Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Gwann — Vjal ir-Rihan - zebra crossing

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1525 ta' l-24.09.03, jista' il-Ministru jinnota li kuntrarju għal dak li hemm fit-tweġiba, ninsab informat minn residenti fl-akwati li xi ħames snin ilu fuq din iż-zebra crossing partikolari nqatlet anzjana b'daqqa ta' karozza, iktar minn għaxar snin ilu qabel saret it-triq u allura kienet ħafna aktar perikoluża, inqatlet anzjana b'daqqa ta' karozza fil-viċin filwaqt li ex-kunsillier xi żmien ilu waqaf fil-post jagħti l-ewwel għajnuna lil tifla li ntlaqtet minn karozza? Peress li meta residenti kkuntattjaw lill-kunsill lokali, is-Segretarju tal-Kunsill qalilhom li kien jaqbel li ż-zebra crossing hija unsafe iżda li l-kunsill ma seta' jagħmel xejn għax hija main road li taqa' taħt il-gvern ċentrali u kuntrarju għal dak li hemm fit-tweġiba ma tneħħiet l-ebda parking area, u peress li fil-fehma tar-residenti jekk huwa possibbli għandu jiġi kkonsidrat li tittawwal is-centre strip bħall-kumplament tat-triq, jista' il-Ministru jara jekk dan jistax isir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jidher ċar illi l-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari nru. 1525 hija essenzjalment korretta għax tikkonferma illi l-Kunsill Lokali u l-Awtorita dwar it-Trasport qegħdin jikkunsidraw x'għandu jsir. L-ADT m'għandhiex records ta' l-inċidenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, filwaqt li meta d-Direttorat tat-Toroq kien qed jiġbor din l-informazzjoni u kien avviċina lill-Kunsill, lanqas dan ta' l-aħħar ma deher li kellu nformazzjoni dwar l-inċidenti msemmija. Għaldaqstant m'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal-Mistoqsija Parlamentari 1525.

Pjani lokali għan-naħat t'isfel ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li jitlestew il-local plans tan-naħat t'isfel ta' Malta li issa ilhom pendenti għal żmien twil? X'wassal għal dan id-dewmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hu maħsub li l-Pjan għan-Nofsinhar ta' Malta joħrog għal konsultazzjoni pubblika għall-bidu tas-sena 2004. Id-dewmien fit-tfassil ta' l-abbozz ta' dan il-Pjan kien primarjament dovut għaż-żmien meħud għall-konsultazzjoni interna, u minħabba li dan il-Pjan jikkomprendi l-aktar numru ta' lokalitajiet. Il-Pjan qed isirulhu emendi biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ l-Awtroita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-approvazzjoni biex jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.

Ħarsien tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol

Question

Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm xi tliet inċidenti fejn tower crane inqasam jew inqaleb, fosthom anke inċident li ħalla ħaddiem mejjet, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jara jekk l-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, hux qed jaċċertaw li dawn it-tower cranes li ġieli jinxtraw second hand minn barra ikunu ta' kondizzjoni tajba? Possibbli jsiru spot checks fuq dawn l-inġenji, għax jien informat li ġieli wara li jiddaħlu Malta jiġu modifikati bir-riskju li ma jibqgħux safe?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond Avviż Legali 250 ta’ l-2001 maħruġ bis-saħħa ta’ l-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, prodotti nkluż krejnijiet u tower cranes, kemm ġodda kif ukoll second hand, li jkunu manifatturati barra minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jridu jkunu ċertifikati li huma konformi ma’ l-istandards stabbiliti skond Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 98/37/EC. Dawn ir-regolamenti mhumiex retroattivi u japplikaw mill-2001 ‘l quddiem. L-infurzar ta’ dan l-Avviż Legali jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ Maltija għall-iStandards. Barra minn dan, l-użu ta’ krejnijiet fil-qasam ta’ kostruzzjoni hu kopert mill-Kodiċi ta’ Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni. Skond dan il-Kodiċi, apparat għall-irfiegħ, inkluż tower cranes, għandu jkun ċertifikat minn persuna kompetenti (i) qabel l-ewwel użu, (ii) ġimgħa wara li jkun armat fil-post, (iii) wara alterazzjonijiet jew tiswijiet sostanzjali u (iv) kull xahar. Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li wettqet l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol tul iż-żmien, li l-kawżi l-aktar komuni ta’ inċidenti li jinvolvu krejnijiet jirriżultaw minn prattiċi ta’ xogħol ħżiena jew perikolużi u mhux minn armar jew strutturi difettużi. Minn naħa tagħha l-Awtorita’ qed tinvesti ħafna fit-tagħlim, fl-edukazzjoni u fit-tixrid ta’ nformazzjoni biex kull min għandu rwol fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu biex jiġu evitati nċidenti.
Leg 10 PQ #1686 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Studenti/adulti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti/adulti ġodda fl-MCAST f'din is-sena skolastika? B'kollox kemm hemm studenti/adulti jsegwu xi kors fl-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.

