Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Xogħol ta' tarmac

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux għaddej jew jekk hux mistenni li bħalissa jew fil-futur immedjat isir xi xogħol ta' tarmac f'Ħal-Qormi mill-Malta Transport Authority. Jekk Iva fuq liema toroq ta’ Ħal Qormi ser isir dan ix-xogħol? Min qiegħed joħrog il-fondi biex isir dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi dan l-aħħar f'Ħal Qormi ġew asfaltati Triq il-Furnar, Triq is-Serer, Triq Nikola Baldacchino, Triq id-Dragun, Triq Ġuże Muscat Azzopardi, Triq l-10 ta' Settembru, Triq id-Deheb Fin, u Triq San Ġwakkin. Fil-preżent l-Awtorita għada kif ħarġet żewġ sejħiet għall-offerti għall-asfaltar ta' Triq Marjanu Pace u Triq in-Nassaba. Dan ix-xogħol kollu qed jitwettaq mill-Awtorita dwar it-Trasport b'fondi provduti mill-Gvern Ċentrali. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita imsemmija mill-Onorevoli Interpellant id-Direttorat qiegħed iħejji programm għall-asfaltar ta' diveri toroq madwar Malta kollha u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li kienu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Ħal Qormi — Toroq - Tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar tarmac f' Ħal-Qormi minn Mejju 1994 sal-lum, minn xi awtorita’ jew dipartiment tal-Gvern Ċentrali? Jista’ ir-rendikont jinqasam sena b'sena u triq bi triq minbarra il-kilometraġġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għada qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli lokali — Xogħlijiet ta' tarmac

Question

Jista’ il-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi ftehim biex Kunsilli Lokali jagħmlu xogħol ta’ tarmac li huma responsabbilta’ tal-Gvern Ċentrali, fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom, bil-ftehim li dawn jitħallsu lura tax-xoghol imwettaq minn naħa tal-Gvern Ċentrali? Jista’ il-Ministru jispjega kif jaħdem dan il-Proċess? Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli li daħlu għal dan il-ftehim u meta daħlu għal dan il-ftehim?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport nediet sistema fejn hi tidħol fi ftehim ma' Kunsill Lokali sabiex dan jagħmel xogħol li normalment huwa responsabilta ta' l-Awtorita minn fondi tiegħu bil-patt li dawn l-ispejjez jitħallsu lura mill-Awtorita f'perjodu ta' tliet snin. Xogħolijiet li jsiru b'dan il-mod ma jistawx ikunu ta' valur iktar minn LM75,000. Il-Kunsilli li għamlu dan it-tip ta' ftehim huma Għargħur, Gudja, Iklin, Imġarr, Isla, Kirkop, Marsaxlokk, Mosta, Rabat, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Swieqi u Żejtun. Hemm 14 il-Kunsill ieħor li qegħdin jaraw jekk jistghux jagħmlu xi proġett taħt dan it-tip ta' ftehim. Madankollu, s'issa, in-numru ta' kunsilli li jistgħu jibbenifikaw minn dawn l-iskemi, f'xi żmien partikolari kien limitat għal 20.

Ħal Qormi — Triq Aniċi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lil Korporazzjoni Enemalta milli tixgħel żewg lampi fi Triq Anici Hal-Qormi li ilhom mwaħħlin fit-triq għal aktar minn ħames xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Kien hemm oġġezzjoni għal dawn iż-żewġ lampi u għalhekk ix-xogħol waqaf. Issa li ġew aċċettati fil-post fejn weħlu, ix-xogħol fuqhom ser ikompli u mistenni jitlesta sa nofs Ottubru.

Eta' tal-pensjoni

Question

Fil-każ ta' mara li bdiet taħdem fis-sena 1977 u waqfet taħdem fis-sena 1993 taħt il-liġijiet tal-pensjoni tal-lum, din il-mara suppost intitolata għall-pensjoni tas-60 sena. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu illi meta min jinsab f'dan il-każ u jmur l-uffiċċju tas-servizzi soċjali ġewwa l-Belt qed jgħidulu li meta l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 61 sena, persuna f'dan il-każ ma tkunx intitolata għall-pensjoni? Veru li qed jgħidu lill-persuni li jinsabu f'dan il-każ li jekk l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 65 sena jridu jaħdmu tliet snin aktar biex jikkwalifikaw għall-pensjoni? Jekk hu minnu li qed jingħataw dawn il-pariri mill-ufiċċju tas-servizzi soċjali tal-Belt, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-pariri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex persuna jkollha dritt għall-Pensjoni għal Min Jirtira trid tissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji u kontributorji fid-data ta’ l-irtirar skond il-provedimenti relatati ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. L-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni mitluba fattwalment u skond il-provedimenti tal-liġi msemmija kif tkun fis-seħħ meta din l-informazzjoni tintalab u mhux fuq suppożizzjonijiet jew tbassir. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu dettalji ta’ każ jew każijiet fejn uffiċjali tad-Dipartiment mhux qed josservaw dan l-obbligu, jgħaddihomli, anki b’mod kunfidenzjali, biex ninvestiga.

