Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Spezzjoni fuq sit f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jara li l-enforcement officers tal-MEPA jiċċekkjaw lill-kuntrattur tas-sit tal-Galaxy f'Tas-Sliema peress li kull nhar ta' Ħadd ikun hemm il-ħaddiema jaħdmu bla ebda kopertura fuq il-faċċata u minħabba f'hekk ir-residenti qegħdin jgħixu fi trab kontinwu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li saru ¿ewġ spezzjonijiet il-bieraħ, 15 ta’ Lulju 2007, bejn is-7.30 u t-8.00 u bejn l-10.00 u l-10.30 ta’ filgħodu. Ma ġew innutati l-ebda xogħlijiet fuq is-sit. Is-sit in kwistjoni se jibqa’ taħt sorveljanza. Sadanittant tajjeb wieħed ifakkar li l-pubbliku jista’ jċempel fuq in-numru ta' emergenza ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), Malta 9926 9926 u Għawdex 9924 9924, anke nhar ta' Ħadd, biex jirraporta allegat ksur fil-kundizzjonijiet ta' permess.

Luxol carpark

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħlas għall-użu ta' Luxol carpark f'Pembroke għall-kunċert ta' Sting f'Ġunju 2006? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-ħlas kull metru kwadru?

Response (BORG, TONIO)

Permessi għal użu ta' proprjeta' pubblika sabiex isiru attivitajiet ta' ftit siegħat jingħataw mill-Kunsill Lokali u mhux iżjed mit-Taqsima tal-Proprjeta tal-Gvern. Għaldaqstant it-Taqsima tal-Proprjeta' tal-Gvern ma daħħlet ebda ħlas għal din l-attivita'. Ninsab infurmat illi f'din l-okkażżjoni l-Kunsill ma talabx ħlas, iżda ngħata donazzjoni ta' Lm1,200.

Malta Stock Exchange — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jippreżenta statistika ta' promozzjonijiet fil-Malta Stock Exchange mit-twaqqif tagħha sa llum fejn jelenka kemm persuni ħadu promozzjoni waħda, tnejn, tlieta jew aktar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Kunċert ta' Carreras

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħlas għall-użu tal-pjazza quddiem il-Palazz fil-Belt Valletta għal kunċert ta' Carreras f'Ġunju 2007? Jekk fl-affermattiv, x'kien il-ħlas kull metru kwadru?

Response (BORG, TONIO)

Permessi għal użu ta' proprjeta' pubblika sabiex isiru attivitajiet ta' ftit siegħat jingħataw mill-Kunsill Lokali u mhux iżjed mit-Taqsima tal-Proprjeta tal-Gvern. Għaldaqstant it-Taqsima tal-Proprjeta' tal-Gvern ma daħħlet ebda ħlas għal din l-attivita'.
Leg 10 PQ #27160 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Recompression Chamber

Question

B'referenza għall-problemi kbar li għandha r-recompression chamber ta' Għawdex bil-konsegwenzi li qiegħda hemm għal xejn għax kull każ qiegħed jiġi riferut Malta u anzi l-istess chamber hija ta' periklu għall-pazjenti, tista' l-Ministru tgħid x'inhu jsir biex l-investiment li sar mill-gvern f'dan il-makkinarju jkun jista' ta' l-inqas jintuża?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'hu minnu xejn li c-chamberhija perikoluża għall-pazjenti kif qalet l-Onorevoli Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija numru 27075.
Leg 10 PQ #27163 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nadur: Inkonvenjent fi Triq ir-Ramla

Question

Peress li r-residenti ta' Triq ir-Ramla u residenti oħra fl-inħawi tal-Ħali, Nadur, Għawdex qed ibatu minn inkonvenjent kbir minħabba l-istat u l-kondizzjoni ħażina ta' din it-triq, anke minħabba l-fatt li hemm ħafna trabijiet li qed jaffettwa avversament ukoll is-saħħa ta' diversi residenti fosthom anzjani u tfal, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-triq li twassal għar-Ramla ngħatat l-ewwel kisja tarmac u għalhekk ma fadalx l-inkonvenjent imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

MEPA — Enforcement officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom l-enforcement officers li jaħdmu mal-MEPA f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-enforcement unit ta' Għawdex l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha erba’ (4) enforcement officers. Tnejn minnhom għandom Degree Course fil-Planning. Wieħed għandu Diploma fis Social Studies u bħalissa qiegħed jagħmel Degree fis-Social Policy/Administration. Ieħor għandu ċertifikat fis-Secretarial Studies u o'level passes fil-Matematika, Ingliż, Malti, Computer Studies, Reliġjon u Typing.