Mosta — Santa Margerita/Triq il-Pont - Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jirranġaw il-ħsarat li hemm f'Santa Margerita u fi Triq il-Pont, fil-Mosta fejn għal ġranet sħaħ qed ikun hemm fit-toroq ewlenin ta' hemm out flow tad-drenaġġ u kull xorta oħra li huwa bla ebda riserva ta' detriment għas-saħħa tar-residenti ta' l-inħawi u wkoll għal kull min jgħaddi minn hemm?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #1688 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Pawl il-Baħar — Persuna li applikat biex tattendi kors ta' gwardjan privat

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna - isimha qed jintbagħat separatament - li applikat biex tattendi għall-kors ta' gwardjan privat organizzat mill-ETC ma ġietx aċċettata meta dan huwa persuna li kellu school leaving certificate ta' Furtu Selavtico school, Naxxar, 1987, u Żebbuġ secondary school sa mill-1990 wara li kien daħal hemmhekk fl-1988 u ċertifikat ieħor bħala school leaving certificate meta attenda fid-Danny Cremona school of agriculture, ta' Ħal Qormi bejn l-1991 u l-1992? Għaliex persuna bħal din ma ngħatatx iċ-ċans li ta' l-inqas tattendi l-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din il-persuna li dwarha qed issir din il-Mistoqsija Parlamentari, ma ġietx aċċettatha biex tattendi il-kors ta' Gwardjan Privat organizzat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għaliex ma kelliex iċ-ċertifikati kif preskritt mill-Liġi. Dan kien ikkonfermat mill-istess persuna meta avviċina lill-uffiċjali tal-Korporazzjoni. F'ċirkostanzi bħal dawn ikun inutli li l-persuna tattendi għat-taħriġ la darba l-istess persuna ma tistax tieħu dan l-impjieg.
Leg 10 PQ #1733 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Health Assistants — Kors ta' Nursing Aide

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm Health Assistants li għamlu u għaddew b’suċċess mill-kors ta’ Nursing Aide u li sal-lum għadhom jaħdmu u jitħallsu ta’ Health Assistants?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda Health Assistants li għamlu u għaddew b'suċċess mill-kors ta' Nursing Aide u sal-lum għadhom jaħdmu u jitħallsu ta' Health Assistants.

Health Assistants — Kors ta' Nursing Aide

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm Health Assistants li għamlu u għaddew b’suċċess mill-kors ta’ Nursing Aide u li sal-lum għadhom jaħdmu u jitħallsu ta’ Health Assistants?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #1735 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Attard — Skola Tumas Dingli - Kumpless Sportiv

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 224, jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax l-award tat-tender? Meta se jibda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-pjanti ta' kif ġej il-kumpless sportiv? Min se jkun responsabbli mix-xogħlijiet u meta hu maħsub li x-xogħol jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba oriġinali.

Toroq — Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-informazjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 855 u cioe’ jgħid liema kienu t-toroq li ngħataw it-tarmac mill-Gvern Ċentrali matul l-2002 u l-2003 f’Ħ’Attard, Haż-Żebbug, Siġġiewi u ħad-Dingli? Kemm ġiet tiswa kull triq? Liema huma t-toroq fl-istess lokalitajiet li l-Gvern bi ħsiebu jagħti t-tarmac fil-kumplament ta’ din is-sena jew fis-sena 2004? ?