Ħaż-Żabbar — Triq Bieb is-Sultan

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1418 u cioe' b'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti tiegħi fil-leġislatura l-oħra u konsultazzjonijiet mad-direttur tat-toroq, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq Bieb is-Sultan, Żabbar li kif jaf kienet twessgħet kollha ħlief għall-parti żgħira li tħalliet b'għalqa fin-nofs? Billi ntqal diversi drabi li kien beda l-proċess biex din l-għalqa tiġi esproprjata wara, jista' ġentilment jgħid fiex wasal dan il-proċess ta' esproprjazzjoni u meta hemm il-ħsieb li bejn wieħed u ieħor titwessa' din il-parti tat-triq? Jista' il-Ministru jinformani xi proċeduri għaddejjin mas-sidien ta' l-għalqa msemmija u meta bdew dawn il-proċeduri? Billi jien kont ġejt informat għal darba, darbtejn mid-direttur tat-toroq li bdew il-proċeduri ta' esproprjazzjoni, jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħi 1418 u jgħidli fiex waslu dawn il-proċeduri ta' esproprjazzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi mill-aħħar mistoqsija li kien għamel l-Onorevoli Interpellant waslet ir-risposta tas-sidien ta' din l-art li uriet biċ-ċar li ma jistax jintlaħaq ftehim bonarju biex din tinxtara. Għalhekk qed jittieħdu l-proċeduri neċessarji biex ikun jista` jsir dan l-akkwist permezz tad-Dipartiment ta' l-Artijiet u eventwalment toħroġ id-Dikjarazzjoni tal-President.
Leg 10 PQ #1295 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Spezzjonijiet f'diskoteki

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa jagħmlux żjajjar regolari fid-discos u postijiet ta' divertiment biex ikun żgurat li l-viti ta’ l-ilma huma miftuħa għall-kumdita` tal-klijenti kif titlob il-liġi? Kemm saru spezzjonijiet mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Lulju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Tali spezzjonijiet dwar viti ta' l-ilma ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #1296 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Intern

Korp tal-pulizija — Pulizija sospiżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total ta' membri fil-Korp tal-Pulizija llum? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija sospiżi? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Meta ġie sospiż kull wieħed? Liema huma dawk li diġa` dehru quddiem il-Qorti u/jew qed jistennew li jidhru jew quddiem il-PSĊ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,862 membru fil-Korp tal-Pulizija. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inġibditli l-attenzjoni, illi t-tagħrif dwar in-numru ta` Kuntistabbli li jien kont ġejt mogħti għat-Tweġiba ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 372, bi żvista ġie mogħti bħala 1,872 meta fil-fatt ried ikun 1,462.

Marsascala — Tindif u ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-post magħruf bħala l-Munxar faċċata tal-bajja tar-Ramla, Marsascala ta' min hi r-responsabbilta` li jsir it-tindif u l-ġbir ta’ l-iskart?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' li jsir it-tindif u l-ġbir ta' l-iskart fiż-żona msemmija hija tal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
Leg 10 PQ #1302 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Base line assessment għal tfal fil-year 3

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar f'dawn l-aħħar sentejn u x'inhu jsir fil-preżent fir-rigward ta' dak li hemm fil-kurrikulu nazzjonali dwar il-base line assessment għal tfal li qegħdin fil-year 3?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qiegħdha tagħmel xogħol preparatorju għall-introduzzjoni tal-Baseline Assessment. Dan ix-xogħol preparatorju jinvolvi xogħol fuq tifsil ta' sillabu li ser jinkludi 'learning objectives' speċifiċi kif ukoll 'attainment targets' ċari. Id-Diviżjoni qed taħdem ukoll fuq tifsil ta' Level Descriptors li jkunu jindikaw f'liema livell waslu l-istudenti tagħna.
Leg 10 PQ #1303 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Ftehim kollettiv għall-instructors

