal-laboratorju; 4) permess għal stress ECG; 5) permess għal operazzjonijiet taħt anestesija? Dawn il-kliniċi għandhom: 1) aċċessibilita; 2) waste disposal policy; 3) Radiation protection policy; 4) makkinarju bil-CE mark; 5) maintenance certificates?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-faċilitajiet mediċi privati liċenzjati f'Għawdex huma kif ġej:-
1. St James Hospital, Għajnsielem - liċenzjat bħala "Day Care Clinic," bil-permess li jsiru fost l-oħrajn "endoscopic interventions" u operazzjonijiet taħt anestesija. Din il-Klinika għandha wkoll permess għal laboratorju.
2. Klinika Farruġia, Victoria - liċenzjata biex topera bħala X-ray Department bil-permess ta' X-rays ġenerali, CT Scan u mammography.
3. 1st Floor, Pisani Pharmacy, Sannat - permess għal mammography.
"Stress ECG" ma jinħtieġx liċenzja speċifika.
Dawn il-faċilitajiet għandhom aċċessibilita', "waste disposal policy," u makkinarju bis-"CE mark," kif ukoll iżommu "maintenance records" dwar l-apparat. Kull klinika tar-radjoloġija għandha l-obbligu li ssegwi n-"Nuclear Safety and Radiation Protection Regulations."
Peress illi l-Gvern kellu pjan għad-Drydocks maqsum fuq tliet fażijiet li huma restructuring, devlopment u redundancies u peress li dawn il-miżuri kollha ttieħdu simultanjament, jista' il-Ministru jgħid fid-dettall xi progress sar f'kull fażi fil-proċess fuq indikat f'istruttura tat-Tarznari?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-pjan ta' ristrutturar tat-Tarzni mhux kif indikat mill-Onor. Interpellant iżda hu maqsum fil-fazijiet segwenti:
1. Tnaqqis fin-numru ta' ħaddiema
2. Xogħol alternattiv għal ħaddiema zejda
3. Tibdil fil-prattiċi tax-xogħol biex titjib il-produttivita'
Fl-2002 sar tnaqqis ta' 722 ħaddiem miż-żewġ tarzni permez ta' skemi ta' irtirar kmieni. Għadfadal madwar 900 ħaddiem li jridu jonqsu mill-complement tat-tarzni.
Għadu ma giex iffirmat ftehim kollettiv ġdid li jinkludi riformi kbar fil-prattiċi tax-xogħol li mingħajrhom il-miżuri l-oħra ma jkollhomx l-effett mixtieq. Il-Gvern ta deadlines ċari biex jintemm in-negozjar ta' dan il-ftehim biex ikunu evitati mizuri oħra biex ikun kontrollat it-telf tat-tarzni.