Response (GALEA, ĊENSU)

F'seduta ohra ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq li ġew asfaltati matul l-2002 u l-2003. Fil-preżent l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha kif ħarġet sejħa għall-offerti għal asfaltar ta' Triq Indri Borg f'Ħaż-Żebbuġ. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor. Interpellant id-Direttorat qiegħed iħejji programm għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta Kollha għat-2004 u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien. Minbarra hekk, tajjeb wieħed jinnota li xogħol fuq toroq partikolari f'lokalitajiet partikolari, ikunu għaddejjien kważi f'kull lokalita, kull sena.
Leg 10 PQ #1738 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Operating theatre

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex fl-isptar ġenerali ta' Għawdex fl-operating theatre hemm nuqqas ta' ngwanti u maskli protettivi? Tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qatt ma kien hemm nuqqas ta' ngwanti u maskli protettivi ġewwa l­operating theatre ta' l­isptar Ġenerali ta' Għawdex.

Gozo Chasnnel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel tnaqqsu u għaliex mhux qed jingħata overtime lill-ħaddiema? Tista' il-Ministru jgħid jekk hemmx pjanti xi sensji ta' ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif jigri dejjem fix-xitwa, l-ħinijiet tal-ħaddiema jonqsu, minħabba s-skeda ridotta tax-xitwa. Madankollu, l-ħaddiema dejjem baqgħu jitħallsu 'in full'. Overtime, kif dejjem ġara, jingħata skond il-bżonn. M'hemm l-ebda 'ban' fuq l-overtime. M'hemmx pjanijiet li se jiġu ssensjati xi ħaddiema.

Gozo Channel — Time table

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex wara li kienet diġa ġiet distribwita t-time table tax-xitwa tal-Gozo Channel din ġiet irtirata u nħarġet oħra li fiha inqas trips?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat mill-Gozo Channel Company Ltd li t-tibdil fl-iskeda tal-vjaġġi fil-għaxija fix-xitwa inbidlu għal żewġ raġunijiet: 1) Biex jitjieb il-livell ta' servizz mogħti lill-passiġġieri u l-klijenti tal-Gozo Channel; 2) Biex tinqata' ħela li kienet qed tirriżulta mill-iskeda l-antika. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru n-numru ta' passiġġieri u vetturi, u l-occupancy level tal-vapuri f'Ottubru, Novembru u Diċembru 2002 fil-vjaġġi li tnaqqsu mill-iskeda tax-xitwa. Dawn it-tabelli juru li f'dawn it-tlett xhur il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fis-sebgħa neqsin kwart ta' fil-għaxija kellu medja ta' 11 % occupancy ta' passiġġieri u anqas minn nofs l-ispazju fil-garaxx tal-vetturi okkupat (45%). Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-sebgħa u nofs kellu medja ta' 11% occupancy ta' passiġġieri u aktar minn nofs il-garaxx tal-vetturi vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fit-tmienja u nofs ta' fil-għaxija kellu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'aktar minn żewġ terzi tal-garaxx vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-disgħa ta' fil-għaxija kien ikollu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'żewġ terżi mill-garaxx tal-vetturi vojt. Dan ma kienx l-aħjar użu tar-riżorsi tal-Gozo Channel li huma meħtieġa biex jaqdu l-bżonnijiet essenzjali t'Għawdex u ta' l-Għawdxin. Kull użu ħażin tar-riżorsi tal-Gozo Channel finalment irid jitħallas zejjed minn min iħallas it-taxxi. Bit-tibdil fl-iskeda, l-Gozo Channel qatgħet aktar minn Lm1400 fi spejjeż kull ġimgħa. Jiġifirei bejn Ottubru u Diċembru ser tkun iffrankat aktar minn tmintax-il elf lira li ser jikkontribwixxu biex iżommu vijabbli is-sussidju li jingħataw l-Għawdxin fuq l-użu tal-vapur minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom. Il-passiġġieri tal-vjaġġi ta' fil-għaxija ma ntlaqtu bl-eda mod ħlief li inġabru fi vjaġġi mqassma aħjar matul is-serata. Bit-tibdil fl-iskeda, l-aħħar vapuri minn Malta u minn Għawdex ser ikunu qed jtilqu aktar tard biex jaqdu aħjar l-aktar lis-settur turistiku. Dan għax issa li l-aħħar vjaġġ minn Għawdex minflok fil-ħdax ta' fil-għaxija, issa se jkun fil-kwarta ta' fil-għodu. Kombinat man-noll li jista' jinxtara fil-għaxija miċ-Ċirkewwa li permezz tiegħu b'erba' Liri karozza b'erba persuni, jew bi tlett Liri erba' persuni bil-mixi jistgħu imorru jieklu Għawdex ser jagħmel ir-restoranti Għawdxin aktar attraenti għall-Maltin u t-turisti. Irrid insemmi l-eżempju ta' numru ta' sidien ta' restoranti b'sens partikolarment intraprenditorjali li qed joffru lill-klijenti Maltin tagħhom li jirrifondulhom l-ispiża tal-vapur meta dawn jitilgħu bid-Diners' Group Ticket tal-Gozo Channel. Dan juri kif b'koperazzjoni bejn is-settur turistiku Għawdxi u l-Gozo Channel nistgħu nassiguraw it-tkabbir ta' din l-attivita' ekonomika f'Għawdex. Barra minhekk, l-aħħar vjaġġ minn Malta ser jitlaq fis-siegħa ta' fil-għodu, minflok bħal qabel fil-ħdax u nofs biex b'hekk anqas turisti li jridu jmorru Għawdex ma jkollhom għajfejn jorqdu Malta fl-ewwel lejl tagħhom hawn wara l-wasla tagħhom bl-arjuplan.
Leg 10 PQ #1741 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel sekondarji — Trasport

Question

Peress li bħalissa t-trasport għall-iskejjel sekondarji wara l-iskola mhux qed jopera, u allura qed jikkawża ħafna nkonvenjenti kemm għall-istudenti li ħafna minnhom jimxuha sad-dar kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, jista' il-Ministru jara li tinsab soluzzjoni jew alternattiva sabiex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għal Għawdex.

Gozo Channel — Boat Charter

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-boat charter ser jitwaqqaf wara li l-Gozo Channel stess ftaħret b'dan is-servizz ġdid u innovattiv? X'ser jiġri mid-dgħajsa li kienet tintuża għal dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Boat Charter, jitħaddem bil-ko-operazzjoni tal-Gozo Tourism Association u l-Gozo Channel, ma twaqqafx, imma ser ikompli, b'arranġamenti simili bħax-xitwa li għaddiet. Għandha toħroġ stqarrija lill-pubbliku fil-jiem li ġejjien. Id-dgħajsa li biha kienu jsiru l-vjaġġi ma kienetx il-propjeta' tal-Gozo Channel, imma ta' terzi persuni, u kienet tagħmel l-vjaġġi skond id-domanda.

Bormla — Pelican Lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jitwaħħal xi pelican lights fuq iż-zebra crossing li hemm viċin il-knisja ta' Santa Tereża Bormla?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta' Bormla kien għamel talba għal pedestrian crossing fi Triq Santa Tereża fejn din ġiet approvata mid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku f'Mejju 2001. Sa llum ma kien hemm ebda talba oħra mill-Kunsill Lokali.

Liċenzja tat-television

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal xiex tinġabar il-liċenzja darba fis-sena tat-television?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bordijiet u kummisjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummisjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi onorarja u benefiċji oħra u jgħid x'inhuma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi huma l-istess bordijiet li kien hemm qabel April 2003.

Bordijiet u kummissjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi onorarja u benefiċji oħra u jgħid x'inhuma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra peress li l-informazzjoni relattiva għadha qieghda tinġabar.