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se titwettaq b'mod sħiħ klawsola 2.5.3. tal-ftehim kollettiv għall-instructors datat 3 ta' Ottubru, 1996?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn mindu ġiet fis-seħħ il-klawsola, 2.5.3 tal-ftehim imsemmi laħqu żewġ Heads of Trade School u kif tipprovdi l-istess klawsola, iż-żewġ Assistant Heads of Trade School l-aktar anzjani tpoġġew fuq Skala 6 fuq bażi personali.
Leg 10 PQ #1304 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

FES — Quality assurance

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir fil-preżent sabiex ikun assigurat li l-kwalita' fis-sistema edukattiva tagħna qed tintlaħaq (quality assurance)? Hemm xi pjani li din tiġi mtejba? Jekk iva, x'qed jiġi propost? Xi rwol għandha l-FES fil-kunċett ta' quality assurance?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent, hemm miżuri li jitħaddmu u li jitwasslu għal tisħiħ fil-kwalita' tas-sistema edukattiva, f'żewġ oqsma. L-ewwel qasam huwa dak tal-management ta' l-iskejjel. Il-kapijiet ta' l-iskola, kull sena jiltaqgħu ma' l-Assistent Direttur tar-Reġjun tagħhom biex jiddiskutu fuq il-ħidma tagħhom matul is-sena li tkun għaddiet u jippjanaw il-ħidma għas-sena ta' wara (Performance Management Programme). Minn naħa tagħhom dan l-eżerċizzju jiġi mwettaq fl-iskola ma' l-Assistenti Kapijiet u mill-għalliema. Sa issa dan l-eżerċizzju qed isir biss fl-iskejjel Primarji fejn jidħlu l-għalliema. Mis-sena d-dieħla diġa' tlestew it-tħejjijiet meħtieġa biex l-eżerċizzju jsir ukoll fl-iskejjel sekondarji. Il-qasam l-ieħor huwa dak tat-tagħlim fil-klassijiet. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Dipartiment tal-Kurrikulu huwa li jassigura li l-provedimenti tal-Kurrikulu Nazzjonali jiġu implimentati. Fost dawn il-prinċipji nsibu li l-ewwel prinċipju ta' dan il-kurrikulu huwa fil-fatt li jipprovdi edukazzjoni ta' kwalita' lil kull student. Il-Kwalita' fis-sistema edukattiva tiġi assigurata billi l-Uffiċjali Edukattivi jagħmlu żjarat fl-iskejjel fuq sistema regolari. F'każijiet fejn ikun hemm ilmenti minn ġenituri jew kapijiet ta' skejjel, l-Uffiċjali Edukattivi jagħmlu sforzi kbar biex jassiguraw li l-istudenti jieħdu l-'entitlement' li ħaqqhom u dan isir bi żjarat aktar spissi. Teżisti wkoll is-sistema ta' probation fejn l-għalliema, biex ikomplu jaħdmu wara l-ewwel sena ta' xogħol tagħhom irid jinħarġilhom ċertifikat li jissejjaħ 'Confirmation of Appointment Report' kemm mill-Kapijiet ta' l-iskola kif ukoll mill-Uffiċjali Edukattivi. Dawn ta' l-aħħar jagħmlu analiżi tal-kwalita' ta' tagħlim li jsir. Il-Kwalita' tintlaħaq ukoll billi d-Dipartiment tal-Kurrikulu joħroġ karti ta' l-eżami annwali tal-livelli meħtieġa. Dan isir kemm fil-livell primarju kif ukoll sekondrju. Il-fatt li l-istudenti ikollhom joqogħdu għall-eżami jservi mhux biss biex l-istudenti jaħdmu biex imorru tajjeb iżda wkoll jirrifletti l-impenn ta' l-għalliema. Fil-kuntest tal-Year 6 u tal-Form V din it-tip ta' tensjoni tkun tinħass b'mod ċar. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu joħroġ statistika tar-riżultati annwali ta' l-istudenti fil-livelli kemm Primarju kif ukoll Sekondarju. Din tingħata lill-Uffiċjali Edukattivi konċernati biex isegwu l-progress ta' l-istudenti. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel jingħatalhom ir-riżultat 'average' ta' l-istudenti kollha kif ukoll l-'average' ta' l-istudenti li jattendu l-iskola tagħhom . B'dan il-mod ikunu jistgħu iqabblu fejn qegħdin l-istudenti tagħhom. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu jaħdem biex jassigura il-kwalita' ukoll billi jipprovdi tagħlim 'In-Service' lill-għalliema. Fil-fatt f'Ġunju li għadda kważi elfejn għalliem ipparteċipaw fil-Korsijiet ta' l-Inset li d-Dipartiment tal-Kurrikulu organizza. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jaħdem ukoll fuq sistema ta' 'Level Descriptors' li eventwalment ikun jista' jgħin biex jiġi stabbilit f'liema livell qegħdin u fejn għandhom jaslu. Is-sistema ta' Quality Assurance msemmija huma kunsidrati bħala 'bidu' u tinħass il-ħtieġa li jiddaħħlu strutturi u mekkaniżmi ġodda sabiex il-kwalita' tkun tista' tiġi verifikata u assikurata f'kull livell ta' l-Edukazzjoni f'pajjiżna. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, filwaqt li m'għandu l-ebda prekunċett dwar rwoli fl-istrutturi li għad iridu jinbnew, qed jinvestiga u janalizza s-sitwazzjoni lokali u esperjenzi f'pajjiżi oħra biex ikun f'qagħda li jmexxi diskussjoni informata ma' dawk involuti. Il-FES għandha l-irwol ta' katalista ieħor fil-formolazzjoni tal-politika u l-istrateġija permezz ta' esperjenzi ta' proġetti pilota u ta' esperjenzi ta' tagħlim ta' forom ġodda.

Ħal Tarxien — Triq Marjanu Gerada - Asfaltar

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata dik il-parti ta' Triq Marjanu Gerada li tiżbokka fi Triq Dun Karm Sant, f'Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Ħal Tarxien — Triq Dun Ġużepp Calleja - Asfaltar

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Dun Ġużepp Calleja f'Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Ħal Tarxien — Triq Kelinu Cachia - Asfaltar

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Kelinu Cachia, f'Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li ser isiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Ħal Tarxien — Triq il-Kurunell Mas - Asfaltar

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata dik il-parti ta' Triq il-Kurunell Mas f'Ħal Tarxien li sal-lum għadha m'hijiex asfaltata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq bgħat perit biex jispezzjona t-triq imsemmija u nstab li t-triq jonqosa ħafna żvilupp xi jsir u għalhekk l-asfalt f'din it-triq isir aktar 'l quddiem meta l-iżvilupp jitlesta'.

Ħal Tarxien — Triq Leonardu Abela - Asfaltar

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex Triq Leonardu Abela f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'ghandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 142.

Twaqqif ta' ombudsman għall-anzjani

Question

Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra t-twaqqif ta' ombudsman għall-anzjani sabiex jiġu kkontrollati aktar il-każijiet ta' abbuż mill-anzjani, speċjalment fejn si tratta ta' ġid u proprjeta' li jistgħu jiġu mberbqa mill-familjari ta' anzjani dgħajfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat fid-dawl ta’ l-istrutturi u l-provedimenti legali diġa’ eżistenti.
Leg 10 PQ #1621 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta — Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan

Question

Xi tweġiba kellha Malta mid-diversi pajjiżi li ġew avviċinati bħala parti mill-eżerċizzju ta' lobbying sabiex jinkiseb appoġġ għall kandidatura Maltija għall kandidatura Maltija għall post ta' ko-ordinatur tal-Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, wara li saret sejħa pubblika mill-UNEP f'Nairobi għall-post ta' Ko-ordinatur tas-Segretarjat ta' l-MAP f'Ateni, l-għażla għal din il-kariga ssir mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-UNEP. Il-Kuntatti li saru ma' diversi pajjiżi membri ta' l-MAP kienu bil-ħsieb li jinġieb għall-attenzjoni tagħhom il-fatt li fost l-applikanti hemm ukoll applikant Malti.
Leg 10 PQ #1628 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — Infiq ta' flus fuq overseas travel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1524 u cioe jgħid kemm intnefaq fuq overseas travel mill-MTA is-sena li għaddiet u din is-sena s'issa? Kemm intnefaq fuq konsulenti fl-istess medda ta' żmien? Kemm hemm ħaddiema tal-MTA koperti b'personal insurance schemes privati a spejjeż tal-MTA innifisha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.