Impjegati mas-settur pubbliku

Question

B'referenza għad-diskors pubbliku li l-Prim Ministru għamel nhar il-Ħadd, 8 ta' Lulju, jista' jgħid kemm hemm impjegati fis-settur pubbliku li ilhom bil-kuntratt definit erba' snin jew aktar? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond is-settur li l-impjegat jew impjegata qegħdin fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Impjegati tal-Gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26966 u 27097 u jgħid kemm ġew approvati call for applications għall-impjiegi mal-gvern jew ma' entitajiet tal-gvern matul din is-sena? Kemm minn dawn kienu fuq bażi temporanja u kemm fuq bażi indefinita? Kemm minn dawn il-call for applications kienu internal u kemm external u x'inhu s-salarju offrut u x'benefiċċji hemm ma' tali mpjiegi? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2005, 2006, 2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

SmartCity

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26967 u 27087 u jgħid kemm intnefqu flus mill-ministeru fi SmartCity matul din is-sena 2007? Kemm minn din is-somma kienet għal konsulenza jew pariri legali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li din is-sena għal Smart City intefqu Lm6,371. Minn dawn intefqu Lm2360 f'konsulenzi jew pariri legali.

Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26970 u 27088 u jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru tiegħu u mal-entitajiet li jaqgħu taħtu, separatament matul din is-sena? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'rimunerazzjoni u jew benefiċċji għandhom u jekk ġewx ingaġġati fuq bażi temporanja jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm appelli minn terzi quddiem il-MEPA s'issa? Kemm kien hemm deċiżjonijiet li ttieħdu favur jew kontra dawn l-appelli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn meta twaqqaf il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar, il-Bord irċieva 6,894 appell. Dawn kienu minn: 1. Avviżi biex Tieqaf u/jew ta' Twettiq 2. Permessi għall-Iżvilupp 3. Rifjut ta' Permessi għall-Iżvilupp 4. Skedar ta' Propjetà 5. Emergency Conservation Order 6. Multi/Garanzija Bankarja/Planning Gain 7. Kundizzjoni/jiet tal-Permess 8. PC application 9. GDO/DNO Minn dawn kienu deċiżi 5,718-il appell. Mill-1 ta' Jannar 2004 sat-30 ta' Ġunju 2007 il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar irċieva 151 appell minn terzi persuni. Minn dawn ġew deċiżi ħamsin (50) appell kif ġej: wieħed (1) favur l-appellanti (il-permess ġie annullat); wieħed (1) favur l-appellanti (il-permess ġie emendat); erbatax (14) kienu rtirati mill-appellanti; u erbgħa-u-tletin (34) kontra l-appellanti (il-permess baqa' fis-seħħ). L-informazzjoni ma kinitx tinżamm separata qabel is-sena 2004.

MEPA — Uffiċċju ta' l-Awditur

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'kienu r-raġunijiet miġjuba mill-MEPA li ma tkomplix bl-assenjar ta' l-istaff għall-uffiċċju ta' l-awditur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 26822.

Gallariji ta' l-injam

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun il-budget allokat għall-iskema li jmiss ta' bdil tal-gallariji ta' l-injam fl-urban conservation areas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-baġit allokat għall-iskema ta’ bdil tal-gallariji ta’ l-injam fl-urban conservation areas għas-sena 2007/2008 għadu qed jiġi stmat peress li l-iskema għadha qed tiġi ffinalizzata.

Boat Master Grade One

Question

Peress illi l-kors mill-Malta Maritime Authority għal Boat Master Grade One sejjer isir bejn Settembru u Ottubru 2007 u għalhekk m'hemmx possibilita' li persuna takkwista liċenzja ta' Boat Master Grade One għal dan is-sajf, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li dan jingħata liċenzja temporanja sakemm isir il-kors, in vista tal-fatt li kien fl-20 ta' Settembru, 2006 li sar l-aħħar eżami ta' Boat Master Grade One u f'Marzu 2007 saru żewġ orali lil tnejn li ma kenux għaddew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-Regolament ta' l-2002 dwar Bastimenti Kummerċjali persuna li tkun tixtieq taħdem fuq dawn il-bastimenti jinħtieġ li tkun għamlet kors mill-Istitut Marittimu ta’ l-MCAST li jwassal għal għoti ta' ċertifikat ta' kompetenza mgħoti mill-MMA. Ma naħsibx li l-Onor. Interpellant qed jissuġerixxi li l-MMA toħroġ dan iċ-ċertifikat mingħajr ma jkun sar il-kors, u għalhekk permessi kif suġġeriti fid-domanda ma jistgħux jinħarġu.
Leg 10 PQ #27178 Sitting 551 2007-07-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Decompression Chamber

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li żewġ tobba għamlu kors u ngħataw ċ-ċertifikat relattiv dwar kif għandu jitħaddem id-decompression chamber fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Iva, huwa minnu li żewġ tobba għamlu kors u ngħataw ċ-ċertifikat relattiv kif għandu jitħaddem id-Decompression Chamber.

Sick Leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ttieħdu ġranet off f'sick leave minn kull kategorija ta' ħaddiema fis-snin 2004, 2005, 2006? Kemm minn dawn kienu nisa? Kemm minn dan is-sick leave kien relatat ma' depression u stress u kemm mill-persuni li ħadu dan is-sick leave kienu nisa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, skond ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, t-tagħrif mitlub fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li, peress li n-natura tal-marda m’hiex kriterju biex persuna tirċievi benefiċċju, ma tinżammx statistika dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija.